DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, WAQT IL-KONFERENZA TAL-JUM DINJI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR – TAS-SLIEMA – 15 TA` MARZU 2011
Sinjuri.
Qabel xejn nirringrazzjakom li lqajtu l-istedina tad-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u ġejtu hawnhekk għal din il-konferenza ta’ dalgħodu - li hi l-attivita’ prinċipali li qed issir biex flimkien infakkru l-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur.
Il-promozzjoni tad-drittijiet tagħna l-konsumaturi hi fost l-aktar valuri importanti tal-Unjoni Ewropea. Dan hu rifless fid-Direttivi u fil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea li jħarsu l-interessi tal-konsumatur. U dan hu valur li jiġi ċelebrat kull sena fil-pajjiżi Ewropej u madwar id-dinja kollha.
Illum il-ġurnata numru ta’ drittijiet neħduhom bħala ovvji, fosthom
1. Li l-konsumatur jista’ jixtri mil-liema pajjiż tal-Unjoni Ewropea jrid mingħajr ma jħallas taxxa tad-dwana jew VAT addizzjonali;
2. F’każ li jkun xtara prodott u dan ikollu l-ħsara jew b’xi mod ma jkunx konformi ma dak maqbul, il-konsumatur għandu dritt għar-rimedju, li l-prodott jissewwa jew li jingħata prodott ġdid floku jew li jinradd lilu parti mill-prezz jew il-ħlas kollu lura skont il-każ;
3. Li l-prodotti li jinxtraw mis-swieq għandhom ikunu kollha siguri u ma jagħmlux ħsara lill-konsumaturi;
4. Li l-konsumatur għandu jkun infurmat dwar il-prodotti tal-ikel li jkun qed jikkonsma u għalhekk jeżistu liġijiet dwar food-labelling;
5. Li l-klawsoli f’kuntratti iffirmati bejn bejjiegħa u konsumaturi, għandhom ikunu ġusti għall-konsumatur;
6. Li konsumatur għandu jgawdi minn cooling-off period f’kaz ta’ doorstep contracts u distance-selling ;
7. Li l-konsumatur jinghata informazzjoni adegwata biex ikun jista’ jqabbel il-prezzijiet ta’ prodotti differenti;
8. Li l-konsumatur bl-ebda mod u fl-ebda ħin m’għandu jiġi ingannat u għaldaqstant hu protett minn reklamar qarrieqi ;
9. Li l-konsumatur li jivvjaġġa, kemm jekk fuq xogħol kif ukoll jekk għal vaganza, għandu jgawdu minn protezzjoni u jitħares minn prattiċi abbużivi;
10. U li l-konsumatur li jirreġistra ilment fuq prodott li jkun xtara minn stat ieħor tal-Unjoni Ewropea, għandu jingħata informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħu bħala konsumatur fl-Unjoni Ewropea u dwar kif jista’ jfittex rimedju.
Dawn li għadni kemm irreferejt għalihom huma l-għaxar prinċipji bażiċi dwar il-ħarsien tal-konsumatur fl-Unjoni Ewropea.
Il-ħidma li qed issir f’pajjiżna fil-qasam tal-konsumatur hi mnebbħa minn dawn il-prinċipji li qed ikunu implimentati b’mod li jirriflettu l-ħtiġijiet tas-swieq tagħna.
Hekk per eżempju. Semmejt il-cooling off period – li hu l-perjodu li matulu konsumatur jista’ jirtira minn kuntratt ta’ bejgħ li jkun laħaq iffirma għaliex ikun reġa’ bdielu. Dan il-perjodu ma jgħoddx biss għal dawk il-konsumaturi li jixtru minn xi telebejgħ. F’Ottubru tas-sena li għaddiet, f’pajjiżna daħħalna regolamenti dwar consumer credit, li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur meta jiġi biex jissellef il-flus minn banek u entitajiet kummerċjali oħra. Dawn taw drittijiet ġodda lil dak il-konsumatur li jkun se jissellef il-flus, bħal per eżempju d-dritt li konsumatur jirtira mill-kuntratt ta’ kreditu mingħajr penali u mingħajr l-obbligu li jagħti ġustifikazzjoni fi żmien ta’ erbatax-il ġurnata mill-konklużjoni tal-kuntratt.
