IL-MINISTERU GĦALL-INVESTIMENT, INDUSTRIJA U TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMAZZJONI JWIEĠEB GĦALL-ISTQARRIJA TAL-GRTU DWAR IL-MONTI TAL-BELT
Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jirreferi għall-istqarrija tal-GRTU li lmentat dwar il-fatt li vannijiet tal-bejjiegħa tal-Monti huma – għal waqt il-ħin tal-bejgħ – eżenti milli jħallsu għall-parkeġġ fil-Belt.
Il-Ministeru – waqt illi jaqbel illi l-ipparkjar tal-vannijiet f’Misraħ San Ġorg m’hux ideali – jixtieq jikkostata dawn il-fatti:
1. Il-vannijiet li l-GRTU iddeskriviet b’mod tant elokwenti kienu qabel jipparkjaw fil-parti l-kbira quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann iżda l-GRTU qatt ma pprotestat minkejja li hemm ħwienet faċċata u fil-viċin. L-ipparkjar ta’ l-istess vannijiet f’post ieħor fil-Belt m’hux impatt ġdid fuq in-negozju;
2. M’hux minnu li l-eżenzjoni lill-bejjiegħa tal-Monti nżammet b’xi mod mistura. Il-GRTU m’hux biss kellha f’idejha minn qabel il-pubblikazzjoni l-manwali u l-avviżi legali relattivi iżda approvathom ukoll. Fi kliem sempliċi, il-GRTU approvat din l-eżenzjoni;
3. L-eżenzjoni ngħatat – u probabbilment ġiet approvata mill-GRTU – għax in-natura ta’ l-attività tal-bejgħ mill-Monti tesiġi li l-vannijiet li jintużaw għall-ġarr tal-merkanzija jkunu qrib il-posta m’nejn isir il-bejgħ.
Il-Gvern jifhem u jaqbel mal-GRTU li Misraħ San Ġorġ quddiem il-Palazz tal-President m’hux post li jixraq għall-parkeġġ u li dan għandu jkun evitat. Dan il-Misraħ jixraqlu jkun parti miż-żona pedonali fil-qalba tal-Belt.
Il-Gvern japprezza tassew l-appoġġ li tat il-GRTU għall-inizjattivi li ttieħdu fil-Belt. M’hemmx dubju li l-GRTU ma ddejjqet xejn tagħti pariri lill-membri tagħha li jagħmlu huma wkoll sagrifiċċji li r-riżultat tagħhom hu t-titjib ta’ l-attività kummerċjali u l-ambjent fil-Belt. Il-Gvern itenni li kien ikun diffiċli ħafna li jsiru r-riformi ta’ fejda li saru fil-Belt mingħajr il-parir siewi, l-appoġġ u l-preżenza tal-GRTU.
Iżda jkun żbaljat għall-GRTU li issa tarmi dan kollu minħabba żvista tagħha stess. Bħal ma sar f’kollox, il-Gvern hu konvint li anke f’dan il-każ jistgħu jinstabu s-soluzzjonijiet li jħallu lill-operaturi kummerċjali joperaw mingħajr xkiel waqt li tinżamm baxxa l-konġestjoni fit-toroq tal-Belt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966