Left arrow Mur Lura

Il-bajja ta’ San Ġorġ titkabbar bi 800 metru kwadru ta’ ramel

pr1046
Date Icon 09/07/2007

“Il-popolarità li ħadet il-bajja ta’ San Ġorġ wara l-proġett ta’ tkabbir u tisbiħ li seħħ sentejn ilu, wassal biex qed jittieħdu miżuri biex din il-bajja titkabbar biż-żieda ta’ 1,700 tunnellata ramel. Permezz ta’ dan ir-ramel il-bajja ser titkabbar b’bejn erba’ u ħames metri, jew b’madwar 800 metru kwadru.”

Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta żar il-bajja ta’ San Ġorġ fejn kienet qed tinħatt u titwitta kunsinna ta’ ramel li nġiebet mill-Ġordan, ramel li nħadem speċifikament għall-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta. L-operazzjoni mistennija tieħu anqas minn 24 siegħa, biex b’hekk il-bajja ser terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku għada.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din il-bajja issa qiegħda fit-tielet staġun tagħha u qed tiġi frekwentata minn madwar 100,000 għawwiem Malti u barrani fis-sena. Hu qal li l-livell li laħqet din il-bajja, il-kwalità ta’ servizz li qed jingħata flimkien mat-tmexxija tagħha taw lil din il-bajja isem tant tajjeb li kkwalifikat għall-istatus ta’ Bandiera Blu (Proġett Pilota).

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern preżenti kien qed jaħdem biex il-bajjiet ta’ Malta jilħqu livell ta’ Bandiera Blu. Hu qal li l-‘perched beach’ ta’ Buġibba ma ddumx ma tikkwalifika għal dan l-istatus filwaqt li l-bajja ta’ l-Għadira, fejn diġa twettaq ħafna xogħol, l-aktar fejn jidħol immaniġġjar u tindif, mistennija tilħaq dan l-istatus fi żmien sentejn.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li meta bajja titmexxa tajjeb tiġbed lejha aktar għawwiema. Hu qal li dak fil-fatt seħħ lill-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din il-bajja, minbarra li qed tiġi utilizzata ferm aktar mill-Maltin, qed tintuża wkoll minn għadd kbir ta’ turisti f’area fejn hemm konċentrazzjoni qawwija ta’ lukandi, ristoranti u postijiet tad-divertiment.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech ħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu ħsieb din il-bajja ħalli titgawda fi stat tajjeb mill-Maltin u t-turisti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi

PR261967

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow