Left arrow Go Back

DISKORS TAS-SINJURIJA TIEGĦU L-PRIM IMĦALLEF DR VINCENT DEGAETANO, FL-OKKAŻJONI TAL-BIDU TAS-SENA FORENSI 2009-2010 - AWLA TAL-QORTI KRIMINALI, IL-BELT VALLETTA - 1 TA’ OTTUBRU 2009

pr1658
Date Icon 01/10/2009
Eċċellenza President ta’ Malta,Onorevoli Ministru responsabbli mill-Ġustizzja, kollegi Imħallfin u Maġistrati, Sur President tal-Kamra, Sur Avukat Ġenerali, Onorevoli Shadow Minister għall-Ġustizzja, Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, Sinjuri:
Bħalma nagħmlu fil-bidu ta’ kull senaġudizzjarja, niltaqgħu f’din l-awla biex niskambjaw ftit ħsibijiet dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Din hija ħaġa li nagħmluha mhux għall-gost li aħna l-Imħallfin (u llum, kif qegħdin taraw, anke s-Sinjuri Maġistrati) nilbsu in alta uniforme u nġibu lilkom biex toqogħdu tisimgħu lili u lill-President tal-Kamra ta’ l-Avukati inlabalbu. Veru li dak li jsir illum huwa ferm differenti minn dak li jsir matul is-sena kollha, u f’ċertu sens, għalhekk, jikser il-monotonija u r-rutina tax-xogħol tagħna u tagħkom ta’ kuljum; u li darba f’sena nagħmlu xi ħaġa mhux tas-soltu bejnietna tinżel tajjeb (għalkemm kieku tkun l-ikla ta’ Sant’Ivo, tinżel aħjar). Pero` niltaqgħu hawn prinċipalment għax nemmnu li jekk irridu verament intejbu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja – u jien konvint li, bħal f’kollox, dejjem hemm lok għal titjib, sakemm ma nkunux prużuntuzi daqshekk li ngħidu li lħaqna l-perfezzjoni! – tajjeb li kull tant żmien naraw x’sar tajjeb, naraw x’sar mhux daqstant tajjeb, u naraw ukoll x’mar ħażin. Anke jekk ma nipproponux soluzzjonijiet, il-fatt li nagħmlu bħal stock taking jew, kif ngħidu f’qasam ieħor, eżami tal-kuxjenza, inkunu għall-anqas identifikajna dawk l-oqsma fejn għandna niffukaw u naħdmu aktar.
Pero`, qabel ma nagħmel hekk, ippermettuli li,f’isem il-Bank tal-Gudikatura, nibda billi, kif għamilt int Sur President tal-Kamra, nifraħ lit-tliet ġudikanti li jumejn ilu ħadu l-ġurament ta’ Imħallef u ta’ Maġistrati. Illum m’hix proprjament is-seduta inawgurali ta’ l-Imħallef Michael Mallia, pero` meta jiġi biex iżomm dik is-seduta, fiha jitkellmu biss il-President tal-Kamra ta’ l-Avukati u l-istess Imħallef, u t-tradizzjoni hi li jien irrid noqgħod bilqiegħda nisma’ biss. Għalhekk ser napprofitta ruħi minn din l-okkażjoni tal-lum u mhux biss nifraħ lill-Imħallef Mallia tal-kariga ġdida li inti, Eċċellenza, għoġbok tinvestih biha, iżda pubblikament nirringrazzjah.
Nirringrazzjah l-ewwel u qabel kollox ta’l-eżempju li huwa dejjem ta lilna, sħabu l-ġudikanti, ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu bħala ġudikant, b’dedikazzjoni sħiħa għax-xogħol iżda fis-silenzju, b’effiċjenza fil-mod kif jiskeda u jisma’ l-kawżi, bil-mod dinjituż iżda wkoll dħuli ta’ kif iġib ruħu ma’ dawk li jidhru quddiemu, avukati u partijiet fil-kawża. Nirringrazzjah ukoll ta’ l-għajnuna kollha li huwa, bħala Maġistrat Anzjan – sia meta kien hekk de facto u sia meta ġie hekk minni desinjat skond il-liġi – dejjem ta lili fil-qadi tad-dmirijiet tiegħi, u tal-pariri siewja li dejjem tani. Konvint li dawn il-karatteristiċi ser nibqgħu narawhom fix-xogħol tiegħu li nassenjalu fil-Qrati Superjuri.
Nifraħ ukoll lill-Maġistrat Gabriella Vella ulill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. L-ewwel ħsieb li jgħaddili minn moħħi huwa kemm qed nixjiħ, għax lil dawn it-tnejn, bħalma kien il-każ ta’ xi Maġistrati oħra li ġew appuntati reċentement, kemm jien kif ukoll membri oħra tal-Ġudikatura hawn preżenti f’din l-Awla, konna ngħallmuhom l-Universita` sa ftit snin ilu. Jien konvint li dawn iż-żewġ Maġistrati għandhom il-kapaċitajiet neċessarji biex jagħtu kontribut validissimu għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Pero`, kif tajjeb għidt int, Sur Presidenttal-Kamra, jien ukoll kultant nistagħġeb kif għandna nsibu elementi hekk validi li jidħlu għall-isfida u x-xogħol iebes ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja bħala Imħallfin u Maġistrati. Għax ngħiduha kif inhi, meta inti jkollok prattika tajba, fis-sens li tkun imqabbad sew fix-xogħol ta’ avukat, bħalma kienu l-imsemmija żewġ Maġistrati, kif ukoll kif kienu – u dan biex insemmi biss l-aħħar ftit ħatriet – l-Imħallef Zammit McKeon u l-Maġistrati Grima, Clarke, Ellul u Audrey Demicoli – meta inti taċċetta li ssir Imħallef jew Maġistrat inti tkun qed tnaqqas drastikament id-dħul tiegħek, kemm dak immedjat kif ukoll dak inkrementali tal-futur. Mela għaliex, wieħed jistaqsi, dawn jaċċettaw li jsiru Imħallfin u Maġistrati?
Għalkemm żgur li jkun hemmkunsiderazzjonijiet ta’ natura personali, jien konvint li d-demonimatur komuni huwa l-imħabba li dak li jkun ikollu għal-liġi u għax-xogħol tal-qorti. Min jidħol għal dan ix-xogħol bħalma daħlu dawn li għadni kif semmejt u, tista’ tgħid, il-parti l-kbira tal-ġudikanti, ikun qed jagħmel hekk b’sens ta’ dedikazzjoni u, nazzarda nuża l-espressjoni, kważi bħala vokazzjoni. Dan ix-xogħol ma tagħmlux biex tidher jew għall-isem, ma tagħmlux għall-inkini – dawk huma affarijiet ta’ żminijiet oħra, u r-rispett jinkiseb bix-xogħol li dak li jkun iwettaq u bil-mod kif iwettqu, u mhux jiġi bħall-manna man-nomina – ma tagħmlux għax huwa xi ħaġa faċli, anzi, l-oppost, hemm diffikultajiet enormi, bħalma huma l-volum tax-xogħol li kultant iħallik bla nifs, ir-responsabbilta` kbira li ħafna deċiżjonijiet iġorru magħhom, in-nuqqas ta’ staff amministrattiv, u, fuq kollox, dak li l-Ġudikatura qed tara bħala nuqqas ta’ għarfien serju da parti ta’ l-Eżekuttiv tar-rwol u l-funzjoni importanti li hija għandha bħala t-tielet kolonna fi stat demokratiku. Kemm ili Prim Imħallef dejjem ippruvajt f’din l-okkażjoni tal-ftuħ tas-sena ġudizzjarja nevita – l-espressjoni bl-Ingliż hi: I shied away – li nissofferma ruħi fuq, jew li nemfasizza, affarijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala venali bħalma huma salarji u pensjonijiet. U dan għax jien napprezza li ċ-ċittadin li jinterassah hu mhux tant il-kundizzjonijiet ta’ l-impjiegi tal-ġudikanti iżda li l-kawżi u proċeduri oħra fil-qorti li fihom ikun b’xi mod involut ma jdumux aktar milli hemm bżonn biex jiġu definiti.
Kien għalhekk li f’diskorsi preċedentiemfasizzajt fuq affarijiet oħra: it-tisħiħ ta’ l-indipendenza istituzzjonali tal-Ġudikatura, żieda fin-numru ta’ ġudikanti u l-eta` ta’ l-irtirar, il-ħtieġa ta’ effiċjenza u ta’ “working methods” u proċeduri li jqassru ż-żmien bejn il-bidu ta’ kawża u t-tmiem definittiv tagħha, aktar għajnuna amministrattiva, u affarijiet oħra. Pero` issa wasal iż-żmien li din il-kwistjoni naffrontawha b’aktar serjeta` u determinazzjoni, anke min-naħa tagħna l-ġudikanti.
