Stqarrija mill-Uffiċju tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ b’risposta għal stqarrija maħruġa mill-kelliema tal-OPPOZIZZJONI għas-Solidarjeta’ Soċjali u għall-Anzjani
Għal darb’oħra l-Onor. Marie Louise Coleiro Preca u l-Onor. Silvio Parnis għoġobhom jikkritikaw lill-Gvern f’qasam, bħalma hu dak tal-Anzjani, fejn il-fatti juru biċ-ċar li ma jeżisti l-ebda paragun bejn l-attenzjoni li jagħti dan il-Gvern lil dan is-settur u l-attenzjoni li ngħatat minn gvernijiet immexxija mill-Partit Laburista. Jekk wieħed iħares biss lejn iċ-ċifri malajr jinduna li għal kull lira li jikkontribwixxu l-anzjani residenti fid-djar tal-gvern, dan tal-aħħar jinvesti erba’ liri għall-kura u l-manteniment tagħhom.
L-istess jista’ jingħad għall-investiment f’arja kundizzjonata fir-residenza San Vinċenż de Paul u fid-djar fil-komunita’, li kollu sar minn Gvern Nazzjonalista. Proprju bħalissa għaddejjin żewġ proġetti biex jiġu stallati sistemi ġodda ta’ arja kundizzjonata biex jieħdu post is-sistemi eżistenti f’żewġ swali, b’investiment ta’ aktar minn Lm 150,000 (€349,406) u fil-jiem li ġejjin mistenni li jinħareġ tender ieħor biex issir arja kondizzjonata f’żewġ swali oħra, li ma kellhomx arja kondizzjonata s’issa.
Fejn m’hemmx arja kundizzjonata, jew din tkun temporanjament bil-ħsara jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibli biex jittaffa l-inkonvenjent lir-residenti, bħalma huma l-proviżjoni ta’ fannijiet, ilma u silġ b’mod kontinwu u saħansitra units ta’ arja kondizzjonata mobbli.
Fil-ġimgħa li għaddiet, minn popolazzjoni li taqbeż l-elf anzjan u anzjana fir-residenza San Vinċenz mietu ħdax, minn swali li għandhom u m’għandhomx arja kundizzjonata, u dawn l-imwiet m’humiex attribbwibbli għas-sħana.
Fir-rigward tad-dar tal-anzjani tal-Mosta, li fiha sar u qed isir investiment konsiderevoli fi proġett estensiv ta’ ‘refurbishment’, huwa tassew ironiku li proprju fil-jiem meta qed isiru x-xogħlijiet neċessarji biex jiġu stallati l-kitchenettes li ser ikun fihom ukoll ‘mini-bar’, il-Kelliema tal-Oppoziżżjoni qed jakkużaw lill-Gvern li ma żammx il-wegħda tiegħu ma’ dawn ir-residenti.
Filwaqt li huwa minnu li minħabba ħsara temporanja fl-antenna bħalissa m’hux possibbli jinqabdu l-istazzjonijiet lokali fuq it-televizjoni, din il-ħsara mistennija tissewwa din il-ġimgħa. Fil-frattemp pero’, is-sistema tas-satellita’ qed taħdem b’mod normali u toffri varjeta’ ta’ stazzjonijiet lir-residenti.
Il-ħidma tal-gvern favur l-anzjani hija waħda kontinwa u sostnuta u, għalkemm sar ħafna progress f’dan is-settur, beħsiebna nkomplu nistinkaw sabiex intejbu u nsaħħu s-servizzi kollha li noffru lil din il-faxxa tas-soċjeta’, li hija tant għal qalb dan il-Gvern. Dan jixduh fatti konkreti u mhux kliem fieragħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966