Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAT-TURIŻMU

pr1665
Date Icon 01/10/2009

L-industrija tat-turiżmu mgħejjuna bil-fatti

Is-Segretarjat għat-Turiżmujirreferi għall-istqarrija mid-Deputata Laburista Marie Louise Coleiro Preca, Kelliema Ewlenija għat-Turiżmu.
Kuntrarjament għal dak li ngħaddmill-Oppożizzjoni, ir-riżultati tat-turiżmu miksuba minn Malta fl-ewwel tmien xhur tas-sena li juru tnaqqis ta’ -11 fin-numru ta’ turisti li waslu meta mqabbla mas-sena 2008, huma fil-medja ta’ dak li qed iseħħ fil-Mediterran. Fil-fatt skont l-aħħar statistika Ċipru kellha tnaqqis ta’ -11.1%, Spanja tnaqqis ta’ -12.8%,  il-Gżejjer tal-Canaries tnaqqis ta’ -14% u l-Portugal ta’ -11.1%.
Is-Segretarjat Parlamentarijsostni li r-riżultati miksubin mis-settur turistiku fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena jridu jitqiesu fil-kuntest tal-kriżi internazzjonali li ħalliet effetti negattivi fuq l-industrija tal-ivvjaġġar madwar id-dinja. Pajjiżna huwa espost aktar minn oħrajn għal żewġ fatturi prinċipali:

–         Malta hi l-iktar pajjiż fl-Ewropa li jiddependi fuq l-ivvjaġgar bl-ajru għall-aċċessibbiltà b’dipendenza totali fuq il-linji tal-ajru.

–         Malta hi l-iktar pajjiż fl-Ewropa dipendenti fuq it-turiżmu internazzjonali filwaqt li destinazzjonijiet oħrajn jikkumpensaw it-tnaqqis internazzjonali tagħhom bis-suq domestiku.

Is-Segretarjat ifakkar li kuntrarjament għal dak allegat mill-Oppożizzjoni, il-Gvern tant huwa konxju li t-turisti ma jiġux weħidhom, li din is-sena l-Gvern ta aktar fondi lill-MTA sabiex din tkun tista’ tirreklama lil pajjiżna b’mod aktar intensiv. Biż-żieda fil-fondi l-MTA kompliet tirreklama lil Malta s-sena kollha u għall-ewwel darba kien hemm promozzjonijiet televiżivi mhux biss fir-Renju Unit li huwa l-akbar suq għal pajjiżna, iżda wkoll fl-Italja, fil-Ġermanja u fi Franza. Dan apparti reklamar fuq il-gażżetti u magazines u internet, promozzjonijiet fuq barra u affarijiet oħra. Inġiebu Malta kważi 800 ġurnalist barrani u ma’ 1000 aġent tal-ivvjaġġar bħala parti minn kampanja ta’ reklamar. Ir-reklamar kontinwu kien bżonnjuż sabiex ikun indirizzat il-fenomenu ta’ late bookings li qed jikkaratterizza l-industrija din is-sena.

L-MTA ħadmet ukoll sabiex tassigura li l-aċċessibbiltà ta’ pajjiżna tkun waħda li ssostni l-industrija u fil-fatt, f’dan is-sajf Malta rnexxielha żżomm l-istess seat capacity li kellha s-sena l-oħra, f’perjodu fejn ajruporti Ewropej raw tnaqqis ta’ medja ta’ 5% fin-numru ta’ passiġġieri. Din is-sena kienu introdotti 11-il rotta ġdida fosthom: Bristol, Newcastle, Trapani, Edinburgh, Stokkolma, Madrid, Barcelona u Valencia.

Dan kollu għen sabiex f’Awwissu li huwa l-iktar xahar importanti għat-turiżmu f’Malta t-tnaqqis fin-numru ta’ turisti niżel għal -3.5% filwaqt li f’destinazzjonijiet oħra bħal Ċipru t-tnaqqis f’Awwissu baqa’ ta’ -11%.

Is-Segretarjat Parlamentari rrefera wkoll diversi inizjattivi li ttieħdu mill-Gvern din is-sena sabiex jgħin lil din l-industrija, fosthom:

  1. iddiskuta mal-Banek kummerċjali u kiseb offerta ta’ moratorju sa perjodu ta’ 12-il xhar fuq ħlasijiet ta’ kapital fuq self li jkollhom lukandiera. Aktar minn 15-il lukanda ngħataw dan il-moratorju mill-bank tagħhom.
  2. nieda skema ta’ sussidju tal-imgħax fuq self minn lukandi li jwettqu proġetti ta’ tisbiħ jew ta’ tkabbir, b’total ta’ €3 miljuni fuq medda ta’ 10 snin.
  3. nieda skema ta’ €300,000 ta’ sussidju bħala għajnuna lis-settur pubbliku u parastatali sabiex jinġiebu konferenzi lejn Malta. S’issa din l-iskema se tkun qed iġġib Malta 13-il konferenza li se jissarrfu f’total ta’ kważi 30,000 bed night.
  4. nieda skema ta’ €500,000 ta’ għajnuna lis-settur privat fil-qasam tat-turiżmu permezz ta’ liema, il-Gvern offra li jirdoppja l-ammont ta’ flus minfuqa f’reklamar addizzjonali magħmul mis-settur privat.
  5. nieda skema ta’ €250,000 sabiex tgħin għaqdiet sportivi jorganizzaw konferenzi, tournaments, kompetizzjonijiet u training camps internazzjonali f’Malta, liema skema  se tkun iġġenerat madwar 22,000 bed night.
  6. nieda skema ta’ €10 miljuni b’fondi Ewropej bħala għajnuna lis-settur privat fil-ħolqien ta’ proġetti ta’ innovazzjoni u sostennibbiltà fil-qasam tat-turiżmu.
  7. nieda skema ta’ €250,000 sabiex jgħin lill-Kunsilli Lokali fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet lokali b’element turistiku.

Dwar il-ħtieġa tal-Pjan Nazzjonali għat-Turiżmu, is-Segretarjat għat-Turiżmu ifakkar l-Oppożiżżjoni li l-Gvern kien addotta Pjan Nazzjonali għat-Turiżmu għas-snin 2007-2011, liema pjan jinkludi erbatax-il mira. Il-fatt li l-Oppożizzjoni – għal raġunijiet tagħha – ma kinitx ħadet sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni qabel tniedet din il-Politika Nazzjonali, ma jfissirx li pajjiżna m’għandux strateġija għall-industrija tat-turiżmu. Jirrifletti biss li għall-Oppożizzjoni t-tħejjija ta’ dan il-Pjan u l-miri tiegħu ma kinux importanti.

L-insistenza tal-Oppożizzjoni li tibqa’ taġixxi daqs li kieku ma teżisti l-ebda kriżi internazzjonali li ħalliet effett negattiv fuq l-industrija tal-ivvjaġġar turi biċ-ċar kemm din la hija kredibbli u lanqas hi serja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Id-deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa mentali jridu jitfasslu fuq l-esperjenzi tan-nies” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR261988

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

More Press Releases Right arrow