APPROVAT ID-DĦUL TA’ L-EWRO F’MALTA MILL-1 TA’ JANNAR 2008 U TIĠI STABBILITA R-RATA TAL-KAMBJU DEFINITTIVA BEJN IL-LIRA MALTIJA U L-EWRO
Illum, il-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi ta l-approvazzjoni finali għad-dħul ta’ l-ewro f’Malta mill-1 ta’ Jannar 2008 u approva b’mod definit r-rata tal-kambju ta’ bejn il-lira Maltija u l-ewro li se tintuża għas-sħubija ta’ Malta fiż-żona ta’ l-ewro. Din ir-rata se tkun ir-rata ċentrali ta’ bejn il-lira Maltija u l-ewro li ilha fis-seħħ sa minn meta Malta ssieħbet fl-ERM II fit-2 ta’ Mejju 2005. Għaldaqstant, ewro wieħed se jissarraf f’0.429300 lira Maltija
Id-delegazzjoni Maltija għall-Kunsill tal-Ministri kienet immexxija mill-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi u kienet tinkludi lis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, is-Sur Tonio Fenech, lir-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea, is-Sur Richard Cachia Caruana, lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, is-Sur Michael Bonello u uffiċjali oħra.
Meta indirizza lill-Kunsill tal-Ministri, il-Prim Ministru qal li s-sħubija ta’ Malta fiż-żona ta’ l-ewro kien il-pass loġiku li kien imiss wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Huwa spjega r-rabta mill-qrib bejn l-ekonomija Maltija u dik Ewropea kif ukoll il-ħidma li wettaq pajjiżna sabiex laħaq u ssodisfa l-kriterji meħtieġa għas-sħubija ta’ Malta fiż-żona ta’ l-ewro. Fost l-oħrajn huwa semma l-ħidma li saret sabiex il-finanzi pubbliċi jitpoġġew fuq bażi soda u sostenibbli kif ukoll ir-riformi kbar li twettqu fis-swieq u r-ristrutturar li sar sabiex tiġi żgurata l-flessibilita’ fl-ekonomija Maltija. Dan sabiex il-pajjiż ikun kapaċi jilqa’ b’mod aħjar għal sfidi ekonomiċi li jistgħu jinqalgħu minn żmien għall-ieħor.
Il-Prim Ministru esprima t-twemmin tal-Gvern li l-ewro se jagħmel l-ekonomija Maltija aktar kompetittiva u attraenti għall-investiment kemm lokali u dak barrani. Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil kulħadd għall-ħidma tiegħu u lill-poplu Malti kollu li għal darba oħra kien il-protagonist fil-mixja lejn din id-deċiżjoni storika.
Id-deċiżjoni storika tal-lum ġabet fil-milja tagħha l-ħidma tal-Gvern fl-aħħar snin bil-għan li jsieħeb lil Malta fiż-żona ta’ l-ewro. Kienet ħidma li nbniet fuq il-fiducja sħiħa li dan il-pass kien fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-poplu Malti. Kienet ħidma li lejha taw sehemhom ħafna nies fl-amministrazzjoni tal-pajjiż u fuq kollox il-poplu Malti nnifsu. Kienet ħidma li wriet kemm il-poplu Malti kapaċi jasal meta mnebbaħ minn tmexxija għaqlija u b’viżjoni u strateġija ċara.
Issa li dan kollu nkiseb, il-Gvern se jkompli jiffoka l-ħidma tiegħu fuq il-ħtieġa li l-bidla għall-ewro ssir mingħajr skossi u tkun suċċess. Dan sabiex dan il-pass ikun verament wieħed li jkompli joħloq l-opportunitajiet għall-ekonomija tagħna u jkattar il-ġid għall-poplu Malti kollu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261967
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...
PR261966en