Left arrow Mur Lura

MESSAĠĠ MINN MARIO DE MARCO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAT-TURIŻMU FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAT-TURIŻMU: It-Turiżmu: inwieġbu għall-isfida tat-tibdil fil-klima

pr1368
Date Icon 27/09/2008

Ilkoll kemm aħna niċċelebraw xi jum jew ġranet li għal xi raġuni jew oħra jkunu speċjali. Taf tkun jum il-festa tar-raħal, jew il-jum ta’ għeluq snin xi ħadd għal qalbna, jew xi anniversarju ta’ xi okkażjoni importanti. Il-lum huwa Jum it-Turiżmu. Huwa xieraq li din l-attività ekonomika tiġi mfakkra b’ġurnata speċjali. Għax it-turiżmu, speċjalment f’pajjiżna huwa ta’ importanza fundamentali. Anke jekk ma nafx lil kull Malti u Maltija nista’ ngħid li kull wieħed u waħda minnha b’xi mod jew ieħor imiss u jgawdi mix-xogħol u l-flus li jiġġenera t-turiżmu. 

Qegħdin hawnhekk f’nofs pjazza ta’ waħda mill-bliet ewlenin  ta’ pajjiżna: is-Siggiewi. Ninsabu hawnhekk għaliex irridu nagħtu messaġġ f’messaġġ. Messaġġ li l-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna għandhom jkunu – kif kienu fl-imgħoddi – iċ-ċentri fejn jiltaqgħu n-nies tal-post f’ambjent nadif u nieqes mit-tniġġiż u fejn it-turisti jitħalltu mal-Maltin. Dan anke fi sforz biex il-ġid minn dan is-settur jilħaq kull rokna ta’ Malta u Għawdex. 

Dan is-settur turistiku bħalissa għaddej minn sfidi kbar minħabba dak li qed jiġri fl-ekonomija internazzjonali. Jien għadni ġej minn laqgħa tal-Ministri tat-Turiżmu tal-pajjiżi Ewropej. Hemmhekk smajt kif il-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali qed tħalli effett negattiv fuq l-industrija tat-turiżmu f’diversi pajjiżi. Iż-żieda fil-prezz taż-żejt, iż-żieda fil-prezzijiet tal-qmuħ u ċereali it-telf fil-livelli tal-għajxien u allura n-nuqqas ta’ flus fl-idejn qed iwassalu biex jittieħdu inqas vaganzi barra l-pajjiż u aktar vaganzi interni. Il-prezz taż-żejt, minkejja it-tnaqqis reġistrat riċentament, għadu għoli ħafna, u qed iġib miegħu mhux biss żieda fil-prezzijiet tat-trasport iżda wkoll konsegwenza tal-istess prezz għoli, tnaqqis sostanzjali tat-titjiriet li qed jagħmlu linji tal-ajru madwar id-dinja. Qed naraw ukoll linji tal-ajru jagħlqu l-operat tagħhom minħabba problemi ta’ vijabilità. Għal pajjiż bħal tagħna li tant jiddependi mill-aċċess bl-ajru dan hu fenomenu inkwetanti. 

F’Malta minkejja dawn l-inċertezzi u minkejja tnaqqis irregistrat f’pajjizi viċin tagħna u kompetituri tagħna jirriżulta li sa’ Lulju kellna żieda fit-turiżmu ta’ 12 fil-mija fuq l-istess seba’ xhur tas-sena l-oħra. Minn ċifri maħruġa mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jirriżulta li l-moviment ta’ passiġġieri żdied marġinalment b’1.1 fil-mija f’Awwissu minkejja tnaqqis ta’3.2 fil-mija fit-titjiriet minn u lejn Malta. 

Fl-istess waqt kellna wkoll żieda qawwija fin-numru ta’ passiggieri li jżuru pajjiżna abbord ‘cruise liners’. Fl-ewwel tmien xhur ta’ din  is-sena żaru pajjiżna 346,750 passiggieri abbord ‘cruise liners’. Żieda ta’ 14.4 fil-mija fuq l-istess perijodu tal-2007 li kien diġa qed juri żieda sostanzjali fuq l-istess perijodu tal-2006. Huwa stmat li din is-sena n-numru ta’ passiggeri li jkunu żaru pajjiżna sal-aħħar tas-sena jkun qabeż ghall-ewwel darba n-nofs miljun passiġġier. Ta’ min ifakkar li n-numru ta’ dawn il-passiġġieri m’huwiex inkluż fin-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna. Bla dubju ta’ xejn però dawn il-passiġġieri jħallu impatt fuq l-ekonomija tagħna bħal turisti oħra u ż-żjara tagħhom ta’ ġurnata hija spiss inċentiv biex huma jerġgħu iżuru pajjiżna. 

Minkejja dawn iċ-ċifri pożittivi u inkoraġġanti s-settur turistiku rridu nħarsuh l-ħin kollu għaliex dan hu settur vulnerabbli għal dak kollu li jkun qed iseħħ fid-dinja.   

