Left arrow Mur Lura

L-SPEAKER LOUIS GALEA JAPPOĠĠJA L-ISFORZI  GĦAD-DJALOGU U L-KONSENSUS FI ĦDAN L-MCESD

pr1601
Date Icon 25/09/2009
L-iSpeaker tal-Kamra tad-DeputatiDott. Louis Galea saħaq dwar il-bżonn ta’ djalogu u konsensus ġenwini biex is-soċjeta’ Maltija tagħmel il-qabża ta’ kwalita` li jmiss fl-iżvilupp tal-pajjiż u tegħleb l-isfida tar-riċessjoni ekonomika li ħakmet lid-dinja. “Din il-qabża ta’ kwalita` ma tistax iseħħ mingħajr twettiq ta’ impenn totali u konkret favur it-tisħib sħiħ tal-mara Maltija f’kull aspett tal-iżvilupp soċjali, ekonomiku, kulturali u politiku.”
Louis Galea sostna dan meta dalgħodu inawgurar-Raba’ Kungress tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa tal-Istati Żgħar fl-Ewropa li qed jiġi ospitat mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa (KNN) fil-Palace Hotel f’Tas-Sliema. Il-Kungress, presedut minn Grace Attard, Presidente tal-KNN, qed jipprovdi jumejn ta’ diskussjoni fuq it-tema ġenerali “The Role of Gender Equality in the Small States of Europe”. Il-Kungress ġie indirizzat ukoll minn diversi esperti u kelliema, Maltin u barranin, li jirrapreżentaw oqsma u interessi diversi.
L-Speaker Louis Galea qal li huwa jappoġġjal-isforzi li l-unjons u min iħaddem, flimkien mas-soċjeta’ ċivili, ġew rapportati li qed jagħmlu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali bit-tama li jintlaħaq l-aħjar konsensus possibbli dwar l-istrateġija u l-miżuri li fuqhom jista’ jkun mibni l-Budget li jmiss. Huwa emfasizza li d-djalogu u l-konsensus miksub dwar strateġija ta’ importanza nazzjonali qatt ma jdagħjfu anzi jsaħħu l-partijiet soċjali u politiċi li jkunu sawruh. “Il-kompetizzjoni politika għall-aħjar programm tkun aktar sana u aktar demokratika meta sseħħ f’qafas ta’ konsensus fuq il-kwistjonijiet fondamentali għall-iżvilupp u l-progress tal-poplu Malti,” sostna Louis Galea.
Louis Galea qal li, wara ħafna snin ta’ miżuriminn kull naħa biex il-mara tikseb il-post li jitsħoqqilha fis-soċjeta’, tajjeb wieħed jirrifletti fejn wasalna u fejn sejrin. “Wieħed mill-aspetti li jitfa’ dawl fuq is-sehem tal-mara fis-soċjeta’ huwa x’livell ta’ parteċipazzjoni femminili hemm fl-edukazzjoni vokazzjonali u ogħla,  fis-suq tax-xogħol, u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-igvernar tal-oqsma kollha tal-pajjiż.” Louis Galea spjega li filwaqt li fl-istatistika wieħed jitkellem dwar il-fenomenu tal-popolazzjoni inattiva, tajjeb li jkun hemm analiżi kritika ta’ dan x’ifisser u x’inhu l-impatt tiegħu fuq is-soċjeta’.
L-iSpeaker fisser li min ikun qed jistudja ujitħarreġ u min qed jerfa’ r-responsabbilta’ tal-familja, kif qed jagħmlu eluf ta’ nisa, ma tistax tgħidlu li hu “inattiv”. “Huwa żball li l-kontribut tal-mara u tar-raġel fit-trobbija u l-kura tal-familja, u l-kontribut tal-volontarjat, għadhom ma ġewx aċċettati internazzjonalment li għandom valur finanzjarju li għandu jidħol fil-kalkolu tat-tkabbir tal-ġid nazzjonali, il-GNP u l-GDP.”
Louis Galea qal li minn riċerka tal-2004fl-Ingilterra l-valur tal-ħidma tal-volontarjat, fejn il-maġġoranza huma nisa, ġie stmat li jiswa 57 miljun sterlina fis-sena, filwaqt li fil-Kanada jinħadmu aktar minn biljun siegħa xogħol fis-sena mill-volontarjat li ġew kalkolati ekwivalenti għal kważi 600,000 impjieg full-time. Malta għandha madwar 6,500 persuna jaħdmu fil-volontarjat, b’60% minnhom nisa, filwaqt li 80% ta’ dawk li jaħmu part-time mal-volontarjat huma wkoll nisa.
Louis Galea qal li fadal ħafna x’isir biexis-soċjeta’ jkollha l-istrutturi u l-programmi meħtieġa li jwasslu ħalli nisa u rġiel jieħdu sehem indaqs fil-ħidma u l-frott tan-nazzjon. F’Malta qed jittieħdu diversi miżuri biex nersqu lejn din il-mira, fosthom, ir-reviżjoni tal-faxex tat-taxxa, skemi ta’ taħriġ, edukazzjoni vokazzjonali inklużiva, miżuri kontra l-abbużi fil-benefiċċji soċjali u fl-ekonomija s-sewda, kreditu tal-kontribut tas-sigurta’ soċjali għall-ġenituri dedikati għat-trobbija tal-ulied, inċentivi għal childcare facilities u flexitime.  “Dawn u oħrajn kollha huma maħsuba biex tonqos ir-rata ta’ inattivita’ fil-popolazzjoni. Iżda hemm bżonn sforz nazzjonali aktar b’saħħtu biex inħaffu l-pass ta’ riżultati oħra posittivi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. M’hemmx dubju li dawn huma miżuri li jiswew il-flus u allura jrid ikun hemm konsensus nazzjonali dwar kif l-aħjar wieħed isolvi t-tensjoni qawwija bejn il-bżonn ta’ aktar investiment f’dan il-qasam, sew mill-Gvern kif ukoll mill-privat, u min naħa l-oħra, il-kwestjoni tas-sostenibbilita’ tal-finanzi pubbliċi, tas-sistema ta’ protezzjoni soċjali, u tal-kompettittivita’ ekonomika tal-pajjiż.”
L-iSpeaker Louis Galea temm id-diskors tiegħubilli rrefera għar-rapport li tressaq quddiem l-MCESD mill-partijiet soċjali u s-soċjeta’ ċivili. Huwa qal li jaqbel ħafna li l-iskop tal-politika soċjali għandu jkun li jsaħħaħ is-sehem tal-familja bħala mezz għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali. “Iżda l-koeżjoni soċjali timplika b’mod radikali it-twettiq tal-ugwaljanza bejn il-mara u r-raġel f’kull aspett tal-ħajja tas-soċjeta.”
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Id-deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa mentali jridu jitfasslu fuq l-esperjenzi tan-nies” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR261988

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

Aktar Stqarrijiet Right arrow