Left arrow Mur Lura

Inawgurazzjoni ta’ Ġnien il-Mall, il-Furjana

pr1072
Date Icon 12/07/2007

Il-politika u l-viżjoni tal-Gvern hija li l-wirt storiku ta’ pajjiżna jiġi mħares dejjem aktar, b’mod li jkomplu jseħħu l-proġetti għat-tisbiħ tal-lokalitajiet individwali bil-għan li jkun apprezzat aktar il-wirt ambjentali u artistiku li ħallewlna missirijietna.  Għaldaqstant għandu jkompli t-tisbiħ tal-ġonna pubbliċi kif ukoll għandu jiżdied il-ħolqien ta’ spazji liberi u żoni ta’ rikreazzjoni. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit fid-diskors tiegħu fl-inawgurazzjoni ta’ Ġnien il-Mall, il-Furjana. 

Din il-politika qed tiġi implimentata bil-fatti u f’kull aspett. Il-wirt storiku ta’ pajjiżna fl-aħħar snin esperjenza investiment qawwi fejn ġew restawrati u konsolidati ‘l fuq minn 25 kappella jew knisja, diversi monumenti, binjiet storiċi, bastjuni, swar u fortifikazzjonijiet. Fit-tisbiħ taċ-ċentri ta’ l-irħula u bliet storiċi rajna spinta qawwija b’numru ta’ proġetti f’diversi lokalitajiet madwar pajjiżna fosthom tisbiħ tal-pjazez u z-znieter ta’ numru ta’ knejjes u l-proġett tal-pavimentar tal-belt il-qadima, l-Imdina. Il-ħolqien ta’ żoni rikreattivi u t-tisbiħ tal-ġonna pubbliċi kien pilastru ieħor fit-twettiq tal-politika tal-Gvern. Fl-aħħar snin twettqu numru ta’ proġetti f’dan ir-rigward, minn tisbiħ ta’ ġonna bħall-Barrakka ta’ Fuq sa trasformazzjoni ta’ żoni rikreattivi bħall-Ġnien il-Kottonera. Ġnien il-Mall hu ħolqa fil-katina ta’ proġetti ta’ tisbiħ tal-ġonna pubbliċi. 

Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet il-Ministru Ninu Zammit qal li x-xogħol fuq il-Ġnien tal-Mall beda lejn l-aħħar tas-sena 2006. L-ewwel fażi kkonsistiet fli nqala’ l-wiċċ il-qadim u l-kurduna ta’ ġewwa.  Fil-bidu ta’ Jannar bdiet titpoġġa l-kurduna l-ġdida u l-art taċ-ċangatura.  Waqt li kien qiegħed isir dan ix-xogħol tqiegħdu servizzi ġodda fosthom cables tat-telefon u dawl u pajpijiet ta’ l-ilma. Għall-pavimentar intużaw tliet materjali prinċipali – madum tal-ġebla tal-franka (2,400 metru kwadru), madum tal-granit, (251 metru kwadru) u kubetti tal-granit (365 metru kwadru).  

Sar ukoll xogħol fuq il-ħajt li jdawwar il-ġnien fejn inqalgħu u nbidlu xi partijiet minnu u sar xogħol ta’ restawr u tindif tul il-ħajt kollu. Inbidel ir-railing kollu li b’kollox ilaħħaq is-600 metru tul u twaħħlu 90 bank ta’ l-iroko u 50 kontenitur ta’ l-iskart. Saret ukoll ħażna għall-ilma tax-xita sabiex isservi wkoll għat-tisqija ta’ soft areas tal-ġnien. 

Fl-istess ħin li kien qed jiġi esegwit dan il-proġett, tkompla u ġie ffinalizzat  wkoll ix-xogħol ta’ restawr tal-Knisja ta’ Sarria.  Ġiet stallata s-sistema ta’ illuminazzjoni tal-faċċati ta’ l-istess knisja u sar ukoll il-pavimentar tal-bankina li ddawwar l-istess monument. Ix-xogħol ta’ restawr li kien wieħed delikat u speċjalizzat, kien mifrux fuq numru ta’ xhur. Is-sistema ta’ illuminazzjoni kompliet qalgħet l-arkitettura ta’ din il-knisja.   

Fl-aħħar tad-diskors tiegħu l-Ministru Ninu Zammit, filwaqt li rringrazzja u faħħar il-kontribut eċċellenti tal-ħaddiema tal-Gvern li ħadmu fuq dawn iż-żewg proġetti, tenna li l-investiment tal-Gvern fir-riżorsi umani u f’xiri ta’ makkinarju għall-Works Division qed jissarraf b’mod viżibbli f’ġid nazzjonali li kulħadd jista’ jammira u japprezza. Dan ix-xogħol qed jikkonsolida u jippriserva l-wirt storiku ta’ pajjiżna bil-għan li l-istess wirt ikun jista’ jitgawda aħjar mill-poplu kif ukoll bl-iskop li dawn il-ġojjelli ta’ l-ambjent Malti jgħaddi fi stat kif jixraq lill-ġenerazzjonijiet futuri. 

Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol imwettaq mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura bis-saħħa tal-ħaddiema fi ħdanu.  Huwa qal li dan il-proġett huwa xhieda oħra tal-viżjoni ta’ dan il-gvern favur it-tisbiħ ta’ pajjiżna bbażata fuq tliet binarji prinċipali: dik li jikkonserva u jirrestawra l-wirt storiku, li jtejjeb il-livell ta’ għixien tar-residenti u li jwettaq proġetti infrastrutturali bl-iskop li jagħti dehra isbaħ lil pajjiżna.  Il-Prim Ministru żied jgħid li bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali, il-Gvern se jinvesti fi proġett ta’ ’l fuq minn Lm12–il miljun favur il-konservazzjoni u r-rijabilitazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi

PR261967

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow