IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JILTAQA’ MAL-GĦAQDIET VOLONTARJI TA’ SAN PAWL IL-BAĦAR
“Is-sens ta’ solidarjetà jagħmel parti mill-karattru Malti. Dan għandu jagħmilna kburin li aħna Maltin. ” – Dan qalu l-President George Abela meta l-bieraħ tkellem fi tmiem laqgħa li saret mal-għaqdiet volontarji ta’ San Pawl il-Baħar bħala parti miż-żjara tiegħu f’San Pawl il-Baħar li tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd 13 ta’ Marzu 2011. Il-laqgħa tmexxiet mis-Sindku l-Perit Graziella Galea.
Wara li sema’ dwar il-ħidma tad-diversi organizazzjonijiet involuti fil-ħidma volontarja fil-komunità ta’ San Pawl il-Baħar, il-President irringrazzja lil kulħadd tal-laqgħa u kellu kliem ta’ tifħir għall-mod kif dawn l-individwi, pemrezz tal-għaqdiet jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom għall-ġid komuni. Dan is-sens ta’ mpenn biex ngħinu qed narawh f’dawn il-ġranet anke fuq bażi internazzjonali. Il-President Abela sostna li l-Presidenza temmen li l-ħidma volontarja għandha tkun apprezzata u kien għalhekk li twaqqaf kumitat li iktar ‘il quddiem għandu jniedi l-Premju tal-Volontarjat taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta fejn individwu jew għaqda jkunu ppremjati għall-ħidma tagħhom f’dan il-qasam.
Il-President George Abela semma ukoll ir-rwol li l-għaqdiet fil-lokalità jista’ jkollhom f’dak li tħabbar din il-Ġimgħa – il-Premju tal-President għall-Kreattività. Dan il-Premju għandu l-għan li jgħin fl-iżvilupp ta' talenti ġodda u fit-tkattir ta' ħidma marbuta ma' proġetti tal-arti li jimpenjaw lit-tfal u ż-żgħażagħ fil-komunità. Hemm tliet programmi marbuta mal-Premju- Tfal, Żgħażagħ u Komunità. Il-programm tal-Komunita tindirizza organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, kemm jekk huma privati kif ukoll pubbliċi, li jħeġġu l-iżvilupp tal-kreattività fost it-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġati. Dan jinkludi proġetti li jimpenjaw artisti u professjonisti oħra biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta' kreattività li jħarsu lejn il-ħtiġijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ fi ħdan il-komunità.
Il-President Abela ikkonkluda billi ħeġġeġ lill-għaqdiet jorganizzaw żjarat fil-Palazzi Presidenzjali sabiex verament jitgawdew minn kulħadd u wkoll inkorraġġihom sabiex jaħdmu flimkien mal-Kunsilli Lokali sabiex imexxu każijiet ta’ nies fil-bżonn quddiem il-Malta Community Chest Fund sabiex il-fond ikompli bil-ħidma fejjieda tiegħu.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en