Fejn l-Eżekuttiv deherlu li kien hemm xisettur -- bħalma huma t-tobba u l-akkademiċi ta’ l-universita` u l-membri parlamentari -- li għandhom rwol vitali fis-soċjeta`, iddiskuta bis-serjeta` u wasal. Mhux l-istess, pero`, mal-Ġudikatura. Ġja` fid-diskors tal-ftuħ tas-sena ġudizzjarja 2006-2007 jien kont għidt dawn il-preċiżi kelmiet: “Aktar ma l-Gvern ser idum biex jaffronta din il-problema tal-pensjoni tal-membri tal-ġudikatura aktar il-problema tar-riżorsi umani ser taggrava. Nagħmilha ċara li l-Ġudikatura ma tippretendix xi trattament speċjali bħala xi forma ta’ privileġġ – il-Ġudikatura anke f’din il-kwistjoni tippretendi biss li l-Eżekuttiv u l-Leġislatura jirrikonoxxu r-rwol uniku u fondamentali li hija għandha fil-ħarsien tad-drittijiet kemm tal-kollettivita` kif ukoll taċ-ċittadin individwali, drittijiet li jridu jitħarsu wkoll kontra l-inġerenza u l-indħil mill-Istat jew l-organi tiegħu. Konsegwentement, it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, fosthom li tiġi assigurata pensjoni deċenti, ma jistax ħlief jissarraf f’garanziji aħjar għaċ-ċittadin li jiġi bżonn jew jista’ jiġi bżonn is-servizzi tas-sistema ġudizzjarja.”
Jiena konvint li l-Eżekuttiv jaf li hemmproblema, kemm għal dik li hi pensjoni kif ukoll salarju kompatibbli mar-responsabbiltajiet li ġġorr il-kariga ta’ ġudikant, u li japprezza l-parametri ta’ tali problema; il-ġudikanti, forsi aktar minn ħaddieħor, japprezzaw li d-deċiżjonijiet ma jistgħux jittieħdu kif ġieb u laħaq; pero` bis-sempliċi intendiment bejn iż-żewġ naħat fuq bażi intelletwali jew konċettwali jew platonika, b’ħafna laqgħat li ma jwasslu mkien u bla ma jkun hemm deċiżjonijiet konkreti, hu evidenti li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk in saecula saeculorum. Ma niskantax, għalhekk, jekk l-Assoċjazzjoni ta’ l-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ Malta – li l-eżistenza tagħha hija garantita bil-klawsola 27 tal-Kodiċi ta’ l-Etika maħruġ mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja – ikollha tieħu xi miżuri jekk jibqa’ dan l-impasse. Għalkemm jiena, bħala Prim Imħallef, kemm skond il-Kotsituzzjoni ta’ Malta kif ukoll skond il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u liġijiet oħra, għandi funzjoni u rwol kemmxejn differenti minn dawk ta’ l-Imħallfin l-oħra, fuq din il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg, jekk nista’ naddotta u nadatta l-kliem ta’ Sir Maurice Dorman, I stand foursquare ma’ l-Assoċjazzjoni.
Matul is-sena ġudizzjarja li għaddiet daħlufis-seħħ diversi emendi fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li l-parti l-kbira tagħhom wieħed ma jistax jgħid li kienu ta’ xi problema għall-Ġudikatura fl-applikazzjoni tagħhom, għalkemm hemm lok ta’ fine tuning fir-rigward ta’ ċerti disposizzjonijiet. Fost dawn l-emendi, l-introduzzjoni tal-mandat in procinctu jidher li sa fl-aħħar tat lill-Qrati Ċivili biċċa għodda tajba biex tiżgura li ċerti sentenzi li, sa ftit ilu, kienu jibqgħu ma jistgħux jiġu eżegwiti, ħafna drabi minħabba r-raġġiri tal-parti sokkombenti, ikunu issa jistgħu jiġu eżegwiti fl-interess ta’ min ikun rebaħ il-kawża. Ftit anqas minn sena ilu daħlu wkoll fis-seħħ ir-Regoli tal-Qorti konsolidati ġodda, kemm fil-kamp ċivili kif ukoll fil-kamp penali, regoli li konna ilna naħdmu fuqhom għal żmien twil.
Nieħu l-okkażjoni biex nerġa’ nirringrazzjapubblikament kemm lill-Imħallef Joseph R. Micallef kif ukoll lill-Professur Kevin Aquilina ta’ l-għajnuna fl-abbozzar ta’ dawn ir-regoli. Dawk fil-kamp ċivili in partikolari, għalkemm ma humiex qed jiġu applikati b’uniformita` mill-Imħallfin tal-Prim Awla għal dawk li huma pre-trial hearing -- ħaġa li l-istess regoli jippermettu bl-iskop li jkun hemm ċertu element ta’ flessibilita` -- kellhom pero` l-effett salutari li ma jħallux aktar li kawżi ċivili fil-Prim Awla jdumu ma jiġu appuntati. Hija ħasra li l-unika kritika li kien hemm għal dawn ir-Regoli, kemm dawk taħt il-Kap. 16 kif ukoll dawk taħt il-Kap. 9, kienet tirrigwarda l-kwistjoni ta’ l-ilbies ta’ avukati nisa fil-qorti, u cioe` jekk dawn kellhomx jilbsu dublett jew jekk setgħux jilbsu anke qalziet. Minn qajjem din il-kwistjoni kollha jidher li l-anqas biss intebaħ li f’dan ir-rigward ir-regoli l-ġodda konsolidati kienu qed jirripoduċu kelma b’kelma dak li kien hemm fir-regoli preċedenti li kienu ġew fis-seħħ fin-nofs tas-snin disgħin, u li dwarhom qatt ma kien hemm l-iċken problema la da parti tal-Kamra ta’ l-Avukati u anqas da parti tal-qrati.
Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u fil-Qortita’ l-Appell, il-backlog tal-kawżi baqa’ bil-mod jonqos. Fil-Qorti tal-Maġistrati, pero`, baqa’ jiżdied ix-xogħol, speċjalment il-kumpilazzjonijiet, u dan mhux minħabba li f’din il-qorti mhux qed jinqatgħu kawżi, iżda sempliċement għax in-numru ta’ kawżi deħlin dejjem jiżdied. Il-problema li kont aċċennajt għaliha s-sena l-oħra tal-“kumpilazzjonijiet bl-istilliċidju” jidher li għadha magħna, u dan minkejja li matul is-sena li għaddiet saru konsultazzjonijiet bejn il-bank tal-Maġistrati, l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali, l-Uffiċċju tal-Prim Imħallef u l-Korp tal-Pulizija biex ikun hemm aktar ko-ordinament f’dawk li huma rinviji. Wieħed ta’ min jerġa’ jtenni hawnhekk, li, speċjalment fil-kamp penali, ix-xogħol tal-Maġistrati dejjem jiżdied – per eżempju, ser ikollna nagħmlu dalwaqt kategorija ġdida ta’ kawżi penali hekk imsejħa ta’ l-“Income Tax” biex inżidu mal-kategoriji tal-“VAT” u ta’ l-“Eco Contribution”.
Biex nagħti ftit ta’ idea biss tal-volum tax-xogħolfil-Qorti tal-Maġistrati fil-kamp penali, is-sena l-oħra bejn l-1 ta’ Jannar sa l-aħħar ta’ Diċembru, daħlu 4,575 kawża hekk imsejħa “tad-distrett”, u ġew deċiżi 4,501 kawża f’din il-kategorija. Id-distretti li l-aktar li kellhom kawżi kienu Casal Paola, il-Ħamrun u San Ġiljan. Huwa minnu li dawn huma kawżi sommarji, pero` dawn ukoll iridu l-ħin tagħhom.
Mhux ser noqgħod indejjaqkom b’ċifri u figuri– nillimita ruħi biss li nippreċiża li, apparti li dawn il-kawżi ma jinkludux il-kumpilazzjonijiet u dawk il-kawżi li jkunu bdew bħala kumpilazzjoni pero` wara jiġu reżi sommarji, dawn il-kawżi tad-distrett anqas ma jinkludu s-segwenti kategoriji ta’ kawżi oħra sommarji li huma: • libelli kriminali, • kawżi ta’ l-MEPA, • kawżi dwar l-“ECO Contribution”, • kawżi dwar abbuż ta’ droga, • kawżi tal-“Administrative Law Enforcement”, • kawżi taħt l-Att dwar is-Sigurta` għas-Saħħa u Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol, • kawżi sommarji hekk imsejħa “tal-Familja”, • kawżi tad-D.L.E, • kawżi ta’ l-E.T.C, • kawżi tal-V.A.T., • kolliżjonijiet, • kawżi tat-traffiku u • kawżi quddiem il-Qorti tal-Minorenni.
