IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX IMPENJAT F’XOGĦOL FL-ISKEJJEL F’GĦAWDEX
pr1190
22/08/2008
| Xogħlijiet | strutturali, kif ukoll oħrajn ta’ tisbiħ u mmodernizzar, bħalissa jinsabu għaddejjin f’diversi skejjel madwar Għawdex, bi preparazzjoni għas-sena skolastika li jmiss, hekk kif l-istudenti u l-għalliema jinsabu fl-eqqel tal-vaganzi tas-Sajf. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru mill-ħaddiema tas-sezzjoni tal-manutenzjoni fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, fi ħdan id-Dipartiment tal-Customer Services tal-Ministeru għal Għawdex. |
| Il-Ministru | għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, saħqet li dawn ix-xogħlijiet jikkonfermaw l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex fl-iżvilupp kontinwu fis-settur ta’ l-edukazzjoni f’Għawdex. Dan bil-għan li jiġu mtejba l-istrutturi u l-ambjenti ta’ l-iskejjel biex l-istudenti kollha li jattendu xi ċentru edukattiv f’din il-gżira jgawdu minn faċilitajiet edukattivi aktar moderni, li joffru aktar sigurta’ u jkunu aċċessibbli minn kulħadd. Il-Ministru qalet dan waqt żjara li għamlet aktar kmieni llum f’diversi skejjel madwar Għawdex fejn bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet. Fost dawn hija żaret l-iskejjel Primarji Peter Paul Grech ġewwa Kerċem, Karmni Grima ġewwa l-Għarb, u Sir Arturo Mercieca fir-Rabat. |
| F’Kerċem, | minbarra xogħol ta’ tibjid fil-klassijiet inbnew ukoll klassijiet ġodda biex jintużaw bħala taqsima tal-Kindergarten. Filwaqt li x-xogħol tal-kostruzzjoni wasal fi stadju avvanzat qed jiġu kkordinati wkoll ix-xogħlijiet ta’ tikħil, tqegħid ta’ madum u aperturi. Ser jinbidlu wkoll l-aperturi fl-iskola Karmni Grima ġewwa l-Għarb fejn bħalissa għaddej xogħol ta’ tibjid. L-iskola Sir Arturo Mercieca ser tkun aktar aċċessibbli permezz ta’ lift li qed jiġi installat filwaqt li l-istess ser isir fiċ-Ċentru għall-Studji Ogħla Sir M A Refalo, fejn bħalissa qed isir il-kisi ta’ l-istruttura li ser tokkupa l-lift u l-makkinarju relatat. F’dan iċ-ċentru għaddejja wkoll ħidma biex titwaqqaf dik li ġiet msejħa Careers Room, fejn studenti minn skejjel oħra jkunu jistgħu jagħmlu użu minn servizzi u faċilitajiet ta’ guidance dwar studji relatati ma’ għażliet ta’ xogħol u karrieri differenti. Il-Ministru Debono temmet iż-żjara tagħha ġewwa l-iskola sekondarja tal-bniet Agius de Soldanis fejn qed jinbidlu l-faċilitajiet sanitarji f’żewġ sulari. |
| Xogħlijiet | oħra fi skejjel f’Għawdex jinkludu l-iskola Dun Andrea Vella, fiż-Żebbuġ, fejn dan l-aħħar sar ukoll tisbiħ estensiv ta’ l-entratura prinċipali, l-iskola Primarja ta’ San Lawrenz fejn sar tisbiħ madwar is-sala, kif ukoll titjib fit-taqsima amministrattiva, u wkoll ġewwa s-sala ta’ l-iskola tax-Xagħra fejn jonqos biss li tinħareġ l-offerta għas-suffitt wara li ġew installati sistemi ta’ dawl u amplifikazzjoni ġodda. Proġett ieħor interessanti huwa dak maħsub għall-iSpecial Unit f’Sannat fejn ser tiġi mwaqqfa sistema ta’ central heating. Dan ix-xogħol kollu qed ikun koordinat mit-taqsima ta’ l-edukazzjoni fi ħdan id-Dipartiment tal-Customer services tal-Ministeru għal Għawdex. Din it-taqsima tinsab impenjata wkoll fil-kordinazzjoni tal-bini ta’ skola sekondarja ġdida għas-subien ġewwa r-Rabat li qed titmexxa mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada u li ser tinvolvi investiment ta’ €7 miljun. |
| Il-Ministru | Giovanna Debono semmiet kif il-Gvern dejjem ħares lejn l-edukazzjoni bħala pilastru ewlieni fil-politika li huwa jħaddan. Il-proċess ta’ riforma fl-edukazzjoni f’pajjiżna ħaseb biex minbarra li jtejjeb il-livelli u l-kwalita’ tat-tagħlim jagħti wkoll l-importanza meħtieġa għall-istrutturi biex dawn ikunu akkoljenti, f’ambjenti li joffru sigurta’ u jkunu aċċessibbli minn kulħadd. B’hekk ikun qed jiġi assigurat ukoll it-twettieq tal-prinċipju ta’ edukazzjoni inklużiva. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261976en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Mediterranea...
PR261976