Left arrow Go Back

Diskors tas-S.T. il-Prim Imħallef Dr. Vincent deGaetano, fl-okkażjoni tal-Bidu tas-Sena Forensi 2008/2009 - Awla tal-Qorti Kriminali, Il-Belt Valletta - 1 ta’ Ottubru 2008

pr1397
Date Icon 01/10/2008
Eċċellenza, Onorevoli Ministru, KollegiImħallfin u Maġistrati, Prim Imħallfin Emeriti, Sur President tal-Kamra, Sur Avukat Ġenerali, Onorevoli Shadow Minister għall-Ġustizzja, Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, Sinjuri:
Kull sena, meta niġi biex nipprepara danid-diskors, nagħmel proponiment li ser inkun qasir u ma ntawwalx. Kull sena, pero`, nispiċċa ndum aktar milli kien bi ħsiebni, kif jixhdu d-diskorsi tiegħi għall-anqas mill-2003 ’l hawn – naħseb li ta’ l-2002 biss kien wieħed qasir, probabilment għax kont għadni taħt shock. Pero` din is-sena, kif għamilt inti sur President, nixtieq nikkonċentra fuq ftit temi speċifiċi. U aktar milli nipproponi soluzzjonijiet nagħmel ftit riflessjonijiet li forsi jistgħu jgħinu lil kull min hu konċernat – aħna l-ġudikanti, il-leġislatur, il-Ministru, l-avukati, l-impjegati tal-qorti – biex jaħseb f’soluzzjonijiet. Veru li bil-ħsieb biss wieħed ma jasalx – kif spiss inħobb infakkar, fil-Malti għandna l-espressjoni, li wieħed juża per eżempju meta jkun f’riċeviment u jibda jsir il-ħin, ngħidu “Naħsbu biex immorru?”, u spiss jiġri li dak li jkun jibqa’ jaħseb u ma jiċċaqlaqx! Mill-banda l-oħra jista’ jiġri wkoll li meta jkun hemm problema kull min jidhirlu li għandu s-soluzzjoni jippreċipita ruħu jipproponiha u jinsisti fuqha mingħajr ma jkun ħaseb biżżejjed dwar il-konsegwenzi kollha li dik is-suppost soluzzjoni tista’ ġġib. Fi kliem ieħor, wieħed irid jevita ż-żewġ estremi – jew li jibqa’ jaħseb u jirrifletti u qatt ma jaġixxi, jew li jaġixxi preċipitożament mingħajr ma jkun ħaseb biżżejjed. Wieħed ukoll ma jridx jibża’ jkun innovattiv, forsi għax jibża’ li jiżbalja – ħafna drabi huwa proprju mill-iżbalji li nagħmlu jew li jagħmel ħaddieħor li nitgħallmu kif nimxu ’l quddiem – dari konna ngħidu errando discitur.
Ma hemmx dubju li l-problema tad-dewmienfil-kawżi – fis-sens taż-żmien li kawża tieħu biex tiġi deċiża – għadha magħna u, jekk Shakespeare kellu raġun, ser tibqa’ dejjem magħna. Il-kwistjoni hi jekk dak iż-żmien jistax jitnaqqas, mingħajr ma titnaqqas il-kwalita` tal-ġustizzja, u jekk jista’ jitnaqqas kif għandu jitnaqqas. Veru li sar ħafna progress f’dak li hu t-tnaqqis tal-backlog tal-kawżi u taż-żmien li dawn jieħdu biex jiġu deċiżi, u dan anke bil-għajnuna ta’ miżuri leġislattivi li ttieħdu f’dawn l-aħħar erbgħa, ħames snin; u ħafna ġudikanti, b’impenn u sagrifiċċju mhux żgħir min-naħa tagħhom, jistgħu jgħidu li għandhom listi li huma maneġġabbli u meta l-kawża tkun quddiem xi wieħed minn dawn il-ġudikanti tkun tista’, bejn wieħed u ieħor, tkun taf kemm ser iddum il-kawża. Hemm ftit ġudikanti oħrajn – qed nirreferi l-aktar għall-kamp ċivili – li pero` ma jistgħux jgħidu l-istess. Dan jista’ jkun dovut għal ħafna affarijiet. Apparti l-imprevist jew dak li ħadd ma għandu kontroll fuqu, bħal xi mard fit-tul, ir-raġuni tista’ tkun tqassim ħażin tax-xogħol, working practices mhux effiċjenti, nuqqas ta’ support staff, il-volum tax-xogħol li, kif tajjeb osservajt inti, Sur President, dejjem jiżdied u mhux jonqos (u li dwaru tkellimt is-sena l-oħra u mhux ser nerġa’ niddilunga fuqu), forsi fil-mod kif jinħatru l-ġudikanti, u ħafna raġunijiet oħra, waħedhom jew flimkien. Kulħadd għandu l-opinjonijiet tiegħu – speċjalment l-artikolisti fil-gazzetti, l-aktar dawk li qatt ma rifsu l-għatba ta’ l-edifizzju tal-Qorti.
