Left arrow Mur Lura

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-ONOR. TONIO FENECH, MINISTRU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT DWAR IS-SITWAZZJONI FINANZJARJA INTERNAZZJONALI – VALLETTA, 8 TA’ OTTUBRU 2008

pr1450
Date Icon 08/10/2008
Il-sitwazzjoni mħawwda preżenti fis-swieqfinanzjarji bdiet minħabba problemi ta’ finanzjament marbuta ma’ self sub-prime (mhux ta’ kwalità) fuq xiri ta’ djar fl-Istati Uniti. Dan wassal għall-problemi kbar f’uħud mill-akbar istituzzjonijiet finanzjarji importanti f’dak il-pajjiż, inkluż il-falliment tal-Lehmann Brothers li kellu effett devastanti fuq is-suq kif ukoll fuq il-fiduċja fost l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.
Sadanittant, il-problema żviluppat fi kriżi ta’nuqqas ta’ fiduċja fis-sistema. Din il-problema nfirxet malajr f’ċentri finanzjarji oħra. Preżentement, is-sitwazzjoni hija waħda fejn is-swieq monetarji fejn banek isellfu lil xulxin, mhux qed jaħdmu kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Ewropa. Din il-problema tirrappreżenta theddida għal ħafna banek minħabba li ma jkollhomx aċċess immedjat għal-likwidità permezz ta’ dan metodu tradizzjonali ta’ finanzjament u allura, kulma jmur, qed ikollhom aktar diffikultà biex jiffinanzjaw l-obbligi tagħhom fis-suq.
Bħala reazzjoni għal dawn l-avvenimenti, il-BankĊentrali Ewropew u banek ċentrali oħra għamlu sforzi straordinarji biex jindirizzaw din il-problema billi offrew likwidità prattikament illimitata kuljum kemm fl-ewro kif ukoll fid-dollaru Amerikan lis-swieq finanzjarji . Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħa sehem f’dan l-isforz flimkien mal-banek ċentrali l-oħra kollha ta’ l-Ewrosistema, għalkemm jidher li prattikament il-banek Maltin ma kellhomx bżonn jagħmlu użu minn dawn il-faċilitijiet.
Żvilupp ieħor importanti fil-politika monetarjakienet l-azzjoni monetarja koordinata li ttieħdet illum mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali fl-Istati Uniti, l-Ingilterra, il-Ġappun, il-Kanada, l-Iżvizzera u l-Iżvezja. Permezz ta’ din l-azzjoni, tnaqqsu r-rati uffiċjali tal-imgħax rispettivi tagħhom b’50 punt perċentwali.
Is-serjetà tal-kriżi preżenti tat ukoll lok għalsforż koordinat mill-Gvernijiet tal-UE biex jerġgħu jagħtu fiduċja fis-sistema bankarja tal-Ewropa. Fuq livell Ewropew, il-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi, l-ECOFIN, li fih ipparteċipajt fis-7 ta’ Ottubru ħa deċiżjonijiet u obbliga ruħu b’mod speċifiku sabiex jerġa’ jagħti fiduċja fis-sistema u jiżgura li s-swieq finanzjarji jerġgħu jiġu għan-normal. B’mod partikolari, il-gvernijiet tas-27 Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea huma obbligati li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex itejbu l-istabbilità tas-sistema bankarja inkluż li jagħtu appoġġ dirett lill-istituzzjonijiet finanzjarji sistematiċi u biex iħarsu d-depożiti tad-depożitanti individwali. F’dan ir-rigward, ittieħdet id-deċizzjoni li għal perjodu inizjali ta’ mill-inqas sena, nipprovdu garanzija lill-individwi ta’ protezzjoni għal depożiti għal ammont ta’ mhux inqas minn 50,000 Ewro.
Fuq livell nazzjonali, ittieħdu miżurimill-pajjiżi individwali biex isaħħu is-sistemi bankarji.  Dawn jinkludu skemi biex isaħħu l-kapital ta’ wħud mill-banek li sofrew minħabba riżultat ta’ telf fl-assi li kellhom jew minħabba nuqqas ta’ fiduċja mid-depożitanti.
Il-Gvern u l-Bank Ċentrali ta’ Malta kienuinvoluti ħafna fid-deċiżjonijiet koordinati li għadhom kif ġew spjegati hawn fuq. Iżda tajjeb nenfasizza li l-banek Maltin li huma fdati bit-tfaddil u d-depożiti tal-Maltin mhumiex għaddejjin mid-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom banek f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-banek Maltin m’għandhomx problemi ta’ finanzjament b’riżultat tal-iffriżar tas-swieq monetarji internazzjonali.  Il-banek f’Malta ma jisselfux mis-swieq internazzjonali sabiex ikollhom minn fejn isellfu u, għaldaqstant, m’għandhomx il-problemi ta’ likwidità li qed ikollhom banek f’xi pajjiżi oħra. L-akbar sors ta’ fondi għal banek f’Malta huma d-depożiti tal-klijenti taghhom. Sa l-aħħar ta’ Awwissu, id-depożiti minn residenti f’Malta kienu jlaħħqu t-8.5 biljun ewro, li jammontaw għal darba u nofs il-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta. Mill-aħħar tal-2007, dawn id-depożiti żdiedu b’158 miljun ewro. Barra minn hekk, il-banek tagħna m’għandhomx titoli asset backed securities li kkawżaw tant ħsara lill-banek barranin u li huma l-kawża primarja tat-taħwid li hemm fis-swieq internazzjonali.
