L-INVESTIMENT FL-ESTENSJONI TAL-POWER STATION: INVESTIMENT FIT-TISĦIĦ SOĊJALI, EKONOMIKU U AMBJENTALI TA’ PAJJIŻNA
Ix-xogħol fuq l-estensjoni miexi kif skedat
L-investiment fl-estensjoni tal-Power Station huwa investiment favur it-tisħiħ soċjali, ekonomiku u ambjentali ta’ pajjiżna. Hekk sostna l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech wara li temm żjara fix-xogħlijiet li għaddejjin fis-sit tal-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara.
“Dan huwa proġett li se jippermetti li pajjiżna jibqa’ jikber ekonomikament u jissaħħaħ soċjalment. Li kieku l-Gvern ma nvestiex f’dan il-proġett ma nistgħu nagħtu ebda garanziji lil dawk il-fabbriki li għandna f’pajjiżna li jixtiequ jespandu l-operat tagħhom jew lil dawk is-sidien ta’ negozju Maltin jew barranin li jixtiequ jinvestu f’pajjiżna. Ma nistgħux nagħtu garanzija ta’ provvista kontinwa u sigura tal-elettriku lill-familji tagħna għall-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum. Ma nistgħux nitkellmu fuq Viżjoni 2015 mingħajr dan il-proġett. Għalhekk, dan dan huwa investiment kruċjali għall-postijiet tax-xogħol u għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja.”
Il-Ministru Fenech innota li fl-1990 pajjiżna kellu bżonn ta’ 230 Megawatt ta’ enerġija filwaqt li llum jikkonsma 400. Il-fatt li l-konsum kważi rdoppja f’għoxrin sena huwa xieda li l-provvista tal-enerġija hija marbuta b’mod dirett mal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż u mat-titjib fil-kwalità tal-ħajja. Sal-2015, dan il-konsum mistenni jitla għal 420 Megawatt.
Huwa tkellem ukoll fuq l-importanza ta’ dan il-proġett mill-aspett ambjentali. “Bl-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara u l-interconnector nistgħu nagħlqu l-Power Station Marsa, li hija wieħed mill-aktar sors ta’ tniġġis f’pajjiżna u sors kbir ta’ ħela, peress li din llum għadha topera b’madwar 25% tal-effiċjenza biss. L-effiċjenza hija kruċjali fid-dawl ta’ prezzijiet taż-żejt li komplew jiżdiedu u huma mill-aktar volatili. Xhieda ta’ din il-volatilità hija s-sitwazzjoni fil-Libja, li wasslet biex il-prezz taż-żejt tela’ għal aktar minn 110 dollari l-barmil.
Din l-estensjoni qed issir skont l-aqwa standards ambjentali Ewropej. Il-proġett qed jiġi finanzjat fil-parti l-kbira mill-Bank Ewropew tal-Investiment, li jimponi regoli u standards stretti fil-proġetti li japprova l-għajnuna għalihom. Bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hi obbligata wkoll li tosserva regolamenti mill-aktar stretti fil-qasam ambjentali. L-Enemalta b’mod kontinwu timmoniterja l-emissjonijiet fl-arja li joħorgu mill-impjant. Dawn huma disponibbli u aċċessibbli fuq l-Internet. It-titjib tal-kwalità tal-arja se jkun possibbli wkoll gћaliex se tintuża l-aqwa teknoloġija li tibdel l-emissjonijiet li jiġu prodotti fi skart li jinqabad u jiġi esportat barra minn Malta.
Ix-xogħol fuq il-proġett, b’investiment totali ta’ €183miljun, mixi tajjeb u jinsab skont il-programm, li għandu jwassal biex l-impjant ikun lest sa Mejju 2012.
Il-Ministru Tonio Fenech kien akkumpanjat minn William Spiteri Bailey, Aġent Chairperson tal-Korporazzjoni Enemalta u minn Karl Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-Korportazzjoni Enemalta.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en