STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦALL-INVESTIMENT, INDUSTRIJA U TEKNOLOĠIJA TAL-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMENTI TA’ L-ONOR. LEO BRINCAT
Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jirreferi għall-istqarrija tal-lum tal-kelliem ta’ l-Oppozizzjoni, l-Onor. Leo Brincat.
L-Onor. Leo Brincat tenna l-argumenti meskini tiegħu u l-implikazzjonijiet qatt mitkellma iżda dejjem hemm, ta’ dak li jrid jgħid.
L-Onor. Leo Brincat irid ikun akkużatur, imħallef u ġurija għax m’hemm ebda mod iehor kif jispjega l-fatt għaliex minn qabel irid jeskludi d-dibattitu quddiem il-Kumissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni, liema dibattitu volontarjament dan il-Ministeru mar għalih.
Il-fatt illi s-sur Brincat jitfa dubji fuq il-kredibilita tal-Kumissjoni jindika biċ-ċar li l-Onor. Brincat ma jridx li jkun hemm ġudizzju ndipendenti imma jrid li jkun hu l-prosekutur, l-imħallef u l-ġurija.
Il-Kap tas-Segretarjat ta’ dan il-Ministeru għandu kwalifiki u rekord professjonali li altru milli jiġġustifikaw il-ħatra tiegħu fi proċessi ta’ għażla ta’ xiri pubbliku. Dawn il-kwalifiku u rekord m’humiex kontestati lanqas mis-Sur Brincat stess.
M’hemm ebda regola, liġi, drawwa, tradizzjoni jew prassi li teskludi lil persuni li jservu lill-Ministri tal-Gvern bħala Kapijiet tas-Segretarjati tagħhom, milli jaqdu funzjonijiet pubbliċi. Regola hekk tkun assurdità estrema. Li tkun Kap tas-Segretarjat ta’ Ministru hi minna nnifisha funzjoni u responsabbiltà pubblika.
Id-divorzju fittizju li qed jipprova jagħmel Leo Brincat bejn li tkun fil-Gvern għax taħdem f’Segretarjat Privat u li tkun fil-Gvern għax ma tkunx f’Segretarjat Privat, hu intenzjonat biss biex isemmi f’nifs wieħed lill-persuna kkonċernata mal-kliem ‘tender’ u ‘etika’.
Għalkemm qatt ma jgħidha, l-Onor. Leo Brincat irid lil min jifhem li hemm min għandu għalfejn jissuspetta li l-individwu msemmi kien involut f’xi mġieba skorretta.
Jekk ma jridx jgħidha lill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni, l-Onor. Leo Brincat għandu jgħid konkretament x’inhi l-akkuża tiegħu pubblikament, inkella għandu jieqaf iħammeġ bl-insinwazzjonijiet lil min, l-unika ħtija tiegħu hija, li qed jagħti servizz pubbliku b’kuxjenza u professjonalità.
Sakemm is-Sur Brincat ma jgħidx xi ħaġa ġdida dan il-Ministeru issa ser jieqaf jipparteċipa f’dan l-iskambju ripetittiv u inutli, ta’ argumenti li s-Sur Brincat qed jagħmel ta’ bir-ruħu li mhux qed jifhem.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966