Pero` naħseb li wasal iż-żmien – u dan aċċennajt,forsi indirettament, inti għalih ukoll, Sur President – li nikkummissjunaw studju indipendenti li jkun jista’ jgħinna naraw oġġettivament u spassjonatament fejn hi l-problema jew fejn huma l-problemi prinċipali li għad iridu li jiġu indirizzati sew, u jagħmel proposti konkreti u fattibbli. Nenfasizza l-kelma “indipendenti”, għax apparti li huwa evidenti li la l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u lanqas il-Judicial Studies Committee ma għandhom ir-riżorsi biex jintraprendu tali studju, dawn l-organi huma komposti b’tali mod li tagħmilhom, xi ftit jew wisq, parti in kawża. Għandi għalhekk f’moħħi li forsi wieħed jara x’jista’ jsir minn, jew bil-ghajnuna ta’, jew flimkien mal-European Commission for the Efficiency of Justice fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa.
Din il-Kummissjoni għandha bħalissa diversiproġetti u studji għaddejjin bil-ħsieb li dejjem jitjieb il-prodott għal kull min ikollu jagħmel użu mis-sistema ġudizzjarja tad-diversi pajjiżi membri ta’ l-imsemmi Kunsill, u għalhekk mhux eskluża l-possibilita` li din il-Kummissjoni tkun tista’ tgħin direttament fi proġett bħal dan. S’intendi, ħaġa bħal din tkun tirrikjedi mhux biss ko-operazzjoni sħiħa minna l-ġudikanti kollha, iżda wkoll il-parteċipazzjoni ta’ kull min hu, b’xi mod jew ieħor, involut fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Nerġa’ nirrepeti biex ma niġix fra-intiż: dan qed nissuġġerih mhux għax ninsabu f’xi sitwazzjoni kritika jew allarmanti, iżda sempliċement għax ma hemm xejn ħażin li wieħed jipprova jagħrbel is-sitwazzjoni attwali u jirrifletti dwar kif dak li qed isir jista’, forsi, isir aħjar.
Fost il-miżuri li l-ġudikatura bdiet taddottadin is-sena, hemm dik tal-“listi” fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. L-idea wara dawn il-listi hi li jekk wieħed jista’ jidentifika tip ta’ kawżi, speċjalment (iżda mhux bilfors) kawżi li min-natura tagħhom għandhom jingħataw preċedenza fuq kawżi oħra, dawk il-kawżi li jkunu ta’ dak it-tip jiġu assenjati dejjem lill-istess imħallef jew, għall-massimu, żewġ imħallfin, u mhux jiġu assenjati bis-sistema tar-roster fost l-Imħallfin kollha tal-Prim Awla. Hekk, per eżempju, ġew identifikati l-kawżi ta’ spoll, kawżi ta’ disprezz, kawżi ta’ libell (fil-Qorti tal-Maġistrati), kawżi ta’ judicial review, kawżi dwar l-infurzar ta’ sentenzi barranin taħt ir-reġim il-ġdid tal-liġi tal-Komunita` Ewropea, u oħrajn.
