Left arrow Go Back

TIDĦOL FIS-SEĦĦ IL-LIĠI KONTRA L-KONSUM TA’ ALKOĦOL MILL-MINURI TA’ TAĦT IS-SITTAX-IL SENA

pr1059
Date Icon 10/07/2007

Attività bil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ġewwa l-kumpless ta’ Baystreet illum fil-preżenza ta’ l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali, immarkat id-dħul fis-seħħ tal-liġi kontra l-konsum ta’ alkoħol mill-minuri ta’ taħt is-sittax-il sena. 

Imdawra bi grupp żgħażagħ li flimkien għamlu din l-attivita waħda ferriħija u kkulurita, il-Ministru Cristina sostniet li s-soċjeta kollha trid tkun responsabbli sabiex nifhmu l-ħsara li jġorr miegħu l-fenomenu ta’ l-alkoħol, u permezz ta’ edukazzjoni u informazzjoni siewja nwasslu l-messaġġ lil uliedna li m’hemmx għalfejn tixrob alkoħol sabiex tieħu gost.  

F’pajjiżna diġa’ kellna liġi li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ l-alkoħol liż-żgħażagħ ta’ taħt is-sittax-il sena. Minn issa ’l quddiem permezz ta’ din il-liġi ż-żgħażagħ taħt is-sittax-il sena lanqas ma jistgħu jixorbu, jixtru jew ikollhom alkoħol fil-pussess tagħhom. Dan ifisser li dawn iż-żgħażagħ ser ikunu qed jiksru l-liġi ladarba huma jixorbu jew ikollhom fil-pussess tagħhom alkoħol f’post pubbliku. Din il-liġi tipprovdi wkoll li l-ebda persuna ma tista’ tbigħ jew tagħti alkoħol lil żagħżagħ ta’ taħt is-sittax-il sena.  

Il-Ministru Cristina sostniet li din il-liġi m’hijiex kastig, iżda għandna nkunu aħna li nħarsu lejha bħala gwida ta’ imġieba soda u b’saħħitha. Għandna nifhmu li m’għandniex għalfejn nirrikorru għall-liġi u l-konsegwenzi li hemm f’każ ta’ ksur ta’ din il-liġi. Iż-żgħażagħ huma l-pedament tas-soċjeta u jridu jkunu huma li jirrealizzaw li dak li jżommhom milli jixorbu alkoħol m’għandiex tkun il-liġi nnifisha iżda l-fehma li l-alkoħol huwa ta’ deni għalihom u li l-użu tiegħu jista’ jkollu effett ħażin fuq il-ħajja tagħhom.  

Il-Ministru Cristina fakkret li bħalissa huwa żmien ta’ attivitajiet varji fejn il-konsum ta’ l-alkoħol ma jonqosx. Hija għamlet appell liż-żgħażagħ bħala ambaxxaturi tal-pajjiż u lil dawk kollha kkonċernati sabiex ikunu responsabbli ta’ l-azzjonijiet tagħhom. Il-liġi hija importanti, iżda issa huwa ż-żmien li din il-liġi ssir realta billi nbiddlu dak li hemm fuq il-karta fil-prattika. Hija ħeġġet liż-żgħażagħ sabiex jgħidu le, kelma qasira imma effettiva meta jsibu ruħhom quddiem tentazzjonijiet ħżiena. 

L-Onorevoli Edwin Vassallo, preżenti wkoll għal din l-attivita, saħaq illi għalkemm il-priorita tas-settur privat huwa l-profitt, dan għandu jkun profitt ġust li jħaddan il-prinċipju tal-corporate social responsibility. Huwa fakkar lil dawk kollha preżenti li l-valur tal-ħajja jiġi qabel kollox u li huwa propju għalhekk li għandu jkun hemm kooperazzjoni sħiħa sabiex negħlbu t-tixkil ikkawżat minn kummerċ żbaljat. 

Min-naħa tagħhom iż-żgħażagħ preżenti tennew li sabiex wieħed jieħu gost m’għandux għalfejn jirrikorri għall-konsum ta’ l-alkoħol. Huma saħqu wkoll li dawk li għandhom ’il fuq minn sittax il-sena għandhom jappoġġjaw liż-żgħażagħ iżgħar minnhom sabiex din il-liġi ssir realta. Wara kollox, fakkru huma stess, ikollok kemm ikollok żmien, m’hemmx għalfejn tixrob alkoħol sabiex tieħu gost.  

Il-kampanja li issa ilha għaddejja minn Marzu tat informazzjoni siewja lill-istudenti, u lil nies li ġejjin minn diversi oqsma dwar it-tifsira ta’ din il-liġi u kif għandha tiġi esegwita. Iżda iżjed minn hekk kienet kampanja informattiva u edukattiva bl-iskop li tfiehem liż-żgħażagħ u lill-adulti kkonċernati dwar il-konsegwenzi qerrieda ta’ l-alkoħol. 

Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm bosta personalitajiet li jirrapreżentaw entitajiet varji. Din kienet turija ta’ kemm din il-liġi hija fl-interess ta’ kulħadd. Il-Ministru Cristina għalqet billi rringrazzjat lil Baystreet li għoġobhom jagħtu s-sapport tagħhom għall-attivita tal-lum, turija li huma wkoll jixtiequ jżidu leħinhom favur din il-kampanja. Ma naqsietx milli tirringrazzja wkoll lir-rappreżentanti tal-grupp Zak Mosta li ħadu sehem permezz ta’ eżibizzjoni ta’ żfin, kif ukoll lil Marilena Farrugia li kantat kanzunetta għall-okkażjoni. Il-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn iż-żgħażagħ hija messaġġ ċar u sod li huma jridu jkunu pijuniri sabiex iżommu lil sħabhom tamparhom ’il bogħod mill-alkoħol.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

PR261968

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi

PR261967

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...

More Press Releases Right arrow