F’dan il-kuntest, tajjeb li ngħid li bħalissa għaddej ix-xogħol biex jinħarġu wkoll regolamenti dwar self fuq djar – dwar il-home loans - sabiex anki f’dan il-kuntest il-konsumatur ikollu livell ogħla ta’ protezzjoni milli għandu issa meta jiġi biex jagħmel waħda mill-aktar deċizjonijiet importanti u jissellef biex jixtri dar.
Irridu nassiguraw li konsumatur ma jiġix ingannat. Anzi - konsumatur għandu jgawdi minn prodotti ta’ kwalita’ biss. Il-prodotti li jixtri jkunu siguri u li l-ikel li jikkonsma jkun tajjeb u li verament jirrifletti dak li jkun imniżżel fuq l-ippakkeġġjar.
Hu għal dan il-għan li f’pajjiżna fis-snin li għaddew iddaħħlu 23,000 standard li ħafna minnhom tfasslu fl-Ewropa u kienu addottati minn pajjiżna. 12-il standard ieħor tfasslu mill-esperti mqabbda mill-Awtorita’ Maltija għall-Istandards. Dawn l-istandards huma maħsuba biex iħarsu l-konsumatur Malti – mill-kbir saż-żgħir.
Hekk per eżempju, l-istandard dwar id-distribuzzjoni tal-ħalib jispeċifika f’liema kundizzjonijiet u f’liema temperaturi dan il-prodott għandu jinġarr u jinżamm qabel dan jasal għand il-konsumatur. L-istess jgħodd għal-linji gwida dwar il-bejgħ tal-ħut fit-triq. Filwaqt li dawn il-linji gwida tfasslu għar-realta’ partikolari ta’ Malta fejn għandna numru ta’ bejjiegħa li għadhom ibiegħu l-ħut b’mod tradizzjonali, ma jwarrbux il-fatt li l-konsumatur għandu jitħares billi jkun assigurat li l-ħut jasal għandu fl-aħjar kundizzjoni u li ma jpoġġilux saħħtu f’periklu.
Matul is-sena li għaddiet l-Awtorita’ Maltija għall-Istandards ħadet passi kull fejn sabet li fis-suq qed jinbiegħu ġugarelli li jistgħu jagħmlu ħsara lit-tfal li jkunu qed jilagħbu bihom. Fi tnax-il xahar, l-uffiċjali tal-MSA għamlu spezzjonijiet f’44 stabbiliment u fuq 214-il ġugarell differenti. Ħdax-il tip ta’ ġugarell differenti ntbagħtu għat-testijiet u għall-analiżi barra minn Malta.
Malta ħarġet tliet notifiki fuq is-sistema ċentralizzata tar-RAPEX u b’hekk infurmat lill-bqija tal-istati membri dwar il-perikli ta’ dawn it-tliet ġugarelli. Ir-RAPEX hi sistema mhejjija u mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea biex tassigura li prodotti li jinstab li jkunu ta’ riskju serju għas-saħħa tal-konsumaturi, ikunu notifikati madwar is-suq Ewropew kollu. B’hekk il-pajjiżi membri kollha tal-UE jkunu jistgħu jieħdu miżuri f’waqthom biex jassiguraw li ħadd mill-konsumaturi ma jbati konsegwenzi ta’ prodotti mhux konformi mal-liġijiet u r-regolamenti Ewropej.
Dwar it-tliet każijiet li semmejt, irrid ngħid li l-uffiċjali tal-Awtorita’ Maltija għall-Istandards sabu l-koperazzjoni kollha meħtieġa mill-importaturi tal-istess ġugarelli tant li x’ħin dawn indunaw bil-perikli ta’ dawn il-ġugarelli, irtirawhom bla telf ta’ żmien mis-suq.
Dan juri li m’għandniex niġġeneralizzaw. B’xorti ħazina ħafna drabi nisimgħu diskors fis-sens li l-bejjiegħa u n-negozjanti jagħmlu minn kollox biex ibiegħu anki jekk l-affarijiet ma jkunux ta’ kwalita’. Kien hawn l-impressjoni, għalkemm f’ħafna każi fuq ġustifikata, li xi negozjanti f’xi swieq partikolari mhux dejjem kienu onesti mal-klienti tagħhom.
Ejja ma nagħmlux l-iżball li npoġġu lil kulħadd fl-istess keffa. Aktar minn hekk ejja nassiguraw li jkollna swieq li jaħdmu u li nsaħħu l-fiduċja bejn il-konsumatur u n-negozji. Fl-aħħar mill-aħħar dawn huma l-għanijiet ewlenin tal-Awtorita’ l-ġdida – l-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur li se tkun qed titwaqqaf f’qasir żmien wara li jintemm id-dibattitu fil-Parlament. (Il-liġi bħalissa qed tiġi diskussa fl-istadju ta’ kumitat.)
Kif se jkollna ċ-ċans li nisimgħu aktar tard illum, l-Awtorita’ l-ġdida se jkollha rwol ġdid. Se tiddaħħal il-marka ta’ fiduċja biex il-konsumatur ikun jaf liema negozji jagħtuh livell għoli ta’ protezzjoni u l-konsumatur ikun jista jixtri b’ċerta serħan tal-moħħ. Fil-promozzjoni ta’ prattiċi tajba ta’ negozju, se jsiru arranġamenti għall-approvazzjoni ta’ kodiċi ta’ imġieba u għall-użu ta’ simbolu uffiċjali li juri dan.
Is-sidien tan-negozji qed jifhmu dejjem aktar li biex ibiegħu aktar iridu jaħdmu biex isaħħu l-fiduċja li l-konsumaturi għandhom fihom. Jekk innaqqsu l-prattiċi mhux ġusti, tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fin-negozji, il-bejgħ u l-konsum jiżdiedu. X’ħin il-konsumatur jinduna li s-sidien tan-negozji jidħlu minn jeddhom biex josservaw codes of good practice, jibdew jafdawhom aktar u jixtru aktar ukoll.
Jekk ikollna prattiċi tan-negozju aħjar milli għandna llum tiżdied il-fiduċja fin-negozji u n-nies jixtru aktar. Din tista’ tkun waħda mill-metodi kif in-negozju Malti jista’ jikkompeti b’mod san u jikkonvinċi lill-konsumatur jixtri mingħandu għax hu joffri servizz tajjeb li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Jien konvint li minn dan l-eżerċizzju se jkun qed igawdi kulħadd – in-negozji, in-nies tal-business, u aħna lkoll – aħna l-konsumaturi.
Irrid nisħaq fuq punt ieħor. Aħna l-konsumaturi rridu nagħmlu l-parti tagħna wkoll. Irridu nedukaw irwieħna dwar id-drittijiet tagħna u dwar kif għandna neżerċitawhom. Irridu nkunu konsumaturi responsabbli biex inkunu nafu verament x’għandna nistennew min-negozji u mhux nippretendu affarijiet li m’għandniex dritt għalihom.
Hu għalhekk li fix-xhur li ġejjin l-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur se tibda tibgħat fid-djar pubblikazzjoni apposta bil-għan li twassal informazzjoni lill-konsumatur. Din mhux se tkun l-ewwel u l-uniku inizjattiva ta’ dan it-tip. L-edukazzjoni tal-konsumatur issir b’diversi modi biex nilħqu kategoriji differenti fis-soċjeta’ tagħna. Lit-tfal fl-iskejjel nilħquhom permezz tad-DOLCETA – sit elettroniku li fih taqsimiet sħaħ intiżi għat-tagħlim dwar aspetti varji bħad-drittijiet u obbligi tal-konsumatur, is-servizzi finanzjarji, is-saħħa u sigurtà tal-konsumaturi, il-konsum sostenibbli u l-protezzjoni ambjentali. Fis-sit għal Malta wieħed isib informazzjoni rilevanti għall-kundizzjonijiet ta’ pajjiżna, fosthom l-effiċjenza fl-enerġija, l-insulazzjoni tajba fid-djar, u lesson-plans għall-għalliema li jitkellmu dwar il-kuntest lokali.
Lill-adoloxxenti qed nilħquhom permezz tal-Europa Diary - djarju li jitqassam mingħajr ħlas lil kważi erba’ miljun żagħżugħ Ewropew ta’ bejn il-15 u t-18 –il. Din is-sena, madwar 10,000 student Malti u Għawdxi irċievew u qed jużaw l-Europa Diary.