L-idea hi li jekk dawn jiġu assenjati dejjemlill-istess ġudikant (jew, f’ċerti każijiet, żewġ ġudikanti) għandu jinbet element ta’ speċjalizzazzjoni li għandu jiffaċilita l-proċess kollu u jitqassru ż-żminijiet. Wara kollox din ta’ l-ispeċjalizzazzjoni hija wkoll waħda mill-ideat wara l-Qorti tal-Familja, kif ukoll wara l-prassi – li ilha tiġi adoperata – fejn ċerti tipi ta’ kawżi fil-Qorti tal-Maġistrati (eż. kawżi li jinvolvu minorenni, kawżi kriminali bi sfond ta’ litiġju matrimonjali, kawżi tad-drogi, kawżi tal-VAT, eċċ…) jinstemgħu dejjem mill-istess Maġistrat. S’issa nista’ ngħid li din is-sistema fil-Prim Awla qed tiffunzjona tajjeb; u fil-fatt fl-aħħar laqgħa li kelli mal-kollegi Imħallfin tal-Prim Awla ġie anke miftiehem li nżidu żewġ kategoriji oħra ta’ kawżi – dawk li għandhom x’jaqsmu mal-liġi tal-kumpaniji u kawżi fil-kamp marittimu.
Kif tajjeb osservajt int, Sur President,il-proċess ġudizzjarju proprjament ma jintemmx bil-pronunzjament tas-sentenza. Dik is-sentenza trid tiġi wkoll eżegwita. Diġa` kelli okkażjoni nitkellem pubblikament dwar il-problema ta’ l-enfurzar tal-multi fil-kamp penali, u f’dan ir-rigward nixtieq nirreġistra, ukoll pubblikament, l-impenn personali tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-interess li huwa ħa biex din il-problema tiġi solvuta. Pero` daqstant problematika tista’ tkun l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fil-kamp ċivili. Biex wieħed jipprova jagħmel ftit ordni fil-kamp ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenzi, assenjajt il-proċeduri tas-subbasti kollha biex isiru minn zewġ imħallfin, flok ma jiġu sparpaljati ma’ l-Imħallfin kollha li jagħmlu l-għassa, biex b’hekk ikun hemm element ta’ kontinwita` fil-proċeduri billi l-Imħallef li jidħollu xi rikors ġdid fi proċedura partikolari jkun jaf eżatt xi jkun sar preċedentement f’dik il-proċedura partikolari. Dan, flimkien ma’ ri-organizzazzjoni li l-Amministrazzjoni tal-Qorti, immexxija mid-Direttur Ġenerali, għamlet f’dak li huwa staff u proċeduri oħra purament amministrattivi fejn jidħlu s-subbasti, ġab ħafna ordni fid-diżordni li kien hemm preċedentement fis-subbasti hawn Malta.
Jidher li għadhemm xi problemi, pero`, Għawdex. F’dan il-kuntest tajjeb li wieħed jara jekk jagħmilx sens li l-Qorti ta’ Għawdex – jew aħjar, l-impjegati f’dik il-Qorti – jkunu taħt żewġ ministeri, dak tal-Ġustizzja u dak għal Għawdex. Nagħmilha ċara li ma rrid nitfa’ ebda rifless ħażin fuq l-impjegati tal-Qorti ta’ Għawdex – anzi nista’ ngħid li kemm ili nitla’ regolarment Għawdex, l-ewwel bħala Imħallef u aktar tard bħala Prim Imħallef, biex nisma’ appelli kriminali f’dik il-gżira, dejjem sibt ko-operazzjoni sħiħa u totali mill-imjegati tal-Qorti ta’ Għawdex. F’ċertu sens, minħabba l-istruttura soċjali f’dik il-gżira, ċerti affarijiet, bħalma huma notifiki, jimxu b’aktar effiċċjenza Għawdex milli Malta. Pero` jibqa’ l-fatt li meta amministrattivament ikunu jridu jittieħdu ċerti deċiżjonijiet, bħal forsi ċaqliq ta’ impjegati minħabba l-esiġenzi tas-servizz jew għall-finijiet ta’ aktar effiċċjenza, jew anke bħala miżura ta’ dixxiplina jekk ikun il-każ, wieħed jista’ faċilment jinkorri fil-problema ta’ żewġ kaptani jmexxu l-istess bastiment.
