IL-LIĊENZI TAN-NEGOZJU SE JIBDEW JINĦARĠU FI ŻMIEN GĦAXART IJIEM
“Fil-jiem li ġejjin se jiġi ppubblikat Avviż Legali li jemenda r-Regolamenti dwar il-Liċenzi tal-Kummerċ. Fost l-emendi li saru hemm l-emenda importanti li tgħid li liċenzi tan-negozju se jibdew jinħarġu fi żmien għaxart ijiem. Dan hu eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern qiegħed jaħdem biex inaqqas il-burokrazija. Fejn qabel, persuna li tapplika għal liċenza tan-negozju kienet tista’ tibqa’ tistenna risposta sa tmien ġimgħat, issa, permezz ta’ din l-emenda, ir-risposta ta’ jekk il-liċenza hiex se tinħareġ jew le għandha tingħata fi żmien għaxart ijiem.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, qal dan waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet.
Fi żmien għaxart ijiem, it-Trade Licensing Unit (TLU), skond dawn ir-regolamenti, trid tibda tavża lill-applikant jekk ġietx approvata jew le l-applikazzjoni għal-liċenza tan-negozju. L-għaxart ijiem jibdew jgħoddu minn wara li tiġi verifikata d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa għal dik l-applikazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kompla biex spjega li “l-iskop ta’ din l-emenda hu li ssir ħidma aktar effettiva mid-Diviżjoni għall-Kummerċ biex in-negozju jiġi ffaċilitat. B’din l-emenda l-Gvern qiegħed juri li huwa verament miftuħ għan-negozju, u jifhem il-ħtiġiet li għandhom persuni li qegħdin fin-negozju. Aħna rridu nkomplu nkattru n-negozju biex insaħħu l-ekonomija u noħolqu dejjem aktar impiegi.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261967
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...
PR261966en