Hu f’dan l-isfond li rridu naħdmu aktar flimkien. Irridu naħdmu  biex nagħmlu użu aħjar tat-titjiriet ezistenti minn u lejn Malta, nahdmu sabiex intejjbu l-prodott permezz ta’ proġetti ġodda li jsebbħu pajjiżna u jagħmluh aktar modern, nahdmu sabiex ninfurzaw ir-regolamenti ntiżi biex isebbħu il-prodott tagħna, naħdmu biex intejjbu is-servizz li noffru fl-istabbilimenti iffrekwentati mit-turisti, fil-mezzi tat-trasport u f’kull qasam ieħor li t-turist ikollu kuntatt miegħu. Ħafna minn dan jiddependi mhux biss mill-Gvern Ċentrali u mill-Kunsilli Lokali iżda minn kull wieħed u waħda minnkom.

Għaliex il-prodott li t-turisti jiġu jżuru ma jfissirx biss l-infrastruttura ta’pajjiżna iżda dak kollu li jiġi f’kuntatt miegħu t-turist: il-lukandi, ir-ristoranti, il-ħwienet, it-taxis, it-trasport pubbliku, il-mużewijiet, il-bajjiet, it-toroq, l-indafa, t-tisbiħ tal-promenades u taċ-ċentri tal-bliet u l-irħula tagħna, il-ħarsien u r-restawr tal-bini storiku, il-ħarsien ta’ l-ambjent. F’dan il-qasam diġa sar ħafna, iżda qatt m’hu biżżejjed. Għalhekk il-Gvern qed jutilizza parti sostanzjali mill-fondi tal-Unjoni Ewropea biex jitjieb il-prodott Malti. Fil-fatt 120 miljun ewro mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea huma ntizi ghal proġetti u inizjattivi turistiċi għall-ħames snin li ġejjin.  

Sal-lum numru ta’ proġetti u inizjattivi ġew identifikati u approvati. Dawn jinkludu proġetti ta’ tisbieħ fiz-zoni kostali tal-Qawra u tas-Sliema, proġett estensiv ta’ tisbieħ fiz-zona tal-Qawra li jinkludi wkoll istitut għall-għaddasa, proġett ta’ ġnien u faċilitajiet għaċ-ċiklisti ġewwa Pemboke kif ukoll promenade ġdid ġewwa San Pawl il-Bahar. Ma dawn wieħed irid iżid ukoll proġetti li għandhom l-għan li jikkonservaw numru ta’ siti arkeologici bħal Ġgantija ġewwa Għawdex, it-tempji ta’ Ħal-Tarxien u l-Katakombi ta’ San Pawl. Barra minn hekk se tidhol fis-seħħ dalwaqt intiża biex tgħin intrapriżi fis-settur turistiku sabiex itejbu l-prodott li joffru. Din l-iskema ta’ għotjiet għandha tgħin intrapriżi liċenzjati biex jimplimentaw proġetti sostenibbli u jkomplu jtejbu l-kompetittività ta’ l-istess azjendi. 

It-tema magħżula mill-Organizazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (UNWTO) għall-Jum Dinji tat-Turiżmu ta’ din is-sena hi: Turiżmu: Inwieġbu għall-Isfida tat-Tibdil fil-Klima, tfissret minn Francesco Frangialli, Segretarju Ġenerali tal-UNWTO bħala waħda mill-akbar sfidi li qed tiffacja id-dinja llum. 

Bla dubju ta’ xejn, l-industrija tat-turiżmu hija marbuta mal-klima. Destinazzjonijiet bħal tagħna li llum għandhom klima pjaċevoli u attrajenti jistgħu jispiċċaw b’temparaturi għolja ferm u jitilfu mill-appell turistiku tagħhom. L-istess jiġri lid-destinazzjonijiet tax-xitwa li jattiraw turisti għall-btajjel fis-silġ. X’jigri minn dawn id-destinazzjonijiet jekk b’rizultat tal-bdil fil-klima jonqos is-silġ? Hawn destinazzjonijiet li jiġbdu lejhom turisti li jħobbu in-natura. Il-bdil fil-klima diġa qed jaffetwa il-biodiversità jiġifieri l-ispeċi ta’ annimali u pjanti li jgħixu f’zona partikolari. Aktar sħana taf tfisser qerda ta’ l-ispeċi b’riżultat li destinazzjoni turistika titlef dak li jagħmilha attrajenti. Il-bdil tal-klima jaf iġib ukoll nuqqas ta’ ikel u ilma. Dawn huma kollha temi li tajjeb li nirrifletu fuqhom. 

Hemm min forsi jistaqsi u jgħid x’qed jagħmlu il-gvernijiet biex jiġġieldu din il-problema? Din hija mistoqsija ġusta imma magħha ta’ min iżid mistoqsija oħra. X’qed nagħmlu aħna, kull wieħed u waħda minnha sabiex intaffu din il-problema? 