Fil-kuntest ukoll ta’ l-enforzar tas-sentenzifil-kamp ċivili, naħseb li wasal iż-żmien li jkollna liġi aktar effiċjenti u realistika dwar id-disprezz. Illum, meta parti jew oħra f’kawża ma toqgħodx għal xi ordni tal-qorti din (u kemm-il darba dan ma jkunx jammonta għal disprezz in faciem curiae jew disprezz li hu regolat b’xi dispożizzjoni partikolari tal-liġi), il-persuna li tkun hekk naqset, flok ma tinġieb quddiem dik l-istess qorti u tiġi minnufih (jekk misjuba ħatja) ikkundannata, trid tintbagħat quddiem qorti oħra biex hemm ir-Reġistratur jibda kontriha proċeduri ċivili għal disprezz permezz ta’ rikors ġuramentat (jew, sa ftit ilu, b’ċitazzjoni). Din hija proċedura Biżantina għall-aħħar li mhux biss ittawwal iż-żminijiet u żżid il-xogħol tal-qorti inutilment, iżda tippriva lil min ikun sofra minħabba n-nuqqas ta’ ottemperanza da parti ta’ ħaddieħor ma’ l-ordnijiet tal-qorti, minn rimedju effikaċi u tempestiv.
Wasal ukoll iż-żmien li jkun hemm leġislazzjonili tirregola b’mod komprensiv dak li l-gazzetti u l-media jistgħu jiġu pprojbiti milli jippublikaw dwar proċeduri ġudizzjarji, speċjalment proċeduri penali. Kif inhu risaput, il-Kapitolu 60 tal-Liġijiet ta’ Malta – cioe` l-Att dwar il-Kontroll fil-Pubblikazzjoni ta’ Proċedimenti Ġudizzjarji – jirreferi għal parti żgħira mill-proċeduri ġudizzjarji. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u l-Kodiċi Kriminali għandhom dispożizzjonijiet li jipprovdu għal meta ċerti proċeduri jistgħu jsiru bil-magħluq, u meta proċeduri penali oħrajn ma jistgħux jiġu rappurtati. Pero` ġustament qed ikun hemm ħafna lmenti – u dan mhux tant mill-gazzetti daqs kemm mill-pubbliku in ġenerali – meta wieħed jara ordnijiet, ħafna drabi mingħajr raġuni valida, li jipprojbixxu l-pubblikazzjoni ta’ l-ismijiet ta’ l-akkużati. Jew l-ismijiet ma għandhom qatt jigu ppubblikati – ħlief wara sentenza ta’ kundanna – jew jekk għandu jkun hemm tali divjet dan għandu jkun marbut ma’ esiġenzi oġġettivi ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u mhux ma’ ċirkostanzi purament personali ta’ l-akkużat li jkun. U jien tal-fehma wkoll li meta jkun hemm forma ta’ divjet – jew, kif jgħidulu bl-Ingliż, gagging order – anke jekk dan, per eżempju, ikun taħt l-Artikolu 517 tal-Kodiċi Kriminali – għandu jkun hemm proċedura li permezz tagħha kull min hu interessat ikun jista’ jikkontesta dak l-ordni. Wieħed irid dejjem jimmira għal bilanċ ġust bejn l-esiġenzi ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fuq naħa u d-dritt ta’ l-istampa li tinforma dwar affarijiet ta’ interess pubbliku.
L-istampa, min-naħa l-oħra, għandha d-dovertassigura li dak li jiġi rappurtat dwar proċeduri ġudizzjarji ma jkunx rappurtaġġ ħażin, fis-sens ta’ rappurtaġġ fattwalment skorrett, jew żbilanċjat billi tingħata enfasi partikolari għal parti minn sentenza u tiġi injorata parti oħra importanti, jew addirittura rappurtaġġ li jgħid proprju l-oppost ta’ dak li jkun ingħad fis-sentenza. Illum is-sentenzi jkunu kważi kollha disponibbli fuq l-internet dik il-ġurnata stess li jingħataw, apparti li wieħed jista’ jikseb kopja mir-reġistru, u għalhekk huwa ftit diffiċli wieħed jifhem għala l-livell ta’ court reporting jew law reporting ikun, xi mindaqqiet, daqshekk baxx.

Ippermettuli ngħid kelmtejn dwar il-kamp penali. Fid-diskors tiegħi ta’ bħal-lum sena kont irriferejt għal dawk li sejjaħtilhom “kumpilazzjonijiet bl-istilliċidju” – u personalment għadni preokkupat ħafna bit-tul li qed jieħdu ċerti kumpilazzjonijiet. Minn banda nifhem li huwa kważi impossibbli għall-Maġistrati, minħabba l-volum ta’ xogħol li għandhom, li jitilqu kollox minn idejhom u jiddedikaw ġurnata, tnejn jew tlett ijiem sħaħ biex jisimgħu biss il-provi kollha f’kumpilazzjoni waħda f’daqqa – kif suppost li jsir – u għalhekk anke l-istadju inizjali tal-kumpilazzjoni (jiġifieri qabel ma l-maġistrat jiddeċiedi jekk hemmx raġunijiet biżżejjed biex l-imputat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża) spiss ikun imqassam fuq diversi ġranet spazjati bejniethom. Il-problema, pero`, jidher li qed taggrava ruħha meta niġu għall-istadju tar-rinviji, fejn spiss ma jkunx hemm ko-ordinament biżżejjed bejn qorti, l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali u l-pulizija. Nammetti li l-problema ma hix waħda sempliċi, pero` ma nistgħux nibqgħu b’sitwazzjoni fejn xi kumpilazzjonijiet idumu jkarkru s-snin sa ma joħroġ l-att ta’ akkuża jew il-kawża tiġi rinvjata għall-ġudizzju quddiem il-Qorti Inferjuri. 

Ukoll inaċċettabbli hija s-sitwazzjoni metajinġibu xhieda għal xejn il-qorti. Wieħed japprezza li tista’ tinqala’ sitwazzjoni fejn, wara li kulħadd ikun ġie mħarrek, tqum xi kwistjoni proċedurali li tkun trid tiġi deċiża, u għalhekk fil-ġurnata partikolari ma jkunux jistgħu jinstemgħu x-xhieda. Pero` m’hix aċċettabbli li tiġi differita kawża fejn ikunu ġew inġunti x-xhieda għas-sempliċi raġuni li l-avukat difensur ta’ l-akkużat jinforma fl-aħħar minuta li ma jistax jattendi, jew għax l-akkużat stess ma jkunx ġie notifikat. Għandha tinħoloq sistema biex jekk l-akkużat ma jkunx ġie notifikat sa tlieta jew erbat ijiem qabel is-smigħ tal-kawża, ix-xhieda fil-kawża tiegħu jiġu infurmati biex ma jitilgħux il-qorti, jew ikollhom għall-anqas il-mezz kif jivverifikaw jekk għandhomx jitilgħu l-qorti. S’intendi wisq aktar hija inaċċettabbli s-sitwazzjoni fejn ġudikant, mingħajr ma jagħti raġuni u fl-aħħar minuta, jiddifferixxi seduta sħiħa fejn ikunu ġew inġunti x-xhieda. Ilkoll kemm aħna – ġudikanti, impjegati tal-qorti u pulizija – irridu nkunu aktar sensittivi lejn il-pubbliku, li, wara kollox, fl-interess tiegħu wkoll qed tiġi amministrata