STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Malta Employers’ Association biex ikompli jsaħħaħ id-djalogu mal-imsieħba soċjali
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, iltaqa’ nhar il-Ħamis waranofsinhar mal-President tal-Malta Employers’ Association (MEA), Ivan Refalo, u mad-Direttur Ġenerali tal-istess Assoċjazzjoni, Kevin J. Borg.
Matul il-laqgħa ġiet enfasizzata l-importanza li l-Parlament ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu mal-organizzazzjonijiet u l-entitajiet li għandhom rwol importanti fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż, b’mod partikolari mal-imsieħba soċjali. Dan bħala parti mill-impenn favur Parlament dejjem aktar miftuħ, aċċessibbli u qrib is-soċjetà.
Id-diskussjoni ffukat fost l-oħrajn fuq il-ħidma tal-Parlament, b’enfasi partikolari fuq l-irwol tal-Kumitati Parlamentari, il-proċessi ta’ konsultazzjoni u l-kontribut li jistgħu jagħtu l-imsieħba soċjali fil-konsiderazzjoni ta’ temi u proposti li jolqtu lill-pajjiż.
F’dan il-kuntest, ġew diskussi diversi materji ta’ interess komuni, fosthom l-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), ir-relazzjonijiet industrijali u kwistjonijiet oħra relatati mad-dinja tax-xogħol. Ġie rikonoxxut li l-esperjenza u l-għarfien tal-MEA jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jarrikkixxu d-diskussjonijiet parlamentari, partikolarment dwar kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali li għandhom impatt fuq in-negozji, il-ħaddiema u l-ekonomija Maltija.
L-Ispeaker saħaq li djalogu kontinwu mal-imsieħba soċjali huwa importanti sabiex il-Parlament ikun jista’ jibbenefika minn perspettivi differenti u minn għarfien speċjalizzat meta jkun qed jindirizza materji li jolqtu lis-soċjetà.
Bħala parti minn dan l-impenn biex jissaħħu r-rabtiet bejn il-Parlament u l-imsieħba soċjali, l-Ispeaker stieden lill-Kunsill tal-MEA għal żjara fil-Parlament. Din iż-żjara għandha sservi bħala opportunità għall-membri tal-Kunsill biex isiru aktar familjari mal-funzjonament tal-istituzzjoni, il-proċessi parlamentari u l-ħidma li titwettaq mill-Kumitati Parlamentari.
Il-laqgħa kienet opportunità oħra biex jissaħħaħ id-djalogu bejn il-Parlament u l-Malta Employers’ Association, bil-għan li tiġi promossa aktar parteċipazzjoni, konsultazzjoni u kollaborazzjoni fuq materji ta’ interess komuni u nazzjonali.
Other Press Releases:
PR261979en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Speaker of the House meets Malt...
PR261978