Left arrow Mur Lura

INAWGURAT IĊ-ĊENTRU TA’ ATTIVITÀ PAUL CUSCHIERI, FIR-RESIDENZA SAN VINCENZ DE PAUL

pr1008
Date Icon 03/07/2007

L-Onor Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità flimkien mal-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità inawguraw Ċentru ta’ Attivita’ Paul Cuschieri, fir-Residenza San Vinċenz De Paul.

L-għan ta’ dan iċ-ċentru huwa sabiex jgħin l-anzjani ta’ din ir-residenza jiltaqgħu u jqattghu ħin flimkien ’il bogħod mis-swali, filwaqt li jżommu ruħhom attivi f’diversi attivitajiet fosthom numru ta’ crafts, mużika u logħob. Barra minn hekk ċ-Ċentru ta’ Attività jservi bħala ċentru għall-persuni li jbatu mid-demenzja u li jgħixu fil-komunità, sabiex dawn l-anzjani jingħataw servizz denju u kompatibbli mal-marda tagħhom, kif ukoll iservi bħala respite għall-familjari ta’ dawn il-persuni. 

Helen D’Amato qalet li “l-kunċett ta’ anzjanità attiva huwa wieħed mill-pilastri tal-politika tagħna għall-anzjani. Dan il-kunċett aħna ilna nippromwovuh u nwettquh mill-1987 hekk kif bdew jinfetħu l-ewwel ċentri ta’ Matul il-Jum.

L-Onor D’Amato qalet li dan iċ-ċentru huwa differenti minn oħrajn billi huwa maħsub li joffri opportunitajiet ta’ attività lil persuni anzjani li jbatu bid-demenzja. L-inċidenza ta’ din il-marda fost l-anzjani Maltin qiegħda tikber. Huwa stmat li bħalissa hawn madwar 4000 persuna tbati bid-demenzja, ammont li mistenni jirdoppja fi żmien għoxrin sena. L-anzjani li jbatu mid-demenzja għandhom bżonn iżjed ta’ stimolu mentali u soċjali biex il-kundizzjoni tagħhom ma tibqax tiddeterjora b’mogħod mgħaġġel.

Dan iċ-ċentru huwa ta’ benefiċċju wkoll għall-qraba li jieħdu ħsieb dawn l-anzjani għax, ser jipprovdi servizz ta’ respite għall-familjari tagħhom. Għaldaqstant, kull min jieħu ħsieb xi persuna anzjana bid-demenzja fil-komunità jista’ jaċċessa dan is-servizz ġdid billi jipprovidi ċertifikat li l-persuna tbati bid-demenzja u jagħmel talba biex din il-persuna tibda tattendi ċ-Ċentru Paul Cuschieri, jimla l-formola t’ applikazzjoni għaċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u jispeċifika fil-formola ċ-Ċentru Paul Cuschieri.

Dan iċ-ċentru jkompli jsaħħaħ u jwettaq il-kunċett ta’ kura multidixxiplinarja u ħolistika f’ San Vinċenz, jiġifieri kura bbażata fuq il-persuna fil-kumplessità kollha tagħha, u noħolqu ċertu kontinwità u sinerġija bejn il-kura istituzzjonali u dik fil-komunità biex il-kunċett ta’ anzjanità attiva jitwettaq kemm fil-komunità kif ukoll fl-istituzzjonijiet.

Dan iċ-ċentru ġie msemmi għall-memorja ta’ ħaddiem ta’ din il-faċilità - Paul Cuschieri li fis-snin li huwa ħadem ma’ l-anzjani kien strumentali flimkien ma’ oħrajn, biex isiru numru kbir ta’ attvivitajiet għall-anzjani ta’ din ir-Residenza.

L-Onor. D’Amato rringrazjat lill-ħaddiema tekniċi li għamlu x-xogħol kollu fuq dan il-proġett u tirringrazzja wkoll lill-ħaddiema ta’ dan iċ-ċentru għall-ħidma tagħhom.

Il-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità qal li issa li l-isptar Mater Dei lest il-gvern irid jindirizza l-ħidma tiegħu lejn il-kura fil-komunità fejn tiġi wkoll provduta kura ta’ prevenzjoni.  Barra minhekk il-bini ta’ faċilità ġdida għar-riabilitazzjoni se tgħin mhux ftit biex bosta anzjani jibbenefikaw minn servizz ta’ riabilitazzjoni u hekk ikunu jistgħu jirritornaw fil-komunità.

Il-gvern dejjem saħaq li x-xewqa tiegħu hi li l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità.  Għalhekk il-gvern ipprovda ħafna servizzi li kollha jindirizzaw din il-viżjoni.  Illum ġie ippruvat li fost il-kuri ta’ prevenzjoni għall-marda tad- demenzja hi li żżomm l-anzjani attivi.  Dan iċ-Ċentru għandu proprju din il-funzjoni biex l-anzjani jibqgħu dejjem aktar attivi.  L-isfidi huma kbar għaliex is-servizzi ta’ kwalità tas-saħħa qegħdin iżidu is-snin lill-anzjani.  Il-gvern qiegħed jagħmel minn kollox biex dawn is-snin miżjuda ikunu snin li l-anzjani jgħixu b’mod dinjituż u b’saħħithom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

Aktar Stqarrijiet Right arrow