l-ġustizzja. F’dawn l-aħħar snin sar ħafna biex il-pubbliku jiġi moqdi aħjar, kemm fir-reġistru tal-qrati ċivili, kif ukoll bit-twaqqif tal-one stop shop għall-atti li jiġu ppreżentati fir-reġistru tal-qrati kriminali, kif ukoll bis-servizz tal-customer care li jingħata fl-entratura ta’ l-edifizzju tal-qorti. Da parti tagħna l-ġudikanti għandna dejjem inżommu f’moħħna li l-pubbliku – fil-persuna tax-xhud – huwa wkoll ħolqa importanti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja; u l-persuna li titħarrek bħala xhud, dak li probabbilment tibqa’ tiftakar mill-esperjenza kollha tagħha fil-qorti huwa l-mod kif il-ġudikant ikun ittrattaha fl-awla. L-ewwel sentenza tar-Regola 4 tal-Kodiċi ta’ l-Etika tagħna – u dan qed ngħidu biex infakkar lili nnifsi l-ewwel u qabel kulħadd – tgħid: Il-Ġudikanti għandhom jaqdu d-doveri ġudizzjarji tagħhom b’dinjita`, b’korteżija u b’umanita`.
Spiss fil-gazzetti jkun hemm kritika dwar ċertisentenzi li jingħataw, bil-kritika x’aktarx dejjem tkun li ċerti pieni mogħtija huma irriżorji. U ma’ din il-kritika dejjem ikun hemm xi ħadd li jiftakar li jkun qara x’imkien li teżisti l-espressjoni “sentencing policy” jew “sentencing guidelines”. Tajjeb li wieħed ifakkar hawn li tali “guidelines” diġa` jeżistu anke hawn Malta.
Dawn isiru fl-ewwel lok mil-leġislatur, lifil-liġi jistabilixxi l-massimu u l-minimu ta’ ċerti pieni, kif ukoll jistabilixxi fejn u taħt liema ċirkostanzi ċerti provvedimenti – bħas-sentenza sospiża, il-probation, l-inżul taħt il-minimu tal-piena – ma jistgħux jiġu applikati.
Fit-tieni lok dawn il-linji gwida joħorġumis-sentenzi tal-Qorti ta’ l-Appell Kriminali. Jekk wieħed jara, per eżempju, il-Guideline Judgements Case Compendium ippubblikat f’Marzu ta’ l-2005 fl-Ingilterra, isib li dan hu sempliċement kollezzjoni ta’ sentenzi tal-Court of Appeal (Criminal Division) ta’ l-Ingilterra li jkunu elaboraw ċerti prinċipji f’każ partikolari. Dan hu li f’ħafna każijiet isir anke hawn Malta mill-Qorti ta’ l-Appell Kriminali. F’ġuriżdizzjoni żgħira bħalma huma dawn il-gżejjer, bil-qrati kollha konċentrati f’edifizzju wieħed f’Malta u edifizzju wieħed żgħir ieħor f’Għawdex, b’total ta’ 35 ġudikant effettiv u mhux 42,000 ġudikant bħalma hemm fl-Ingilterra, ma naħsibx li biex dawn is-sentenzi jipperkolaw minn fuq għal isfel, jew anke orizzontalment, hemm bżonn ta’ l-istrutturi kumplikati li hemm fl-Ingilterra bħalma huma s-Sentencing Advisory Panel u s-Sentencing Guidelines Council, u l-pubblikazzjonijiet kollha li dawn joħorġu.
Mill-banda l-oħra, huwa minnu li xi minn daqqietil-qrati tagħna, speċjalment il-Qrati tal-Maġistrati, ma jkunux sensittivi biżżejjed għall-implikazzjonijiet soċjali ta’ ċerti sentenzi, bħal, per eżempju, fil-kamp tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, u fil-każ ta’ reati li jaffettwaw is-soċjeta` b’mod ġenerali, bħalma huwa, per eżempju, ir-reat ta’ tlajjar għal finijiet ta’ prostituzzjoni. F’dawn, u oqsma oħra simili, l-element ta’ deterrent fil-piena għandu, bħala regola, jipprevali fuq konsiderazzjonijiet oħra.
