Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, KULTURA, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT, WAQT KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-EDUKAZZJONI OGĦLA - ‘SKILLS FOR THE FUTURE’ - QAWRA, 19 TA’ SETTEMBRU 2008

pr1301
Date Icon 19/09/2008

Sinjuri,  

Hu ta’ pjaċirgħalija li niltaqa’ magħkom biex niddiskutu din it-tema ta’ importanza ewlenija għat-tisħiħ ta’ pajjiżna. Bil-preżenza tagħkom qed turu d-dedikazzjoni tagħkom u l-impenn tagħkom biex flimkien inmexxu lil pajjiżna ‘l quddiem fejn jidħlu r-riżorsi umani, li huma l-pedament tal-ekonomija ta’ pajjiżna, u tal-iżvilupp tal-gżira tagħna b’mod ġenerali.
Il-mira tal-Gvern Maltifis-snin li ġejjin hi li pajjiżna jkompli jikber, jiżviluppa u jiġġenera aktar ġid b’mod sostenibbli. It-tema li se niddiskutu llum hi waħda li għandha tiġi trattata fi sfond ta’ sostenibbiltà. Hemm bżonn assolut li nħarsu r-riżorsi li għandha l-gżira tagħna, fosthom ir-riżorsi umani.
Il-Gvern fiduċjuż li flimkiennilħqu l-miri li aħna stess poġġejna biex pajjiżna mhux biss ikompli r-ritmu ta’ tkabbir li qabad iżda nagħmlu minn pajjiżna ċentru ta’ eċċellenza f’diversi setturi.
Fil-viżjoni tagħna sas-sena2015 irridu li Malta tkun Ċentru ta’ Eċċellenza fis-servizzi finanzjarji, fl-informatika u l-komunikazzjoni (ICT), fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fit-turiżmu, fis-servizzi tal-manifattura u b’Għawdex isir gżira ekoloġika biex joħroġ il-potenzjal kollu tagħha. Hu ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nara lil dawn is-setturi kollha rappreżentati f’din il-konferenza.
Malta diġà għamlet passi ta’ġgant ‘il quddiem f’ħafna minn dawn is-setturi, fosthom ir-reputazzjoni ta’ serjetà kbira li diġà bnejna fis-servizzi finanzjarji, u l-impenn li  ħadna fil-qasam tas-saħħa, bit-twaqqif tal-Isptar Mater Dei. Fis-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni l-implimentazzjoni tal-proġett Smart City miexi ‘l quddiem u se joħloq kultura akbar u ħafna aktar avvanzata fl-użu tal-ICT. Dan hu settur li minnu nnifsu se jgħin lill-pajjiżna jilħaq miri oħra f’setturi oħrajn.
Il-Gvern Maltiqed jagħmel ukoll investiment biex isaħħaħ l-Università ta’ Malta, biex jibni mill-ġdid l-MCAST, biex itejjeb il-kwalità u l-istrutturi tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi kif ukoll biex iwaqqaf sistema ta’ rikonoxximent tal-istituzzjonijiet privati tal-Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata. Dawn huma indikaturi ta’ proċess nazzjonali li għandu jwassal biex pajjiżna jkun minn ta’ quddiem nett fit-tagħlim u t-taħriġ.
Humadawn is-suċċessi tagħna stess, flimkien mal-kompetizzjoni li tinħass dejjem aktar fid-dinja globalizzata tal-lum, li ħolqu, u se jkomplu joħolqu, l-ħtieġa ta’ ħidma kontinwa u persistenti min-naħa tagħna għal żviluppi akbar minn qatt qabel fir-riżorsi umani tagħna. Illum kulħadd qed japprezza li pajjiżna jrid jaħdem biex iżomm il-kompetittività tiegħu, u biex, ikun minn ta’ quddiem anke meta mqabbel ma’ pajjiżi b’riżorsi ħafna akbar. Bl-impenn tagħkom ilkoll nistgħu ntejbu u nsaħħu l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema tagħna, kif ukoll l-kompetittività ta’ Malta fis-setturi li semmejt.
Hu d-dover tagħna lkoll linaħdmu flimkien biex nassiguraw ruħna li pajjiżna ma’ jkunx nieqes mill-ħiliet meħtieġa għall-iżvilupp kontinwu u l-kompetittività tagħna.
L-investiment fil-ħiliet huinvestment għall-futur. Inħeġġiġkom biex tħarsu lejn il-ħiliet bħala dinamiċi. Il-ħiliet tal-bniedem jinbidlu tul il-medda taż-żmien, skont dak li jkun qed jiġri madwaru, u dak li jkun rikjest minnu mid-dinja tax-xogħol. Għalhekk id-diskussjonijiet tagħna m’għandhomx ikunu ristretti biss għaż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum. L-impjegati tal-lum jitgħallmu ħiliet ġodda minn ġurnata għall-oħra. Bl-istess mod, it-tfal tal-lum se jkollhom jiffaċċjaw dinja tax-xogħol ferm differenti minn dik li nafuha aħna bħalissa.
F’dan l-isfondpajjiżna għandu jkun aktar preparat għal dak li se jkun mistenni mill-ħaddiema fil-futur. Mhux biss mill-impjegati iżda ukoll minn dawk li jaħdmu għal rashom, sew fil-qasam tas-servizzi kif ukoll fil-qasam tal-manifattura, speċjalment fejn tidħol l-innovazzjoni u l-introduzzjoni ta’ aktar effiċjenza u produttività fix-xogħol.
Irridu nkomplunisħqu fuq il-ħtieġa ta’ aktar produttività f’kull settur.  Filwaqt li nenfasizzaw il-post importanti li għandha l-industrija fl-ekonomija ta’ pajjiżna, hu ċar li l-enfasi trid tkun fuq manifattura fejn il-valur miżjud ikun aktar għoli, u dan hu ta’ ġid ukoll għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.  Ċentrali għal din il-mira hu r-rwol li jiżvolġi kull individwu hekk kif jakkwista ħiliet dejjem aktar għoljin u avvanzati, u r-rwol tagħna lkoll li ntuh iċ-ċans li jkompli jagħmel dan f’kull perjodu ta’ ħajtu.
Fl-Ewropabħalissa hemm tliet proċessi importanti ferm għall-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ ħiliet. Dawn huma l-Proċessi ta’ Bologna, Liżbona u Kopenhagen.
Il-Proċess ta’Bologna, li beda fl-1999, qed iwassal biex l-Edukazzjoni Ogħla fil-pajjiżi Ewropej timxi fuq linji gwida komuni. Fost affarijiet oħra, dan il-proċess jisħaq fuq il-kunċett tal-lifelong learning, li permezz tiegħu l-individwi jiġu mħeġġa biex jibqgħu jitgħallmu u jakkwistaw ħiliet ġodda tul ħajjithom kollha.
Il-Proċess ta’Kopenhagen li nbeda fis-sena 2002, ikompli fuq dak ta’ Bologna u jaħseb biex titfassal triq ta’ kooperazzjoni Ewropea simili għall-edukazzjoni Vokazzjonali u Professjonali.
Il-proċess ta’Liżbona li beda fis-sena 2000, ta lil pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea direzzjoni ċara fejn l-Edukazzjoni għandha twassal lil dawk li jgħaddu minnha, jiġifieri għal xogħol sostenibbli u ta’ kwalità, kif ukoll għal iktar innovazzjoni u produttività.
Il-proċessi lisemmejt jisħqu ferm ukoll fuq l-importanza tal-impjegabilità f’suq tax-xogħol li qed jinbidel kontinwament u f’ekonomiji li qed isiru aktar u aktar kompettitivi. Pajjiżna jrid irawwem individwi li jkollhom il-ħiliet bażiċi meħtieġa fosthom il-ħiliet u l-kompetenzi fl-informatika u li jkunu lesti jkomplu jitgħallmu weħidhom u b’mod sistematiku.
Irridu li d-deċiżjonijiet linieħdu llum ikunu tajba għal-lum kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Biex nagħmlu dan irridu nkunu kapaċi li nrawwmu fl-istudenti tagħna l-entużjażmu għal tagħlim kostanti u kontinwu. Għandna nkunu kapaċi li nagħtu lill-istudenti tagħna l-bażi li fuqha jkomplu jaħdmu u jitgħallmu minn jeddhom, biex ikunu flessibbli fid-dinja tax-xogħol u jilqgħu l-isfidi li dinja dejjem aktar avvanzata tipproponilhom minn jum għall-ieħor. Għandna wkoll inkomplu noffru opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ biex nilqgħu l-isfidi ġodda fuq il-post tax-xogħol, li minnhom wieħed jista’ jkompli jsaħħaħ l-għerf u l-ħiliet tiegħu.
Meta niġu biex niddiskutu l-iżviluppta’ ħiliet, għandna nżommu f’moħħna li Malta trid tibni qafas sostennibbli kemm ta’ ħiliet kif ukoll ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp ta’ ħiliet tul ħajjet in-nies, sew jekk għadhom fil-qasam tal-edukazzjoni formali, sew jekk diġà għandhom impjieg u sew jekk jinstabu f’pożizzjoni li qegħdin ifittxu x-xogħol jew saħansitra impjieg aħjar minn dak li diġà għandhom.
Pajjiżna għandubiex jiftaħar bil-kapaċitajiet fir-riżorsi umani tagħna. L-isfida li jmiss hi li nwessgħu dan il-grupp ta’ nies biex b’hekk il-pajjiż isib il-ħiliet u l-kompetenzi li huma meħtieġa biex ikompli jagħmel kisbiet ekonomiċi sostennibli fuq medda ta’ żmien twil kemm jista’ jkun.
Għalhekk irridnirringarazzja lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla li ħadet l-inizjattiva biex torganizza din il-Konferenza maħsuba biex tisħaq fuq l-importanza ta’ l-iżvilupp tar-riżorsi umani f’Malta. It-triq lejn is-suċċess ta’ uliedna u tal-futur ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi umani mhix triq li tista’ jew għandha titfassal mill-Gvern waħdu. Hi triq li titlob l-involviment tas-setturi kollha rrappreżentati hawnhekk illum.
Nawguralkomsuċċess fid-diskussjonijiet tagħkom, u nistenna bil-ħerqa li nisma’ jew naqra dak li jirriżulta mill-konferenza tal-lum.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Is-suċċess tas-saħħa pubblika jitkejjel ukoll minn dak li jirnexxilna nevitaw” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR261977

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Mediterranean countries must work together to shape their own future – Minister Chris Fearne

PR261976en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Mediterranea...

Aktar Stqarrijiet Right arrow