Il-Gvern  ħa miżuri biex iħajjar aktar nies jistallaw solar heaters, solar panels u impjanti fotovoltajiċi għall-produzzjoni ta’ ilma sħun u elettriku mix-xemx. Inċentivi oħra li qed jagħti l-Gvern huma għal karrozzi u muturi li jaħdmu bil-batteriji, li qed naħsbu biex nintroduċuhom għall-mezzi oħra ta’ trasport.  U  għal ‘appliances’ li huma ‘environmentally friendly’. 

Fil-qasam turistiku qed jittieħdu inizjattivi sew mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll mill-istess lukandiera, biex min jaħdem f’dan is-settur ikun  aktar konxju tal-ambjent.

  • L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fl-2002 introduċiet l-“eco-certification scheme”, fuq l-istess linji tal-“Eco-Label” tal-Unjoni Ewropea, maħsuba li tippromwovi iffrankar ta’ enerġija u ilma, tnaqqis fl-iskart u li l-ħaddiema jkunu aktar konxji dwar l-ambjent. Din l-iskema ittieħdet minn għadd kbir ta’ lukandi.
  • Il-lukanda Hilton f’Malta ġiet rikonoxxuta bħala “Regional Energy Champion” għall-azzjonijiet ambjentali tagħha taħt il-programm tal-Hilton ‘We care!’ li beda fl-2006. Ir-riżultati miksuba mil-lukanda Hilton tfissru bħala aħjar milli mistenni fejn kien hemm tnaqqis ta’ 15.1 fil-mija fl-enerġija kull ‘guest night’.
  • Il-Ministeru għat-Turiżmu ikkontribwixxa lejn attività ‘Climate Change Malta’ li bdiet issir kull sena fl-Lulju fil-Qawra, u kien anke parti mill-organizazzjoni tagħha. Din l-attività twassal biex il-poplu jkun aktar konxju mill-mod ta’ kif it-tibdil fil-klima qed jaffetwa il-pjaneta dinja ekonomikament, fil-mod ta’ kif nghixu u għall-futur.

Pass ieħor importanti lejn is-sostenibbilta’ ambjentali u l-priservazzjoni tas-sbuħija hu l-proġett biex Għawdex jinbidel fi gżira ‘eco-friendly’. Il-viżjoni tal-Gvern hi li jittieħdu l-miżuri kollha biex dan iseħħ u għalhekk qed joħloq l-istrateġija biex iwettaq dan il-għan. 

It-tibdil fil-klima u l-effetti assoċjati magħha qed jiddominaw mhux biss il-ħsieb ta’ l-ambjentalisti u xjenzati iżda wkoll tal-popli kollha tad-dinja. Is-settur turistiku hu l-iżjed li jbati minn dan it-tibdil għaliex dan jista’ jġib miegħu ibħra li jogħlew u jgħarrqu art fil-baxx qrib il-baħar, erożżjoni ta’ xtut; żieda fis-salinità fl-ilma tal-pjan, ħsara lil portijiet u sistemi tad-drenaġġ, qerda ta’ ħut minħabba li ibħra magħluqin bħall-Mediterran jsiru wisq sħan biex ċertu tipi ta’ ħut jibqgħu jgħixu fihom. Dan kollu għandu jġiegħlna naħsbu x’jista’ kull wieħed u waħda minnha jagħmel biex id-dinja ma tkomplix tisħon. Il-kontribut ta’ kulħadd hu importanti u jekk kulħadd jagħti sehmu d-dinja insalvawha mir-riperkussjonijiet tat-tibdil tal-klima. 

Is-sejħa ta’ Francesco Frangialli hi li nbiddlu d-drawwiet u biex npoġġu l-enerġija sostenibbli fuq quddiemnett tal-agenda internazzjonali. Dan għandu jseħħ billi nippromwovu d-Dikjarazzjoni dwar il-Proċess ta’ Davosli hu orjentat lejn azzjoni, ninkoraġixxu stakeholders fil-qasam turistiku biex jaddattaw, jimmitigaw u jużaw enerġija ġdida u jassiguraw finanzjament għall-aktar pajjiżi fqar biex jiffaċċjaw l-isfida tat-tibdil fil-klima. Ħassejt li jkun għaqli f’dan il-jum li naqsam magħkom dan l-appell. 

Is-settur turistiku hu pilastru tal-ekonomija nazzjonali. Jikkontribwixxi sehem qawwi għall-ġid nazzjonali, għad-dħul tal-pajjiż u għall-ħolqien ta’ impjiegi. Jiena nemmen li dan is-settur jista’ jiżviluppa ħafna iżjed. Nemmen li flimkien: Gvern, Awtorità Maltija għat-Turiżmu, MHRA u dawk kollha involuti f’dan is-settur jistgħu jagħtu sehemhom biex minn dan is-settur jkompli jgawdi kulħadd.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  Imħabbra passi konkreti dwar il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna waqt laqgħa mal-għaqdiet volontarji fis-settur

PR261978

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Is-suċċess tas-saħħa pubblika jitkejjel ukoll minn dak li jirnexxilna nevitaw” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR261977

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

Aktar Stqarrijiet Right arrow