Sur President, kif għidt int, wieħed m’għanduxigerger biss. Tajjeb ghalħekk li nirreġistra li l-awspikata emenda fil-liġi intiża biex telimina l-possibilita` li d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Qorti jagħti xi struzzjonijiet lill-impjegati tal-qorti li jkunu jammontaw għal inġerenza fil-funzjonijiet ġudizzjarji tal-membri tal-ġudikatura – problema li kont aċċennajt għaliha f’wieħed mid-diskorsi preċedenti tiegħi – fl-aħħar ġiet fis-seħħ. B’din l-emenda, il-Prim Imhallef jista’, b’avviż bil-miktub, iwarrab kull deċiżjoni simili tad-Direttur Ġenerali u jista’ jagħti hu direttivi lid-Direttur Ġenerali jew lil rappreżentant tiegħu li jkun jidhirlu li jkunu fl-aħjar interess ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-każ partikolari.
Ovvjament, dan hu rimedju in extremis lijiena kważi ċert li qatt ma ser ikolli nuża fil-konfront tas-Sur Kevin Mahoney, li, minkejja l-limitazzjoni ta’ riżorsi, speċjalment dawk umani, jipprova, flimkien mad-Diretturi l-oħra, jagħmel minn kollox biex ir-roti amministrattivi jibqgħu jduru. F’dan il-kuntest nixtieq ukoll nirringrazzja lill-impjegati kollha tal-qorti li fl-istragrande maġġoranza tagħhom huma dedikati ħafna għal xogħolhom, u jagħmlu l-mirakli biex jakkomodaw il-ħinijiet strambi li ħafna ġudikanti jaħdmu fihom, u biex jaqdu mill-aħjar li jistgħu lill-avukati u lill-prokuraturi legali, u dan minkejja li xi wħud minn dawn l-impjegati għadhom jaħdmu f’ambjent mhux tant akkoljenti għal dawk li huma uffiċini.
Tajjeb ukoll, Sur President, li hawn wieħedisemmi l-laqgħat regolari ta’ kull xahar li membri tal-ġudikatura – jien, il-presidenti taż-żewġ sezzjonijiet tal-Qorti Ċivili u l-Maġistrat Anzjan – ikollna miegħek, mal-President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali, mad-Direttur Ġenerali u mal-Ministru biex nidentifikaw problemi fl-amministrazzjoni tal-qrati li jistgħu jiġu solvuti fi żmien qasir u mingħajr il-ħtieġa ta’ interventi leġislattivi. Naħseb li taqbel miegħi li kemm ilna niltaqgħu kien hemm diversi minn dawk li nsejħilhom “irritanti” fil-funzjonament tar-reġistru ċivili u dawn, anke grazzi għall-intervent dirett tas-Sur Mahoney, tneħħew.
Fl-aħħarnett, Sur President, jien u sħabinissieħbu miegħek filli nawguraw lill-avukati l-ġodda li ser jieħdu l-warrant illum wara nofs in-nhar fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern. Forsi kieku ħsibniha minn qabel, konna naraw kif nabbinaw din l-udjenza tal-lum ma’ l-għoti tal-warrant u l-għoti tal-ġurament ukoll – kollox f’ċerimonja waħda, mhux biss għall-ekonomija tad-diskorsi, iżda b’hekk forsi l-Ministru kien ikollu l-oppportunita` għall-ewwel darba li jitkellem f’din iċ-ċerimonja u mhux, kif dejjem kellu jagħmel s’issa, jisma’ biss! Tkun għal darb’oħra. Grazzi.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Speaker of the House meets Malta Employers’ Association to strengthen dialogue with social partners

PR261979en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Speaker of the House meets Malt...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Malta Employers’ Association biex ikompli jsaħħaħ id-djalogu mal-imsieħba soċjali

PR261979

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow