It-3 Edizzjoni tal-Qala International Folk Festival
pr1287
18/09/2008
| Wara s-suċċess miksub mill-ewwel żewġ | edizzjonijiet tal-Qala International Folk Festival, il-Kunsill Lokali tal-Qala b’kollaborazzjoni mal-Menhir Qala Folk Group ser jerġgħu jorganizzaw edizzjoni oħra ta’ dan il-festival folkloristiku. Dan ser isir bejn il-25 u t-28 ta’ Settembru 2008 fil-lokalità tal-Qala, b’parteċipazzjoni anki f’żewġ lokalitajiet oħra f’Malta. Aktar dettalji dwar il-programm ta’ din is-sena ngħataw il-bieraħ waqt konferenza stampa li saret fil-Ministeru għal Għawdex, mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono flimkien mas-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, u membri tal-kumitat organizzattiv. |
| Is-Sur Buttigieg spjega l-għan ta’ dan | il-festival, fejn permezz tiegħu qed jiġu esposti drawwiet u tradizzjonijiet folkloristiċi marbuta kemm mal-lokalità tal-Qala kif ukoll mal-gżira t’Għawdex. Barra minn hekk intagħżel tmiem il-ġimgħa partikolari fejn l-attivita’ f’Għawdex tkun pjuttost kwieta u għalhekk dan l-avveniment joħloq okkażjoni biex aktar Maltin u turisti jżuru lill-gżira ta’ Għawdex. Dan l-aspett għen lill-organizzaturi sabiex jibbenefikaw mill-iskema Gozo Attractions Incentive Scheme li hi inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex bl-għajnuna tal-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment permezz tal-Fond għall-Kawżi Ġusti tal-Lotteriji Nazzjonali. |
| L-organizzaturi bbenefikaw ukoll minn fondi ta’ | l-Unjoni Ewropea, fejn permezz ta’ programm li jippromwovi skambji kulturali sar possibbli li jinġiebu Għawdex żewġ gruppi folkloristiċi barranin, wieħed mis-Serbja u l-ieħor mill-Portugall. Dawn iż-żewġ gruppi flimkien mal-Menhir Qala Folk Group u tlett gruppi folkloristiċi oħra Għawdxin, ser jipparteċipaw waqt id-diversi attivitajiet li se jiġu mtellgħin. |
| Barra minn hekk dawn il-gruppi ser jagħtu | wirjiet fil-Qawra u f’San Ġiljan, f’Malta, nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Settembru, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali rispettivi, li magħhom il-Kunsill Lokali tal-Qala għandu ġemellaġġ. Il-festival ser jinkludi wkoll kunċert minn The Versatile Brass Ensemble u l-parteċipazzjoni tal-banda ‘Ite ad Joseph’ tal-Qala u l-grupp strumentali Ta’ Seguna Group. |
| Barra minn żfin u mużika folkloristika, il-Qala | International Folk Festival jinkludi wkoll wirja ħajja ta’ xogħol tradizzjonali u artiġjanali li jinkludu bizzilla, ganutell, xogħol bil-qasab, palm, injam, ġebel, ħġieg iddekorat, ċaqquf u tinqix tal-ġebel. Ser jesponi wkoll oġġetti u kostumi antiki li kienu jintużaw minn ġenerazzjonijiet Għawdxin matul dawn l-aħħar erba’ sekli. |
| Attrazzjoni speċjali żgur ser tkun dik | gastronomika fejn ser ikun hemm ikel u nbid tradizzjonali Għawdxi. Il-festival jiġi fi tmiemu l-Ħadd 28 ta’ Settembru. L-attivitajiet f’dan il-jum jibdew b’avveniment uniku fl-10.00 ta’ filgħodu. F’din l-attivita’ ser issir rappreżentazzjoni ta’ tieġ antik li ser tinvolvi il-komunita’ tal-Qala f’ċelebrazzjoni ta’ tieġ b’kostumi ta’ l-epoka ta’ l-imgħoddi. Fi tmiem ir-rappreżentazzjoni ser isir festin fejn jiġi servut ikel tipiku li kien jitqassam f’tiġijiet ta’ żmien l-imgħoddi. |
| Il-Ministru għal Għawdex faħħret l-inizjattiva | tal-Kunsill Lokali tal-Qala flimkien man-numru ta’ voluntiera li ta’ kull sena jaħdmu u jipparteċipaw f’dan il-festival biex b’hekk sar avveniment stabbilit u rinomat fil-kalendarju ta’ attivitajiet f’Għawdex. Dan jixhed ukoll l-impenn ta’ din il-lokalita’ li kkonfermat ruħha bħala lokalita’ dinamika kemm mil-lat kulturali kif ukoll f’dak infrastrutturali. |
| L-involviment tal-komunita’ tal-lokal tfisser | ukoll parteċipazzjoni minn tfal, żgħażagħ u anzjani u b’hekk jiġi assigurat li jinżammu ħajjin tradizzjonijiet qodma u tipiċi Għawdxin li jkunu jistgħu jiġu mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet futuri. |
| Il-Ministeru għal Għawdex isostni inizjattivi | ta’ dan it-tip għax jemmen li minbarra li jiġġeneraw attivita’ ekonomika, iservu wkoll bħala mezz effettiv għat-tixrid tal-kultura fost l-Għawdxin u l-barranin li jżuru lil Għawdex. Fuq kollox il-parteċipazzjoni ta’ gruppi barranin toħloq ukoll opportunita’ ta’ skambji kulturali li huma għodda miżjuda għal promozzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta kemm mas-suq domestiku kif ukoll f’dak barrani. |
Other Press Releases:
PR261977
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR261976en