Tant qed insostnu dwar l-importanza ta’ l-edukazzjoni tal-konsumatur u tant nemmnu fiha din bħala l-ewwel staffetta li għandha tevita diżappunti għall-konsumatur, li l-Awtorita’ l-ġdida se jkollha Direttorat apposta ghall-Informazzjoni, Edukazzjoni u Ricerka biex joħloq għarfien tad-drittijiet tal-konsumatur u jeduka lill-konsumatur jagħmel għażliet infurmati fis-suq.
Sinjuri.
Tul it-tnax-il xahar li għaddew ħadna numru ta’ inizjattivi konkreti favur il-konsumatur. Uħud minnhom diġa rreferejt għalihom.
1. Bħall-ħidma li qed issir biex titwaqqaf l-Awtorita’ l-ġdida;
2. qed jidħlu fis-seħħ numru ta’ standards biex iħarsu l-kwalita’;
3. tfasslu linji gwida dwar kif jinżamm ċertu tip ta’ ikel qabel dan jinbiegħ;
4. daħlu fis-seħħ ir-regolamenti fuq consumer credit;
5. u bħalissa qed isir xogħol fuq ir-regolamenti fuq self fuq djar.
Ma nistax ma nsemmix ukoll…
6. ir-roħs fil-prezzijiet ta’ 129 mediċini. Qed naħdmu biex aktar mediċini jorħsu fil-ġimgħat li ġejjin.
7. saru u qed isiru investigazzjonijiet dwar prattiċi li jidhru li jistgħu ma jkunux ġusti jew anti-kompetittivi.
8. Tnediet l-applikazzjoni Howard biex tgħin lill-konsumatur jixtri b’aktar serħan tal-moħħ minn fuq l-internet
9. Qed tiddaħħal il-metroloġija legali biex nassiguraw li ħadd ma jħallas iżjed milli hu obbligat għal xi prodott li jkun xtara.
10. Dahlu fis-sehh emendi ghar-Regolamenti dwar it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi intiżi biex dan ikun aktar effettiv u jasal għal deċiżjonijiet fi żmien iqsar.
11. Beda x-xogħol fuq Liġi dwar class actions;
12. Sar stħarriġ dwar it-tendenzi u d-drawwiet tal-Maltin fuq l-ikel li jieklu.
13. Tnediet kampanja ta’ informazzjoni dwar il-marka CE;
14. Saret kampanja ta’ informazzjoni intensiva dwar ir-regolarizzazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ liftijiet.
15. Saru spezzjonijiet fi ħwienet u stabbilimenti biex ikun aċċertat li l-konsumatur qed jingħata prodotti ġenwini u ta’ kwalita’.
16. Saru spezzjonijiet biex ikun żgurat li l-prodotti mqegħda fuq is-suq huma konformi mal-liġijiet.
17. Qed isir xogħol biex jitfassal standard nazzjonali ġdid dwar l-aċċessibilita’ f’postijiet pubbliċi.
18. Kienu addottati mal-1,627 standard Ewropew.
19. Diversi kumpaniji għaddew minn testijiet diffiċli u kisbu ċertifikazzjonijiet varji fl-immaniġġjar tal-kwalita’.
20. Negozji li laħqu livelli għolja ta’ kwalita’ fil-prodotti u fis-servizzi li joffru lill-konsumatur ingħataw ċertifikazzjoni li tixhed dan. insetti u annimali qerrieda (Pest controllers).
21. Se tiddaħħal il-marka ta’ fiduċja għal negozji li jsegwu kodiċi ta’ prattiċi tajba;
22. Beda x-xogħol biex jintbagħtu pubblikazzjonijiet ta’ tagħrif ġenerali lill-konsumaturi fi djarhom;
23. Se jkun introdott award annwali għall-kwalità fl-industrija;
24. Bdiet kampanja ta’ informazzjoni mal-konsumaturi u l-professjonisti tas-saħħa dwar il-mediċini.
Sinjuri.
Dan kollu juri li l-konsumatur jinsab fuq nett tal-aġenda tal-ħidma tal-Gvern f’dan il-pajjiż. Ejja naħdmu biex ikollna swieq li jaħdmu aħjar u biex insaħħu l-fiduċja fin-negozji tagħna fl-aħjar interess ta’ kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en