Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, KULTURA, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT WAQT IL-FTUĦ TAS-SENA AKKADEMIKA TAL-ISTITUT GĦALL-ISTUDJI TURISTIĊI – SAN ĠILJAN -  29 TA’ SETTEMBRU 2008

pr1372
Date Icon 29/09/2008

Għeżież Studenti u Għalliema,

Din is-sena akkademika ġdida,  l-Istitutgħall-Istudji Turistiċi qed jilqa’ fih 500 student fuq bażi full-time.  Minn dawn, 190 huma studenti ġodda li llum ġew  fil-kulleġġ għall-ewwel darba, li  minnhom, 55 huma ta’ nazzjonalità barranija. Hemm ukoll 100 student ieħor li bħalissa jinsabu fuq internship barra minn Malta.
Dan l-Istitut illum qed joffri 15-il kors fuqbażi full-time f’livell ta’ Ċertifikat jew Diploma, kif ukoll diversi korsijiet fuq bażi part-time.
Filwaqt li għandna nkunu kuntenti u nieħdupjaċir b’dan in-numru sabiħ ta’ studenti u korsijiet li qed ikunu offruti, l-akbar impenn tagħna hu lejn il-kwalità tat-tagħlim li jingħata.
M’għandniex inkunu kuntenti biss li minn dan l-Istitutjiggradwaw studenti li għada pitgħada jkunu l-aqwa managers ta’ lukandi f’Malta, l-aqwa gwidi, l-aqwa chefs, l-aqwa waiters, jew l-aqwa operaturi turistiċi. Irridu nassiguraw  ukoll li dawk li jiggradwaw  ikunu ċittadini Maltin li jkunu ħadu edukazzjoni sħiħa u wiesa’ li mhux biss tagħtihom karriera jew mestier għall-futur imma li tiftħilhom bibien  ġodda f’ħajjithom.
L-industrja turistika hi waħda mill-pilastrital-ekonomija tagħna.  Din hi industrja li biex tkabbarha trid tagħmel ħafna sforzi, iżda biex titlifha hu faċli ħafna jekk ma nkunux attenti għall-prodott li noffru.  Għalhekk l-importanza ta’ dan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi li jrid iħejji nies kapaċi jmexxu ‘l quddiem l-industrja turistika ta’ pajjiżna f’kull livell.
Kif tafu, waħda mill-miri li poġġejna għalpajjiżna hi li sas-sena 2015 pajjiżna jsir Ċentru ta’ Eċċellenza anke fil-qasam tal-Edukazzjoni fost oqsma oħra.  Dan il-qasam jiġbor fih ukoll dan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi li rridu li jibqa’ mfittex anke minn studenti barranin li jagħżlu li jiġu fostna biex jagħmlu studji li jwassluhom għal karriera fil-qasam turistiku.  Diġà għandna 55 student barrani jistudjaw f’dan l-Istitut u jekk nilħqu din il-mira dan in-numru jikber ħafna aktar.
Fis-snin li ilu mwaqqaf, l-ITS għamel passi ta’ġgant u kiseb ħafna suċċessi. Is-suċċess ma jiġix waħdu jew jaqa’ mis-sema, imma rridu naħdmu għalih. Is-sena li għaddiet sar ħafna investiment fl-ITS biex tkompli togħla l-kwalità tal-edukazzjoni  li jagħti u jikber ir-rwol tiegħu bħala istituzzjoni edukattiva għolja f’qasam tant importanti għal pajjiżna.
Spiċċa ż-żmien li nirreklamaw lil pajjiżna biexniġbdu t-turisti, bix-xemx u l-baħar li jdawwarna.  Hemm kompetituri tagħna li jistgħu joffru x-xemx u l-baħar ukoll.  Pajjiżna għandu  doti  oħra li jista’ u għandu jisfrutta biex bihom iħajjar lit-turisti jiġu jżuruna, fosthom il-kultura u l-wirt tagħna.
Għax għarafna dan il-bżonn, is-sena li għaddietl-ITS nieda ċ-Ċentru għall-Istudji tal-Kultura, li qed jaħdem biex tiżdied ir-riċerka dwar ir-rwol tal-kultura fl-industrija tat-turiżmu. Dan infetaħ wara li ftit snin qabel kien tnieda wkoll iċ-Ċentru għat-Teknoloġiji tal-E-Learning, li qed jisħaq u jirriċerka dwar il-bżonn li jintużaw l-aħħar teknoloġiji tal-kompjuters fit-tagħlim, anke t-tagħlim fil-qasam turistiku.
Ftit tax-xhur ilu kelli x-xorti nkun preżentimeta l-Istitut ippubblika għall-ewwel darba r-rivista akkademika tiegħu bl-isem ta’ WELCOME, biex isservi ta’ pjattaforma għal ideat ġodda, dibattitu u analiżi tax-xejriet tal-lum u tal-ġejjieni fil-qasam tat-turiżmu Malti u internazzjonali.
Jien infurmata li din ir-rivista ntlaqgħettajjeb ħafna mhux biss mill-industrija turistika lokali imma wkoll minn istituzzjonijiet internazzjonali li jaħdmu fil-qasam turistiku. It-tieni ħarġa ta’ din ir-rivista akkademika mistennija toħroġ f’Novembru li ġej u jien ċerta li se tkompli fuq is-suċċess ta’ l-ewwel ħarġa.
Nixtieq nappella biex jinżamm il-livell għolita’ din ir-rivista biex tkompli tkun punt ta’ riferiment kemm għall-industrija lokali kif ukoll għal istituzzjonijiet internazzjonali li diġà avviċinaw lill-ITS biex ikunu jistgħu jiksbu kopji tagħha u anke jutiliżżawha biex iwasslu l-fehmiet tagħhom.
Fis-sajf li għadda, waqt li l-istudenti u l-lecturerskienu qed jieħdu l-mistrieħ mistħoqq tagħhom, l-amministrazzjoni tal-Istitut ħadet ħsieb li jibda l-bini taċ-Ċentru tax-Xjenza, - ċentru ieħor iffukat kollu kemm hu fuq it-tagħlim tax-xjenza b’rabta mill-qrib mal-livelli ta’ kwalità għolja tal-prodott turistiku.  Dan iċ-Ċentru se jkun ibbażat f’laboratorju ġdid tax-xjenza u aktar tard matul is-sena akkademika se jibdew jingħataw l-ewwel korsijiet fih.
Proċess ieħor importanti li għaddej bħalissa hir-reviżjoni tal-korsijiet li joffri l-Istitut. Din ir-reviżjoni se tipprovdi għat-tnedija ta’ korsijiet ġodda anke f’livelli aktar avvanzati milli qed jingħataw s’issa.  Fil-ġimgħat li ġejjin l-ITS se jkun f’pożizzjoni li jagħti aktar dettalji dwar dan.
Din is-sena akkademika ġdida li qed niftħu llum,trid tibni fuq il-ħidma u s-suċċessi tas-snin li għaddew.  Jien ċerta li bl-impenn taċ-Chairman, il-Bord u l-amministrazzjoni,bid-dedikazzjoni tal-lecturers u d-determinazzjoni tagħkom l-istudenti, din se tkun sena oħra ta’ suċċess għall-ITS, għalikom l-istudenti u għal pajjiżna.
Nawguralkom suċċess fil-ħidma u fl-istudjitagħkom.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  Imħabbra passi konkreti dwar il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna waqt laqgħa mal-għaqdiet volontarji fis-settur

PR261978

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Is-suċċess tas-saħħa pubblika jitkejjel ukoll minn dak li jirnexxilna nevitaw” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR261977

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

More Press Releases Right arrow