Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAT-TURIŻMU

pr1575
Date Icon 22/09/2009

Il-Gvern jibqa’ jappoġġja lill-industrija tat-turiżmu bil-fatti

Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Onor. Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni qed tibqa’ ttenni l-istess diska u kantaliena filwaqt li tinjora l-kriżi internazzjonali u l-effett li din qed tħalli fuq it-turiżmu madwar id-dinja. Huwa qal dan bi tweġiba għall-istqarrija tal-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu.  

Dr de Marco qal li l-Gvern beda bi pjan ta’ għajnuna u interventi għall-indsutrija tat-turiżmu hekk kif kien qed jitbassar li l-kriżi finanzjarja kien se jkollha effetti negattivi fuq it-turiżmu madwar id-dinja. Matul din l-aħħar sena, il-Gvern :

  1. iddiskuta mal-Banek kummerċjali u kiseb offerta ta’ moratorju sa perjodu ta’ 12-il xhar fuq ħlasijiet ta’ kapital fuq self li jkollhom lukandiera.
  2. nieda skema ta’ sussidju tal-imgħax fuq self minn lukandi li jwettqu proġetti ta’ tisbiħ jew ta’ tkabbir, b’total ta’ €3 miljuni fuq medda ta’ 10 snin.
  3. nieda skema ta’ €300,000 ta’ sussidju bħala għajnuna lis-settur pubbliku u parastatali sabiex jinġiebu konferenzi lejn Malta.
  4. nieda skema ta’ €500,000 ta’ għajnuna lis-settur privat fil-qasam tat-turiżmu permezz ta’ liema, il-Gvern offra li jirdoppja l-ammont ta’ flus minfuqa f’reklamar addizzjonali magħmul mis-settur privat.
  5. nieda skema ta’ €250,000 sabiex tgħin għaqdiet sportivi jorganizzaw konferenzi, tournaments, kompetizzjonijiet u training camps internazzjonali f’Malta, liema skema  se tkun iġġenerat madwar 22,000 bed night.
  6. nieda skema ta’ €10 miljuni b’fondi Ewropej bħala għajnuna lis-settur privat fil-ħolqien ta’ proġetti ta’ innovazzjoni u sostennibbiltà fil-qasam tat-turiżmu.
  7. nieda skema ta’ €250,000 sabiex jgħin lill-Kunsilli Lokali fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet lokali b’element turistiku.

Matul is-sena, il-Gvern kompla jżid il-baġit tal-MTA sabiex din issaħħaħ ir-riklamar ta’ pajjiżna u sabiex tassisti linji tal-ajru f’aktar rotot lejn Malta. Fil-fatt, din is-sena, ir-reklamar baqa għaddej anke fix-xhur tas-sajf; u b’riżultat ta’ dan, kif qal il-President tal-MHRA, il-lukandiera f’Awwissu marru ferm aħjar milli stennew. 

Dwar l-istaġjonalità, Dr de Marco qal li l-politika tal-Gvern dejjem kienet dik li tiġġieled l-istaġjonalità tal-industrija tat-turiżmu tagħna. Kien għalhekk li nħolqu niċeċ apposta bħal m’huma dawk kulturali, il-konferenzi, it-turiżmu sportiv, it-tagħlim tal-Ingliż lill-adulti eċċ, li għenu sabiex fl-aħħar snin, pajjiżna kien kapaċi jikseb tkabbir fix-xhur meqjusin bħala ‘kwieti’. 

Dwar it-tindif, Dr de Marco qal li l-Gvern – permezz tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, baqa’ għaddej b’ħidma kontinwa sabiex tissupplimenta dik tal-Kunsilli Lokali li huma responsabbli mill-indafa fiż-żoni turistiċi. Dan l-impenn tal-Gvern jidher ukoll fl-għoti ta’ €565,000 f’fondi speċjali lil 20 Kunsill Lokali mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u l-Informazzjoni minħabba ħtiġijiet speċjali, fosthom dak tal-aspett turistiku. L-impenn tal-Gvern jibqa’ wieħed kostanti minħabba li huwa konxju li din hija kwistjoni importanti u li kulħadd iridi jifhem li dan huwa rwol fejn kulħadd għandu kontribut x’jagħti. 

Dr de Marco temm jgħid li l-prodott turistiku mhuwiex biss l-indafa imma wkoll l-iżvilupp ta’ dak li jista’ jattira aktar turisti lejn pajjiżna. Huwa qal li permezz ta’ €120 miljun minn fondi Ewropej, il-Gvern se jkun qed iwettaq diversi proġetti fil-Qawra, San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema u Pembroke. Is-sejħiet għall-offerti għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti diġà bdew jinħarġu u x-xogħol fuq numru minn dawn il-proġetti mistenni jinbeda fix-xhur li ġejjin. Dan minbarra numru oħrajn ta’ proġetti minn fondi nazzjonali bħal m’hi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valetta, Pjazza Sant’Anna f’Tas-Sliema, il-promenade tal-Bajja f’San Ġorġ, Xatt is-Sajjieda f’Marsaxlokk, l-irranġar tal-‘Għalqa ta’ Kola’ quddiem id-Domus Romana fir-Rabat u t-tisbiħ f’Wied iż-Żurrieq, fost l-oħrajn.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Id-deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa mentali jridu jitfasslu fuq l-esperjenzi tan-nies” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR261988

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

More Press Releases Right arrow