Il-Bank Centrali ta’ Malta u l-Awtoritàgħas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kienu kontinwament f’kuntatt mas-suq hekk kif kien hemm l-ewwel sinjali ta’ dan it-taħwid, u kienu qed isegwu x’inhu jiġri fil-banek sabiex jaraw kienx hemm xi problemi li jitolbu għal azzjoni immedjata. Sallum ma kienx hemm sinjali ta’ diffikultajiet f’dawn il-banek. Fil-fatt, is-sitwazzjoni llum hija dik kif ikkonfermata mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, f’Ġunju li għadda, u ċioe li l-banek tagħna għandhom kapital tajjeb, għandhom ratio għoli ta’ likwidità u għandhom portfolios li huma diversifikati.
Aħna nifhmu li l-problemi li qed jolqtu s-swieqfinanzjarji bħalissa u l-impatt fuq il-prezzijiet ta’ ħafna assi u titoli jistgħu ikollhom effett negattiv fuq il-portfolios tal-investimenti ta’ xi banek individwali. Dan jista’ jirriżulta li dawn jiddikjaraw profitti anqas għal din is-sena iżda, kif diġà għidt, il-banek tagħna għandhom kapital suffiċjenti biex ikampaw f’din is-sitwazzjoni.
Il-Ftehim milħuq ilbieraħ mis-27 pajjiżjistabbilixxi parametri li fihom għandha tingħata rispons f’waqtha f’każ li tinqala’ kriżi fi Stat Membru.
Il-Gvern irid jenfasizza li minn assessmentdettaljata li għamilna tal-pożizzjoni tal-banek tagħna, l-istituzzjonijiet tagħna huma sodi, għandhom likwidità suffiċjenti u kapitalizzati adegwatament.
Madankollu, jekk tinqala’ xi problemafl-istituzzjonijiet finanzjarji lokali, il-Gvern irid jassigura lid-depożitanti kollha li se jintervieni kif meħtieġ biex jappoġġja dik l-istituzzjoni f’dak kollu li hemm bżonn biex tkun sostnuta l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna.
Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludur-rikapitalizzazzjoni, garanziji bankarji jew mod oħra meqjusa bħala opportuni fis-sitwazzjoni. L-ECOFIN qabel dwar numru ta’ prinċipji li l-azzjonijiet għandhom jittieħdu b’konformità magħhom.
Il-fiduċja tad-depożitanti fis-sistema bankarjatagħna tibqa’ kruċjali u għalhekk qbilna flimkien mal-Ministri l-oħra tal-ECOFIN li nsaħħu s-safety net provduta lid-depożitaturi billi ngħollu l-livell ta’ protezzjoni minn € 20,000 għal € 100,000 b’effett immedjat. Nenfasizza li din id-deċiżjoni ma ħadnihiex għaliex hemm xi dubji fuq is-saħħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħna iżda b’konformità ma’ numru ta’ stati ġirien u biex niżguraw li d-depożitant Malti jkollu l-istess livell ta’ protezzjoni bħal fi Stati Membri oħra tal-UE.
Aktar minn hekk, kif diġà għedt, irridu nibqgħuattenti u għalhekk il-Gvern hu impenjat biex jiżgura l-istabbiltà tal-banek f’Malta.
Fl-aħħarnett, nenfasizza li f’mumenti bħal dawnhuwa vitali li tinzamm il-fiduċja fil-banek tagħna u fl-istituzzjonijiet li jirregolawhom. Jiena konvint li ma hemmx għalfejn wieħed jallarma ruħu, mhux biss għax il-banek tagħna jitmexxew fuq bażi soda, iżda wkoll sforz l-impenn qawwi li għandha favur il-protezzjoni tad-depożitanti.

Konklużjoni

1.                  L-istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżna huma b’saħħithom u għadhom is-saħħa finanzjarja kemm f’assi kif ukoll likwidità.

2.                  Biex inserrħu moħħ in-nies qed ngħollu d-deposit protection scheme għal €100,000.

3.                  Jekk f’ċirkustanzi straodinarji xi bank f’pajjiżna jkollu xi diffikultà, il-Gvern ser jintervieni kif ikun meħtieġ biex jipproteġi l-istituzzjonijiet finanzjarji u d-depożitanti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Speaker of the House meets Malta Employers’ Association to strengthen dialogue with social partners

PR261979en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Speaker of the House meets Malt...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Malta Employers’ Association biex ikompli jsaħħaħ id-djalogu mal-imsieħba soċjali

PR261979

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow