GĦOXRIN SENA TA` SUĊĊESS FL-INDUSTRIJA TAL-AKWAKULTURA
Dalgħodu l-Ministru għar-Riżorsi u l-affarijiet Rurali George Pullicino indirizza Business Breakfast fuq l-Industrija tal-Akwakultura f’Malta organizzata mill-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura Maltin. Il-Ministru Pullicino feraħ lill-operaturi ta’ dan is-settur ta’ dak li ddeskriva bħala għoxrin sena ta suċċess fl-Industrija tal-Akwakultura f’Malta. Dan is-suċċess miksub gawdiet minnu wkoll l-ekonomija Maltija.
L-Akwakultura f’Malta taf l-oriġini tagħha għoxrin sena ilu meta nfetaħ iċ-Ċentru tal Akwakultura fit-Torri San Luċjan f’Marsaxlokk. Il-Ministru Pullicino sostna li għoxrin sena ilu l-Gvern kellu din il-viżjoni u fehem l-importanza ta’ settur li sa’ dak iż-żmien kien ineżistenti. Dan kien segwit mill-iżvilupp tal-farms tal-Awrat u l-Ispnott. L-Akwakultura f’Malta ħadet żvolta oħra meta fis-sena 2000 ġew introdotti l-farms tat-Tonn. Illum f’Malta nsibu tlett farms tal awrat u spnott u tmien farms reġistrati tat-Tonn, b’sitta minnhom attivi f’din is-sena. Bħalissa f’Malta nsibu l-akbar industrija ta’ tuna farming fil-Mediterran.
Il-Ministru Pullicino sostna li l-Gvern Malti jappoġġja industrija li żviluppat ħafna u li hija ta’ importanza ekonomika kbira għal Malta, filwaqt li enfasizza li żvilupp ekonomiku m’għandux jitħalla jsir a spejjeż tal-ambjent. Il-Gvern japprezza li din l-industrija, bħal ħafna oħrajn, taħdem f’ambjent sensittiv u jekk mhux operata tajjeb, tista’ tħalli wkoll danni ambjentali. Huwa propju għalhekk li l-għan prinċipali tal-Gvern huwa li jinħoloq bilanċ bejn żvilupp ekonomiku u s-sostenibbilta’ tal-ispeċi u l-konservazzjoni tal-biodiversita’ marina sostna l-Ministru Pullicino. Kien għalhekk illi fis-sena 2002, il-Ministeru tas-Sajd kien nieda riforma fil-Liġi tas-Sajd u fl-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd. It-titlu nnifsu kien jindika l-ispirtu ta’ konservazzjoni tal-ispeċi u attivitajiet responsabbli li jassiguraw sostenibbilta’.
Il-Ministru Pullicino żied jgħid li żvilupp importanti ieħor seħħ fl-2004 meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea. Dan il-pass storiku u mportanti fisser li lokalment ġiet adottata l-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea. Bħala membru tal-Unjoni Ewropea, Malta tipparteċipa fil-laqgħat kollha tal-Kummissjoni Internazzjonali għal Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u hija membru ukoll tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għal-Mediterran (GFCM). Il-Ministru Pullicino filwaqt li qal li l-Ministeru qed jagħmel minn kollox biex din l-industrija tkompli tissaħħaħ hawn Malta, sostna li huwa importanti li fl-istess ħin li jiġu mħarsa r-regolamenti eżistenti u l-attivitajiet jkunu kollha skond il-proċeduri stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn organizzazjonijiet internazzjonali. Il-Ministru Pullicino qal li kien għalhekk li matul din is-sena twaqqaf id-Dipartiment tal-Kontroll tas-Sajd li l-għan tiegħu hu li l-attivitajiet kollha fis-settur tas-sajd isiru skond ir-regolamenti u b’mod sostenibbli u dan wara li ssaħħet b’mod drastiku l-kapaċita’ amministrattiva.
Il-Ministru Pullicino fakkar li tul is-snin il-Gvern kien sensittiv għall-bżonn li jkun hemm bilanċ bejn żvilupp u ħarsien ambjentali u qal kif kien il-Gvern li ħa l-inizjattiva sabiex titwaqqaf Żona għall-Akwakultura fin-naħa t’isfel ta’ Malta fejn l-attivitajiet marbutin ma’ din l-industrija tressqu minn żona viċin ix-xatt għal area li hija mas-6 kilometri ‘l barra. Il-Ministru Pullicino qal li din ħolqot sfidi ġodda pero din il-mossa serviet biex kien rispettat aħjar il-baħar li huwa patrimonju nazzjonali u riżorsa importanti ħafna għal pajjiżna. Il-Ministru Pullicino spjega li bħalissa għaddej ukoll xogħol fuq twaqqif ta’ żona simili għall-attivita’ tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta u flimkien mal-MEPA, qed tiġi stabbilita żona li sservi l-istess għanijiet bħalma hemm fin-nofsinhar ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Pullicino qal li meta wieħed jitkellem fuq il-kompetizzjoni u s-sostenibbilita’, ma jistgħax ma jsemmix l-importanza ta’ diversifikazzjoni fl-akwakultura. Minbarra l-Ispnott u l-Awrat, qed jitrabba wkoll ftit Gurbell filwaqt li qed issir riċerka fuq it-tifqis tal-Aċċjol u tat-Tonn. Filwaqt li għad baqa ħafna x’isir għandna nkunu kburin li ninsabu fuq quddiem fir-riċerka tal-Aċċjol fejn mill-2005 ‘l hawn, ħadna bajd ta’ din l-ispeċi kull sena sostna l-Ministru Pullicino. Malta, bis-saħħa taċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Akwakultura, qegħda tipparteċipa wkoll fi proġett tal-Unjoni Ewropeja fuq it-tifqis tat-Tonn. Dan il-progett, li jismu SELFDOTT u jinvolvi xjentisti minn diversi pajjiżi, diġa ta riżultati tajbin ħafna fejn inġabar ħafna bajd. Għalkemm baqa’ xi jsir, huwa ferm importanti li pajjiżna qabad t-triq tal-iżvilupp għas-sostenibbilita’ f’dan is-settur ferm delikat. Il-Ministru Pullicino fakkar li kemm l-Unjoni Ewropeja kif ukoll l-FAO isostnu li l-akwakultura għandha tiżviluppa b’mod sostenibbli.
Il-Ministru Pullicino fakkar lill-membri li bħala operaturi tajjeb li jifhmu illi l-baħar huwa ta’ kullħadd u allura kull attivita’ trid issir skond ir-regolamenti u b’tali mod li setturi oħra ma jiġux affettwati negattivament. Il-Ministru Pullicino sostna li fl-Industrija tat-Tonn, l-uniku mod ‘il quddiem biex tkompli titħares din l-industrija hekk importanti għal Malta huwa billi:
- jkun hemm edukazzjoni kontinwa lil kull minn huwa nvolut fis-settur;
- ikun hemm aċċettazzjoni minn kulħadd biex jiġu addottati r-regolamenti applikabbli lokalment; u
- jsiru kontrolli kontinwi sabiex ikun assigurat illi kulħadd qiegħed jiġbed ħabel wieħed biex b’hekk tiġi assigurata s-sostenibbilta’ tal-ispeci u l-konservazzjoni tal-baħar.
Huwa wkoll importanti li l-operaturi jersqu lejn fażi ta’ koperazzjoni akbar, anke ma’ għaqdiet ambjentali. Il-Ministru Pullicino temm jgħid li t-triq hija iebsa għal kulħadd pero jekk kulħadd jaħdem flimkien jirnexxilna nzommu l-industrija b’mod sostenibbli u fl-istess ħin jintħarsu r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261988
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR261987