Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU GĦAR-RIŻORSI U L-INFRASTRUTTURA JQASSAM WARRANTS LILL-PERITI

pr1056
Date Icon 10/07/2007

L-aqwa investiment tal-pajjiż huwa fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Gvern preżenti huwa mpenjat sabiex, filwaqt li joffri l-aqwa edukazzjoni, joħloq ukoll opportunitajiet tax-xogħol li jiggarantixxu impjiegi sostenibbli. 

Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor.  Ninu Zammit meta kien qed iqassam “warrants” lil seba’ Periti ġodda.  Ir-rwol tal-Periti fil-ħajja ta’ llum m’huwiex biss li jippjanta, jiddisinja u jissorvelja xogħlijiet tal-kostruzzjoni, iżda għandu wkoll ir-responsabbilita` li dak li jiddisinja jkun kompattibbli ma’ l-ambjent, mal-klima u ma’ l-istil ta’ l-arkitettura f’pajjiżna. 

Hawnhekk il-Ministru Zammit irrefera għall-konservazzjoni ta’ l-enerġija fil-bini ta’ pajjiżna. Hu spjega li l-mod kif aħna nibnu u l-istil tal-bini tagħna għandu jħares lejn użu ta’ materjal, qisien tat-twieqi, il-mod kif il-bini jiġi msaqqaf u affarijiet tekniċi oħra, bl-iskop li l-enerġija tintuża bl-aktar mod effiċjenti teknikament possibli fi kwalunkwe tip ta’ bini. 

Għalkemm il-linja professjonali tal-periti ssegwi b’mod prinċipali l-arkitettura u l-inġinerija ċivili, illum insibu ħafna mill-periti li apparti li jkunu segwew b’suċċess il-kors universitarju qed jispeċjalizzaw f’diversi oqsma bħar-restawr, bini ta’ toroq, enerġija u oħrajn. Dan qed iwassal biex f’pajjiżna qed ikollna spectra wiesgħa ta’ professjonisti f’kull qasam u għaldaqstant l-industrija tal-bini u l-infrastruttura qed tkun mirquma minn kull aspett.

Il-Ministru spjega lill-periti preżenti li l-għoti tal-warrant iġġorr magħha sfidi u responsabbilita` u għalhekk kull professjonist hu obbligat li dak li jimplimenta fis-soċjeta` jagħmlu bl-akbar responsabbilita` u integrita`. Il-Gvern hu determinat li jibqa’ joffri edukazzjoni b’saħħitha u ta’ l-għola livelli kif ukoll li jagħti l-għodda kollha disponibbli sabiex pajjiżna jkollu professjonisti ta’ l-għola kwalita`.

Bħala parti minn dan l-impenn il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed iħejji qafas legali sabiex aktar professjonijiet ikunu koperti b’warrant li jingħata skond l-ispeċjalizzazzjoni tal-periti u l-inġiniera.  

Fl-aħħarnett il-Ministru awgura lill-periti preżenti għaċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-warrants, sabiex dak li l-pajjiż investa fihom jissarraf f’ġid nazzjonali permezz ta’ kontribut siewi favur it-tisħiħ ta’ l-arkitettura ta’ pajjiżna

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi

PR261967

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow