Il-Kummissarju Barrot jfaħħar lill-Gvern Malti dwar it-toroq li qed jinbnew mill-ġdid
Il-Kummissarju Jacques Barrot, Viċi President tal-Kummisjoni Ewropea u Kummissarju responsabbli mit-trasport, f’laqgħa li kellu mal-Perit Jesmond Mugliett, Ministru għall-Iżvilup Urban u Toroq, faħħar lill-Gvern Malti għall-investiment kbir li qiegħed isir fl-iżvilupp tan-network tat-trasport f’Malta.
Il-Kummissarju Barrot wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod għaqli kif il-Gvern irnexxielu jagħmel użu mill-fondi kollha disponibbli mill-UE. Hu wera wkoll l-apprezzament ta’ l-isforz li l-Gvern Malti qiegħed jagħmel fl-investiment ta’ madwar 1.5 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku u liema figura hija l-għola fost il-membri kolha ta’ l-UE. Il-medja ta’ l-investiment mill-membri l-oħra ta’ l-UE f’dan is-settur hi ta’ madwar 0.9 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku.
Kien ukoll diskuss l-investiment li Malta qiegħda tippjana li tagħmel biex ikun hawn trasport li jirrispetta dejjem aktar l-ambjent. Il-Kummissarju Barrot faħħar l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu biex jiddaħħlu sistemi aktar sofistikati ta’ mmaniġjar tat-traffiku bl-użu ta’ sistemi kompjuterizzati bħal ITMS (Intelligent Transport Management System) kif ukoll il-fatt li Malta qed tistudja l-użu ta’ vetturi li jaħdmu bi fuel li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, fosthom anke vetturi li jużaw l-idroġenu (H2)
Matul il-laqgħa, deskritta bħala waħda mill-aktar kordjali, il-Kummissarju Barrot faħħar lill-Gvern Malti għall-istandards u l-kwalità tat-toroq ġodda li qed jinbnew mill-ġdid, b’mod partikolari wara li hu stess kellu l-opportunità li jgħaddi minn uħud minn dawn it-toroq waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna.
Il-Ministru Jesmond Mugliett spjega lill-Kummissarju Barrot u lid-delegazzjoni li kellu takkumpanjah il-metodoloġija li qed tkun implimentata f’pajjiżna u l-mod kif Malta qed tilħaq il-kriterji u l-istandards Ewropej fil-bini tat-toroq.
Other Press Releases:
PR261967
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...
PR261966en