Left arrow Go Back

STQARRIJA MID-DIRETTORAT ĠENERALI – SIGURTÀ SOĊJALI DWAR L-ALLOWANCE TAT-TFAL

pr1065
Date Icon 11/07/2007

B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca dwar il-pagamenti ta’ l-Allowance tat-Tfal, id-Direttorat Ġenerali – Sigurtà Soċjali jixtieq jiċċara kif ġej. 

Il-ħlasijiet ta’ l-Allowance tat-Tfal isiru regolarment kull 13 il-ġimgħa. L-ewwel pagament għas-sena benefiċjarja 2007/2008 kien pagabbli fis-7 ta’ Lulju. 

F’Jannar ta’ din is-sena, bħalma jsir is-soltu, intbagħtu l-applikazzjonijiet lill-benefiċjarji prospettivi. Din l-applikazzjoni riedet timtela’ u tintbagħat lura lid-Direttorat flimkien mad-dokumenti meħtieġa sa l-aħħar ta’ April. B’hekk il-pagament tal-benefiċċju, fejn dovut, seta’ jsir ma’ l-ewwel pagament fis-7 ta’ Lulju. 

Tajjeb li jingħad ukoll li mill-bidu tas-sena ġie mniedi servizz ieħor ta’ l-e-government li jippermetti li l-applikazzjoni għall-Allowance tat-tfal issir on-line. 

Sa l-aħħar ta’ April, id-Direttorat irċieva ’l fuq minn 24,000 applikazzjoni. Fis-7 ta’ Lulju, tħallsu 26,591 pagamenti ta’ l-Allowance tat-Tfal. Dan ifisser li d-Direttorat ipproċessa applikazzjonijiet oħra, għalkemm dawn waslu wara d-data ta’ l-għeluq tat-30 ta’ April.  

Fil-fatt, isir proċess kull ġimgħa mid-Direttorat biex, fejn ikun dovut, il-ħlas tal-benefiċċju isir minnufih. Id-Direttorat m’għandux applikazzjonijiet pendenti li waslu għandu kompluti kif suppost u li jistgħu jiġu pproċessati. Il-proċess ta’ evalwazzjoni fuq applikazzjonijiet li d-Direttorat irċieva reċentement u oħrajn li ma kinux mimlija kif suppost għaddej kontinwament.  

Il-bilanċ ta’ applikazzjonijiet li għandu f’idejħ id-Direttorat huwa dawk fejn l-applikanti ma kkwalifikawx mit-test tal-mezzi, l-applikazzjonijiet waslu għand id-Direttorat reċentement, kif wkoll dawk l-applikazzjonijiet fejn id-Direttorat ma kellux l-informazzjoni kollha u għalhekk huwa impossibli li jiġi determinat id-dritt għall-benefiċċju. 

Fil-każ ta’ applikazzjonijiet fejn hemm informazzjoni li għad trid tinġabar, id-Direttorat diġa qed jieħu l-passi biex jiġbor din l-informazzjoni mingħand l-applikanti. Hekk kif din l-informazzjoni tasal għand id-Direttorat kif suppost, dawn it-talbiet ukoll jiġu pproċessati mill-ewwel permezz tal-proċess li jsir kull ġimgħa u li ssemma aktar qabel.  

Id-Direttorat jieħu din l-opportunità biex ifakkar lill-pubbliku li, għalkemm jista’ jkun li f’dan il-perijodu jkollu diffikultà jagħmel kuntatt bit-telefon mat-Taqsima ta’ l-Allowance tat-Tfal minħabba ż-żieda ta’ telefonati mill-pubbliku lil din it-Taqsima, informazzjoni dwar dan il-benefiċċju jew xi benefiċċju ieħor soċjali jista’ jinkiseb ukoll fil-ħinijiet ta’ l-uffiċċju mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Direttorat jew mis-Social Policy Information Centre (SPIC) tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali fuq in-numru tat-telefon 159 mit-Tnejn sas-Sibt, mit-8.00am sat-8.00pm. 

Għaldaqstant, kuntrarjament għall-impressjoni li setgħet ingħatat mill-istqarrija ta’ l-Onor. Marie-Louise Coleiro-Preca m’hemmx problemi fil-proċess tal-ħlasijiet ta’ l-Allowance tat-Tfal u d-Direttorat Ġenerali b’kollaborazzjoni ma’ SPIC qed jagħmel minn kollox biex jiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċċji soċjali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

PR261968

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi

PR261967

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...

More Press Releases Right arrow