S’intendi hemm ukoll l-inkjesti dwar l-ingenere, l-estradizzjonijiet (li, fortunatament, ma tantx ikollna minnhom, pero` li huma delikati mmens anke peress li jinvolvu, f’ċertu sens, ir-relazzjoni bejn Stat u ieħor) u d-diversi proċeduri ta’ investigazzjoni li llum il-Maġistrat irid jattendi għalihom, ħafna drabi fil-kwartieri tal-Pulizija u fl-aktar ħinijiet strambi tal-ġurnata. Skond statistika pubblikata, fil-Qorti tal-Maġistrati is-sena li għaddiet ġew deċiżi total ta’ 15,740 kawża kriminali. Jiġifieri, meta jkun hemm xi proċess-verbal partikolari li jdum ma jiġi redatt jew xi kawża kriminali (anke jekk forsi sommarja) quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li tkun marret fil-bir tas-skieken, għalkemm nagħmilha ċara li dan m’għandux ikun, tajjeb li wieħed jiftakar ftit ukoll f’dawn iċ-ċifri, u mhux forsi nagħtu l-idea li l-Maġistrati jew xi Maġistrat partikolari qiegħed jilgħab b’subgħajh.
Fost il-kawżi kriminali li l-aktar jagħtufil-għajn, għax jirriflettu problema serja fis-soċjeta` tagħna, hemm dawk dwar l-abbuż tad-drogi. Hawn ukoll għandna sitwazzjoni fejn in-numru dejjem qed jiżdied. Jekk dan hux dovut minħabba li l-problema soċjali dejjem qed teskala, jew jekk dan jirriflettix il-fatt li l-Pulizija qed ikunu aktar pro-attivi u allura qed jinqabdu aktar każijiet, ma nistax ngħid. Li hu ċert, pero`, hu li llum dawn il-kawżi jirrikjedu l-assenjazzjoni ta’ Maġistrat li jkun dedikat għalihom biss. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi jkunu teknikament sommarji, iżda billi ħafna drabi jkun hemm involuta l-piena mandatorja ta’ priġunerija, xi wħud minn dawn il-kawżi sommarji jispiċċaw jiġu kumbattuti daqs ġurijiet.
Matul is-sena li għaddiet il-Qorti ta’l-Appell Kriminali kellha diversi okkażjonijiet li fihom ippronunzjat ruħha dwar il-fatt li, sfortunatament, anke meta l-każ ikun ċar u wieħed jippretendi li kellu jkun hemm ammissjoni, xi wħud mill-akkużati jibqgħu jtawlu u jġebbdu sa l-aħħar b’mod li s-sentenza finali tingħata snin wara l-fatt, u dak li jkun ikollu jiskonta l-piena ta’ priġunerija anke wara li jkun għamel kors ta’ rijabilitazzjoni mill-problema tad-droga li talvolta seta’ kellu.
Ovvjament, meta dan id-dewmien ikun dovutgħall-intransiġenza ta’ l-imputat u għal dan il-manuvrar tiegħu, il-Qrati ta’ Ġustizzja Kriminali m’għandhomx jikkomtemplaw riduzzjoni fil-piena minħabba tali trapass taż-żmien. Xi minn daqqiet, jew aħjar kull tant żmien, terġa’ ssir is-sejħa minn x’imkien biex titwaqqaf “drugs court”, b’xi kompożizzjoni jew proċeduri speċjali. Jiena diġa` esprimejt il-fehma tiegħi pubblikament li f’dan il-qasam m’għandnix għalfejn nippruvaw nivventaw ir-rota, u noqgħdu nippruvaw ninvolvu esperti jew nies oħra fil-proċess ġudizzjarju. Kull fejn sar hekk, ir-riżultat normalment kien biss aktar dewmien u aktar “backlog” ta’ kawżi. Iż-żewġ Maġistrati li bħalissa qed jieħdu ħsieb il-kawżi tad-drogi – Maġistrat tieħu hsieb il-kumpilazzjonijiet u ieħor jieħu ħsieb il-kawżi sommarji – huma t-tnejn kompetenti biżżejjed biex, fejn jidhrilhom li jkun hemm bżonn ta’ l-intervent ta’ xi esperti fl-interess ta’ l-imputat jew tal-familja tiegħu, jagħmlu l-ordni meħtieġ. Biex nagħti ftit ta’ idea tan-numru ta’ kawżi sommarji tad-droga (u għalhekk, nerġa’ nippreċiża, dawn ma jinkludux il-kumpilazzjonijiet), fl-2008 daħlu 489 kawża, u ġew deċiżi 460; mentri mill-bidu ta’ din is-sena sal-bieraħ, daħlu 461 u ġew deċiżi 249.
Fid-diskors tiegħi tas-sena l-oħra, kontsemmejt il-possibilita` li tiġi avviċinata l-European Commission for the Efficiency of Justice fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa bil-għan li tgħinna nidentifikaw b’mod kemm jista’ jkun oġġettiv il-problemi ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna – problemi li, nagħmilha ċara, issibhom, fi grad jew f’ieħor, fil-pajjiżi kollha tad-dinja, anke dawk l-aktar demokratikament u ekonomikament avvanzati.
Naf li inti, Onorevoli Ministru, ħadtl-inizjattiva u mbuttajt biex isiru l-kuntatti meħtieġa ma’ din il-kummissjoni, u nista’ nħabbar li, wara li din il-kummissjoni rnexxielha tikseb il-fondi meħtieġa – għax anke fil-Kunsill ta’ l-Ewropa ċ-ċinturin hu ftit marsus – il-proġett ta’ studju u evalwazzjoni li kont awspikajt is-sena l-oħra hu ttamat li jibda aktar tard din is-sena. Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja b’mod partikolari lill-Avukat u Assistent Ġudizzjarju Dott. Francesco Depasquale li ħadem bla heda biex jikkonvinċi lill-awtoritajiet tal-Kunsill ta’ l-Ewropa bil-ħtieġa ta’ dan il-proġett. Nispera li l-eżitu jkun wieħed pożittiv.
Sentejn ilu kont semmejt ukoll il-websitetal-Ġudikatura. Dan, sa fl-aħħar, ser jiġi varat uffiċjalment nhar il-Erbgħa, 7 ta’ Ottubru. Kien hemm problemi tekniċi min-naha tal-MITTS (illum MITA) li issa ġew solvuti. Intenni, li l-iskop ta’ dan is-sit ma huwiex biex jirrimpjazza s-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jew xi sit ieħor ġa eżistenti, iżda biex jagħti informazzjoni, inkluża dik storika, dwar il-ġudikanti maħtura skond il-Kostituzzjoni ta’ Malta – Imħallfin u Maġistrati – biex jamministraw il-ġustizzja: kif jinħatru, l-funzjoni u r-rwol tagħhom, u d-diversi qrati li fihom jaħdmu. Nispera li jkun sit utili mhux biss għall-kbar iżda anke għal studenti ta’ l-iskejjel sekondarji fl-istudji tagħhom tas-social studies, u, b’mod ġenerali, għal kull min irid ikun jaf aktar dwar is-sistema ġudizzjarja tagħna.
Is-sena li għaddiet bdejna sensiela ta’żjajjar organizzati għal tfal ta’ l-iskejjel sekondarji, kemm dawk governattivi kif ukoll privati, fejn dawn issirilhom preżentazzjoni qasira bil-powerpoint minn ġudikant, u wara jiġu mdawra ma’ diversi ambjenti ta’ dan l-edifizzju. L-idea kienet ukoll, bħal fil-każ tal-website, li nneħħu ftit mill-ideat żbaljati u forsi preġudizzji li dak li jkun ikollu dwar il-qrati u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Din l-attivita`, li ġiet ikkordinata mill-Amministrazzjoni tal-Qorti flimkien mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, intlaqgħet tajjeb ħafna, u min-naħa tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni talbu li dawn jerġgħu jsiru anke din is-sena. Nieħu l-okkażjoni hawn biex nirringrazzja lid-Direttur Ġenerali Kevin Mahoney u liż-żewġ Diretturi, Aldo Testone u Joseph Sacco, li jieħdu ħsieb iż-żjajjar mil-lat amministrattiv u organizzattiv, u anke jieħdu ħsieb idawru lit-tfal u jagħtuhom l-ispejgazzjonijiet fid-diversi postijiet li jkunu qed iżuru; u nirringrazzja wkoll lill-ġudikanti li għinuni f’din l-inizjattiva: l-Imħallef Joseph David Camilleri, l-Imħallef Michael Mallia u l-Maġistrat Doreen Clarke.
Kif qed insemmi membri ta’ l-istaff tal-Qorti,ma nistax ma nirringrazzjax lil dawk il-membri ta’ l-istaff, mid-Diretturi sal-fattigi, li ta’ kuljum jaħdmu, ħafna drabi bla ma jidhru, biex jagħmluha possibbli li dan l-edifizzju jiffunzjona. Dawn, fil-maġġoranza tagħhom, huma nies dedikatissimi u effiċjenti u, speċjalment fil-livell ta’ deputati reġistraturi, diffiċli wieħed jimmaġina kif aħna l-ġudikanti nistgħu nassolvu d-dmirijiet tagħna mingħajr l-għajnuna, il-pariri u ħafna drabi l-paċenzja tagħhom. Wara l-erbgħa jew ħames siegħat ta’ kull seduta, id-deputati reġistraturi u l-membri l-oħra tal-judiciary team għandhom erbgħa jew ħames siegħat oħra biex jiżbrigaw ix-xogħol konness mas-seduta li tkun saret u biex jippreparaw għas-seduta li jkun imiss. Forsi mhux ta’ b’xejn li mhux daqstant faċli li ssib nies lesti li jiġu jaħdmu l-qorti, fejn ix-xogħol amministrattiv u fid-diversi reġistri huwa wieħed delikat u li jirrikjedi preċiżjoni, attenzjoni u dedikazzjoni. Għalhekk huwa importanti li dawn in-nies dedikati nieħdu ħsiebhom billi, fost affarijiet oħra, jiġi assigurat li jkollhom uffiċini deċenti. Naf li hemm il-problema ta’ l-ispazju u tal-fondi; konxju wkoll li sar ħafna, speċjalment f’dawn l-aħħar snin taħt id-direzzjoni għaqlija tas-Sur John Sant, li huwa nkarigat, fost affarijiet oħra, mill-finanzi, biex l-edifizzju tal-qorti in ġenerali u anke uffiċini u segreti, jinżammu fi stat tajjeb. Infakkrek biss, Onorevoli Ministru, li l-Perit Raniolo u jien deħlin fis-seba’ edizzjoni tal-pjanti riveduti għall-uffiċini għall-Ġudikatura fid-dar li suppost tħalliet għal dak il-fini fi Triq l-Ifran! Kieku numru ta’ ġudikanti kellhom jimxu għal dik id-dar, naturalment ikun hemm aktar spazju f’dan l-edifizzju għall-membri ta’ l-istaff.
Bil-ħatriet ta’ nhar it-Tlieta, il-bank ta’l-Imħallfin ser jiżdied, għal ftit ġranet, b’Imħallef wieħed, filwaqt li l-bank tal-Maġistrati ser jiżdied b’Maġistrat wieħed. Filwaqt li n-numru ta’ Maġistrati żdied, anke jekk marġinalment, ninsab infurmat mill-kollegi Maġistrati li n-numru ta’ avukati ta’ l-għajnuna legali fil-kriminal issa niżel għal erbgħa. Hu evidenti li bin-numru ta’ awli jaħdmu kontemporanjament, u bil-preżentati anke xi minn daqqiet wara l-ħin normali tax-xogħol, b’erba’ avukati biss dawn ser ikollhom problemi kbar – sakemm dawn l-erba’ avukati, jew xi wħud minnhom, m’għandhomx id-don ta’ l-ubikwita`. Jekk ġejt infurmat tajjeb, Sur President tal-Kamra, il-ballun fir-rigward tal-ħatra ta’ dawn l-Avukati jinsab in your court, u għalhekk nitolbok niżbrigawha kemm jista’ jkun malajr. Karigi oħra li huwa importanti li jimtlew kemm jista’ jkun malajr ukoll huma dawk ta’ l-Avukat tat-Tfal. Bħalissa hemm biss persuna waħda li għandha din il-kariga – u part-time – u ż-żewg Imħallfin fis-Sezzjoni tal-Familja tal-Qorti Ċivili qed jiffaċċjaw problemi kbar biex jaraw kif jistgħu jittutelaw sew l-interessi tal-minuri indirettament involuti f’kawżi ta’ separazzjoni.
Peress li jidher li sa issa ma ntlaħaqx qbilbejn Gvern u Oppożizzjoni dwar is-suġġeriment li kont għamilt li l-eta` ta’ l-irtirar ta’ l-Imħallfin titla’ għal 68 biex tkun qrib il-medja ta’ dik ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, f’din is-sena ġudizzjarja ser nitilfu żewġ Imħallfin proprju minħabba l-eta`. Minn hawn u ftit jiem oħra jirtira l-Imħallef Joseph David Camilleri. “Joe David”, kif inhu aktar magħruf fost il-kollegi tiegħu, ilu jservi ta’ ġudikant mill-1977, l-ewwel bħala Maġistrat għal Għawdex, sena wara bħala Maġistrat għal Malta, u fl-1983 inħatar Imħallef. Meta nara dawn id-dati nirrealizza li hu kien diġa` sar Maġistrat meta jien kont għadni qed nistudja Cambridge. Diffiċli nimmaġinaw il-qrati mingħajru. Huwa ħadem tista’ tgħid f’kull qorti – anke fil-Qorti Kriminali fejn kellu jippresjedi t-tieni ġuri hekk imsejjaħ “ta’ Wied id-Dis”.
Meta jien ġejt biex nieħu l-kariga ta’ PrimImħallef f’ċirkostanzi li nafuhom ilkoll, kont tlabtu jiġi miegħi, bħala l-aktar Imħallef anzjan, għand il-President ta’ Malta għaċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-kariga. Apprezzajt ħafna l-preżenza tiegħu f’dik l-okkażjoni u l-appoġġ morali li tani, u nista’ ngħid li baqa’ jappoġġjani u jgħinni tul dawn is-seba’ snin kemm ili f’din il-kariga. Fil-Qorti ta’ l-Appell u fil-Qorti Kostituzzjonali, l-Imħallef Filletti u jien dejjem sibna lill-Imħallef Camilleri bħala filtru mill-aqwa, li ħafna drabi jinduna bi problemi proċedurali li lilna t-tnejn ġieli jaqbżulna. Pero` l-ħaġa li l-aktar li ser jibqa’ msemmi għaliha l-Imħallef Camilleri hija żgur it-twaqqif tal-Judicial Studies Committee. Din kienet, tista’ tgħid, l-idea tiegħu; jemmen ħafna fl-importanza ta’ ongoing judicial training, u nażżarda ngħid li kieku ma kienx għalih, ħafna mill-attivitajiet li l-imsemmi Kumitat organizza sa issa, kif ukoll laqgħat u seminars li attendew barra minn Malta membri tal-Ġudikatura bil-kuntatti li huwa stabilixxa, ma kinux isiru u ma konniex nużufruwixxu minnhom. Nittama li anke wara li jirtira, huwa jkun jista’ jkompli jibqa’ jieħu hsieb dan il-Kumitat u b’hekk il-Ġudikatura tkun tista’ tkompli tgawdi mill-esperjenza vasta tiegħu. Mill-ġdid, Grazzi Joe.
Membru ieħor li, dejjem jekk l-affarijiet majinbidlux, nitilfuh f’Lulju tas-sena d-dieħla huwa l-Imħallef Joseph Galea Debono. Meta ġie nominat bħala Imħallef hu kien mingħalih li ser nibgħatu jaħdem fil-Qorti tal-Familja, u kien mhux ftit sorpriż meta assenjajtlu l-Qorti Kriminali u l-Qorti ta’ l-Appell Kriminali. Pero`, bħal f’kull kariga li kellu qabel, sia jekk kważi-ġudizzjarja u sia jekk le, huwa daħal għax-xogħol b’ruħu u b’ġismu – għaddas rasu u baqa’ għaddej. Ir-rata li biha jaqta’ l-kawżi hija ben magħrufa, bħalma huwa l-mod spedit li bih jikkonduċi l-ġurijiet.
Ftit wara li nkunu bdejn s-sena ġudizzjarjali jmiss – f’Ottubru 2010 – ikun wasal iż-żmien ta’ l-Imħallef Philip Sciberras. Kollox sew – dak għadu ‘l-bogħod; pero` għaliex qed insemmihom dawn it-tlieta min-nies? Dawn huma tliet ġudikanti li għadhom jistgħu jagħtu kontribut validissimu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, pero` li minħabba l-eta` ta’ l-irtirar obbligatorja baxxa ħafna li għandna aħna meta mqabbla mal-bqija ta’ l-Unjoni Ewropea, ikollhom jirtiraw meta Imħallfin f’dawk il-pajjiżi l-oħra jkunu għadhom fl-aqwa tagħhom. Għalhekk nerġa’ nitolbok, Onorevoli Ministru, terġghu tikkunsidraw din il-kwistjoni ta’ l-eta ta’ 65 sena. Nagħmilha ċara, biex ma niġix interpretat ħażin, li fil-proposta li kont ressaqt lill-Ministru tal-Ġustizzja, kont għamiltha ċara li fil-fehma tiegħi l-kariga ta’ Prim Imħallef m’għandhix timtela minn xi ħadd li jkun għalaq is-65 sena, u għalhekk, jekk il-Prim Imħallef jasal sa din l-eta` huwa għandu jispiċċa minn dik il-kariga u, jekk irid ikompli jaħdem ta’ Imħallef sa l-eta` ta’ 68, jirreverti għas-substantive post ta’ Imħallef.

Eċċellenza, Sinjuri:

Bħal f’kull sena, għidt wisq. Nawgura lilkom, sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, sena ta’ xogħol seren u effiċjenti. Jiena u sħabi, Imħallfin u Maġistrati, impenjati li nagħtu dejjem l-aħjar servizz bir-riżorsi disponibbli, u, bħal dejjem, niddependu fuq il-kooperazzjoni leali u l-għajnuna tagħkom biex inkunu nistgħu namministraw il-ġustizzja. Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Id-deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa mentali jridu jitfasslu fuq l-esperjenzi tan-nies” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR261988

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

More Press Releases Right arrow