Konferenza Stampa mill-Onor. Mario Galea, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità dwar ix-xogħlijiet li qed isiru fil-Binja Ġwanni Pawlu II, fir-Residenza ta’ San Vinċenz
Fir-Residenza ta’ San Vinċenz, bħalissa qed isir xogħol estensiv fuq l-immodernizzar u l-estensjoni tas-swali Ġwanni Pawlu II. Oriġinarjament dan il-proġett kien jikkonsisti f’binja ta’ tlett sulari bi swali qodma, servizzi antiki, kmamar tal-banju inaċċessibbli u faċilitajiet kemm għall-anzjani, kif ukoll għall-istaff limitati ħafna jekk mhux ineżistenti għal kollox.
B’dan il-proġett din il-binja qed tiġi trasformata fi swali ġodda, b’servizzi moderni u faċilitajiet adegwati; proġett aċċessibbli għal kulħadd imma l-aktar għall-anzjani l-aktar batuti. Fil-fatt meta jkun lest, dan il-proġett se jipprovdi 144 sodda għall-anzjani tagħna mqassma f’24 kamra b’sitt sodod kull waħda. Minn dawn, 48 sodda ser ikunu riservati għall-persuni li jbatu bil-kundizzjoni tad-dimenzja.
Għall-ewwel darba, sala minn din il-binja qed tiġi attrezzata għall-persuni bid-dimenzja. Il-membri ta’ l-istaff se jkunu mħarrġa min-nies professjonisti b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment ta’ l-Anzjani u Kura fil-Komunità, il-Malta Dementia Society u l-Università ta’ Stirling, fl-iSkozja. Fost oħrajn, il-kmamar se jkunu miżbugħa b’kuluri differenti u mgħammra apposta biex jiffaċilitaw l-orjentazzjoni. Ir-residenti se jkollhom aċċess għall-ġnien fejn jistgħu jieħdu sehem f’diversi attivitajiet.
Il-proġett għandu wkoll l-għan li joħloq ambjent diċenti, aċċessibbli u adegwat, kemm għall-anzjani li se jiġu akkomodati f’dawn is-swali, kif ukoll għall-istaff mediku kollu li se jieħu ħsiebhom. Fil-fatt hu maħsub li l-proġett ikun mgħammar b’dawn il-faċilitajiet:
• 24 kamra tas-sodda b’sitt sodod kull waħda u b’kamra tal-banju ensuite ma’ kull
kamra;• 6 atriums li jservu kemm ta’ dining rooms fil-ħinijiet tal-pranzu, kif ukoll ta’ activity
areas matul il-ħinijiet l-oħra;• 8 staff rooms, 4 nursing stations, kamra għat-tabib u oħra għall-konsulent;
• 4 treatment rooms, 4 pantries, 3 sluice rooms kif ukoll kmamar għall-fattigi;
• 2 btieħi kbar fejn l-anzjani jistgħu jqattgħu ftit sigħat barra fl-apert.
Is-swali se jkunu wkoll mgħammra bi tlett lifts, taraġ prinċipali u ieħor sekondarju, arja kundizzjonata u sistema ta’ nurse call, kif ukoll bridge li jgħaqqad il-binja mal-kumplament tas-swali fir-Residenza ta’ San Vinċenz. Il-proġett ukoll jinkorpora fih numru ta’ miżuri għall-ħarsien ta’ l-ambjent. Fost dawn il-miżuri nsibu:
• l-użu ta’ ħġieġ doppju magħruf bħala double glazing biex iservi ta’ insulation;
• it-twaħħil ta’ twieqi kbar biex jonqos il-bżonn ta’ dawl artifiċjali fil-ħinijiet tax-xemx;
• l-installazzjoni ta’ energy saving lights (bozoz li jikkunsmaw ftit dawl);
• l-użu ta’ power factor correction system, sistema innovattiva li tirriduċi l-konsum tad-
dawl għal-livelli minimi;• sistema ta’ heat recovery biex l-arja kundizzjonata tuża inqas dawl;
• kif ukoll l-użu ta’ l-ilma tax-xita kemm għat-tisqija, kif ukoll għat-tifi tan-nar f’każ ta’
emerġenza.
F’dawn l-aħħar xhur, ix-xogħol ingħata spinta kbira, tant li x-xogħlijiet strutturali fil-binja tista’ tgħid li huma kompluti. Bħalissa għaddej xogħol estensiv fuq is-servizzi tad-dawl, ilma, drenaġġ u arja kundizzjonata, kif ukoll beda x-xogħol tal-kisi u tal-madum.
Dan il-proġett miexi kif ippjanat u hu maħsub li jkun lest fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
Stqarrijiet Oħra:
PR261977
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR261976en