Left arrow Go Back

TOROQ TA’ LIVELL INTERNAZZJONALI BIS-SAĦĦA TA’ L-UE

pr1015
Date Icon 04/07/2007

 Il-poplu Malti illum qed igawdi u jesperjenza toroq ta’ livell u standards internazzjonali li tassew isarrfu fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan grazzi għad-deċiżjoni għaqlija li ħa l-poplu Malti li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea u għall-għaqal li għaraf juża l-Gvern fil-mod kif jinvesti l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea. 

Dan qalu l-Perit Jesmond Mugliett, Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, meta llum wara nofs in-nhar dawwar delegazzjoni ta’ Ewro-Parlamentari mill-Partit Popolari Ewropew mal-proġett tal-bini mill-ġdid tat-Triq ta’ Ħal Far, li hi wieħed minn sitt proġetti ta’ titjib fl-infrastruttura tat-trasport f’pajjiżna ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Jakkumpanja d-delegazzjoni wkoll l-Ewro-Parlamentari David Casa. 

Il-Ministru Mugliett spjega li permezz tal-għajnuna li Malta rnexxielha tikseb mill-Unjoni Ewropea l-Gvern Malti mbarka fuq proġett ferm ambizjuż li jtejjeb u jammeljora n-network infrastrutturali tat-toroq arterjali u distributorji tal-pajjiż.  

Fil-fatt il-Gvern ħa ħsieb li part sostanzjali mill-fondi li Malta ngħatat mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu finanzjarju 2004-2006 jużhom għal dan l-iskop. Dawn il-fondi, li jammontaw għal madwar 26 miljun ewro, huma parti mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew.  

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq tenna jispjega li permezz ta’ dawn il-fondi, barra t-tielet fażi tat-Triq ta’ Ħal Far b’tul ta’ madwar 3 Km u b’allokazzjoni ta’ madwar 4.7 miljun ewro mill-Fond Reġjonali Ewropew, inbnew ukoll mill-ġdid Vjal l-Avjazzjoni Ċivili f’Ħal Luqa b’tul ta’ 0.6 Km u t-triq bejn il-Belt Victoria u San Lawrenz f’Għawdex b’tul ta’ 3.3 Km oħra. 

Intant għada tinfetaħ mill-ġdid għat-traffiku l-bypass ta’ San Pawl il-Baħar b’tul ta’ 2.7 Km u investiment ta’ aktar minn 6 miljun ewro waqt li għaddej ix-xogħol ukoll fit-triq ta’ Għajnsielem f’Għawdex b’tul ta’ madwar 3 Km oħra, u l-bdil tal-pont Manwel Dimech fuq il-Wied ta’ San Ġiljan, b’aktar minn 6 miljun ewro allokati. 

Dawn il-proġetti kollha, flimkien mat-toroq li nbnew mill-ġdid permezz tal-fondi miksuba permezz tal-Protokoll Taljan b’tul ta’ 16.5 Km, ikopru medda sħiħa ta’ aktar minn 29 Km. 

“Il-proġetti kbar ta’ rikostruzzjoni ta’ toroq,” qal il-Ministru Mugliett, “iridu jiġu apprezzati mhux biss fid-dawl ta’ titjib fl-aċċess u t-traspot iżda wkoll mill-perspettiva ekonomika tal-pajjiż.”  

Hawn hu rrefera għall-mod kif, waqt li dan it-titjib fit-toroq qed ikompli jsaħħaħ in-network tat-trasport f’pajjiżna anke fid-dawl tar-rotta Ewropea TEN-T, jgħin lill-industrija Maltija. Fil-fatt r-rotta tan-network Ewropew TEN-T f’pajjiżna tgħaqqad il-hub tal-merkanzija fil-Freeport f’Birżebbuġa b’mod strateġiku mal-kumplament tal-pajjiż, partikolarment maż-żoni industrijali ta’ Bulebell, il-Marsa, Kordin u San Ġwann fost l-oħrajn.

 “Bla dubju dawn il-proġetti,” saħaq il-Ministru Mugliett, “ser iħallu impatt kbir fuq l-esperjenza tas-sewqan fil-gżejjer Maltin, grazzi għall-għaqal li ħaddan il-Gvern fil-mod kif uża l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea.”

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow