IL-MEMBRI PARLAMENTARI EWROPEJ JŻURU L-MCAST
Il-Membri tal-Parlament Ewropew li jinsabu hawn Malta għall-EPP/ED Study Days bejn l-4 u s-6 ta' Lulju, illum żaru l-MCAST bħala wieħed minn numru ta' progetti oħra li fil-maġġoranza tagħhom kienu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Huma se jkunu qed jaraw kif il-Gvern Malti qed jinvesti l-fondi li qed jirċevi mill-Unjoni Ewropea fl-iżvilupp tal-pajjiż u fuq kollox fil-poplu Malti, fuq quddiem nett fis-settur edukattiv u ta' taħriġ biex il-ġenerazzjonijiet ta’ llum u tal-ġejjieni jingħataw l-għodda kollha possibbli biex jaħtfu l-opportunitajiet li qed jinħolqu f'pajjiżna.
Matul iż-żjara tagħhom f'Malta, l-MEP’s se jkunu qed jiffukaw fuq id-djalogu Ewro-Mediterranju u l-paċi fil-Lvant Nofsani, il-Politika Marittima u l-Imigrazzjoni. Is-sessjoni ta' l-EPP-ED f'Malta tiġi fi tmiemha nhar il-Ġimgħa 6 ta' Lulju.
Meta żaru l-MCAST l-MEP’s ingħataw merħba mill-Minstru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħazagħ u Xogħol, Louis Galea, mill-President tal-Bord tal-Gvernaturi s-sur Paul Attard u l-Prinċipal tal-Kulleġġ is-sur Frank Edwards.
Is-sur Emmanuel Attard għamel preżentazzjoni dwar il-proġett li l-Gvern ser jizviluppa biex b'investiment ta' Lm50 miljun (€116 m) l-MCAST ikollu ‘campus’ ġdid u jkompli jtejjeb il-kwalità tat-taħriġ li joffri l-Kulleġġ, joffri spazji aħjar biex aktar studenti jsegwu korsijiet fil-Kulleġġ, u fuq kollox biex il-Kulleġġ ikompli bil-missjoni tiegħu li joffri taħriġ ta’ l-għola kwalità u pajjiżna jkollu l-ħaddiema preparati għal ekonomija moderna.
Il-Membri Parlamentari żaru u ingħataw informazzjoni dwar numru ta’ proġetti li huma ko-finanzjati mill-UE. L-MCAST fil-fatt gawda kemm mill-Fond Reġjonali għall-Iżvilupp Ewropew (ERDF) kif ukoll mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF). Aktar minn €2.7 miljun ġew investiti f’erba’ proġetti taħt l-ERDF u aktar minn €1 miljun għal diversi programmi ta’ taħriġ taħt l-ESF fl-ewwel programm ta’ finanzjament bejn l-2004 u l-2006.
Permezz tal-Fond Reġjonali għall-Iżvilupp Ewropew inbniet u ġiet mgħammra librerija u ċentru għar-riżorsi tat-tagħlim, sar xogħol fuq il-bini l-ġdid ta’ l-Istitut għall-Kura fil-Kommunità, sar xogħol fuq il-bini taċ-ċentru għal Għawdex u inxtara apparat għal-Laboratorju tal-Karozzi.
Għall-futur, il-kulleġġ qed jipproponi numru ta’ proġetti oħra li jistgħu jiġu ffinanzjati minn dan il-fond. Dawn jinkludu: titjib tal-faċilitajiet u x-xiri ta’ tagħmir għall-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika, għall-Istitut ta’ l-Inġinerija Elettrika u Elettronika, għall-Istitut tal-Bini u Kostruzzjoni, u għall-Istitut ta’ l-ICT, kif ukoll proġett biex jitqiegħdu numru sostanzjali ta’ pannelli solari li jkunu jistgħu jitqabbdu mas-sistema nazzjonali tad-dawl.
Għas-snin 2007-13, l-MCAST mistenni jibbenefika minn aktar minn €18 miljun u dan minbarra ammont sostanzjali ieħor li mistenni jintuża biex jitwettaq il-proġett tal-‘campus’ il-ġdid ta’ l-MCAST.
Aktar minn 1,200 ruħ se jkunu ħadu taħriġ f’wieħed mid-diversi korsijiet li qed jiġu pprovduti b’xejn permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF). Fil-fatt 800 ruħ diġa temmew l-korsijiet tagħhom u ħadu ċ-ċertifikati fil-jiem li għaddew, filwaqt li aktar minn 460 għadhom qed jieħdu t-taħriġ tagħhom. Il-korsijiet jinkludu korsijiet għan-nisa li jridu jirritornaw għad-dinja tax-xogħol, korsijiet biex ħaddiema jkunu jistgħu itejjbu l-ħiliet tagħhom, korsijiet fi snajja tradizzjonali Maltin u taħriġ bażiku għal min m’għandux kwalifiki formali. Għas-snin 2007-13, il-kulleġġ qed jipproponi diversi proġetti oħrajn li se jfissru investiment ta’ madwar €2.7 miljun fil-ħaddiema Maltin.
Waqt iż-żjara tagħhom il-Membri Parlamentari kellhom l-opportunità jaraw l-investiment li sar u qed isir fl-MCAST fosthom fil-Librerija u Ċentru tar-Riżorsi, fil-bini l-ġdid ta’ l-Istitut tal-Kura fil-Kommunità li minn Settembru li ġej se jilqa fiħ dan l-istitut; u li s’issa kien frammentat f’żewġ binjiet waħda f’Tas-Sliema u waħda fl-Imsida, kif ukoll fil-Workshops fejn l-istudenti jitħarrġu fuq it-tiswija ta’ l-ajruplani.
F’diskors li għamel il-Ministru Louis Galea qal li l-MCAST huwa storja ta’ suċċess u li bl-għajnuna tal-Fondi ta’ l-UE seta` jiżviluppa b’rata aktar mgħaġġla u joffri aktar korsijiet lill-Maltin u l-Għawdxin biex bħala Kulleġġ ikompli jaqdi l-missjoni tiegħu fis-soċjetà u l-ekonomija tagħna. Louis Galea qal li l-MCAST hu eżempju tajjeb ta’ kif il-fondi ta’ l-UE qed jintużaw b’mod tajjeb u għaqli u li jagħti valur miżjud. Hu qal li fis-snin li ġejjin l-MCAST se jkompli jibbenefika mill-fondi ta’ l-UE u dan se jwassal biex il-Gvern ikun jista’ jwettaq il-proġetti u l-miri tiegħu f’dan is-settur b’pass aktar mgħaġġel milli kieku jkun jista’ jagħmel waħdu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966