Left arrow Go Back

Kunċert għal udjenzi ta’ kull età

pr1058
Date Icon 10/07/2007

Għar-raba’ sena konsekuttiva l-Orkestra Nazzjonali se tmur Pop f’kunċert li ser jittella’ fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran is-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Lulju. 

F’The National Orchestra Goes Pop ta’ din is-sena l-Orkestra Nazzjonali ser tkun magħmula minn 60 mużiċist billi ser ikun hemm żieda ta’ strumenti. Ser jipparteċipaw ukoll disa’ kantanti mistiedna Maltin. L-Orkestra ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Sigmund Mifsud u ser titmexxa minn Marcelline Agius. 

“Il-kunċert The National Orchestra Goes Pop ta’ din is-sena ser ikun parti minn tliet ġimgħat ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi li ser isiru fil-Belt Valletta bħala parti mill-Malta Arts Festival – Summer 2007. Dan il-kunċert kien suċċess fenomenali mill-ewwel sena li sar u għalhekk baqa’ jiġi organizzat kull sena bl-iskop ewlieni li ż-żgħażagħ Maltin jinġibdu iżjed lejn l-Orkestra Nazzjonali. Fl-istess waqt The National Orchestra Goes Pop jappella għal nies ta’ kull età.” 

Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda l-kunċert The National Orchestra Goes Pop waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-Victoria Hotel, Sliema. 

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li bl-iskop li l-ġenerazzjoni żagħżugħa jħarsu lejn l-Orkestra Nazzjonali bħala xi ħaġa tagħhom ukoll, f’Diċembru 2004 l-Orkestra Nazzjonali nediet l-Orkestra Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Hu qal li din bdiet bi 30 mużiċist u llum kibret biex għandna orkestra kompluta. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar fin-numru kbir ta’ kunċerti u wirjiet operistiċi li l-Orkestra Nazzjonali torganizza matul is-sena kollha. Hu qal li dan kien qed iwassal lill-poplu Malti biex ikun aktar qrib ta’ l-Orkestra Nazzjonali, biex isegwiha aktar u japprezzaha iżjed. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien  ċert li dawk kollha li jħobbu l-mużika kienu ser japrezzaw dan il-kunċert li sar parti mill-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil Sigmund Mifsud li jikkoordina dan il-kunċert, lil Marcelline Agius li tmexxieh, lill-mużiċisti u lill-kantanti li ser jieħdu sehem u lill-Bord tad-Diretturi ta’ l-Orkestra Nazzjonali għall-appoġġ tagħhom biex dan il-programm  ikun  jista’ jsir.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

PR261968

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi

PR261967

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...

More Press Releases Right arrow