Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANŻJANI U L-KURA FIL-KOMUNITÀ

pr1005
Date Icon 03/07/2007

Il-kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa l-Onor. Michael Farrugia fi stqarrija qal li huwa mertu ta’ Gvern Laburista li l-poplu Malti se jkollu sptar ġdid flok l-Isptar San Luqa.

Trid tkun veru ma tafx tistħi biex tipprova tieħu l-mertu ta’ proġett li l-Partit Laburista minn dejjem qal li kien kontra tiegħu, ried iwaqqgħu, qal li kien lussu u sa nhar il-Ħadd stess, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni kellu l-intenzjoni li jwaqqaf dan il-proġett.  Il-Partit Laburista għamel minn kollox biex jagħmel il-bsaten fir-roti  waqt il-bini ta’ l-isptar.  Il-Partit Laburista qatt ma felaħ li gvern Nazzjonalista kien se jagħti sptar ta’ l-aqwa kwalità lill-poplu Malti.

Fit-22 xahar li l-Partit Laburista għamel fil-gvern m’għamel xejn dwar l-isptar ħlief ħela l-ħin u ddeċieda li jżidu għal elf sodda u sular ieħor, mingħajr ma qies jekk l-istruttura kienitx tiflaħ għal żewġ sulari oħra. Tajjeb li l-Onor. Michael Farrugia jgħid min fejn kien se jġib staff għal sptar akbar.  Fil-fatt kellhom jinbidlu l-pjanti biex dan seta’ jsir u b’konsegwenza ta’ hekk, żdiedet in-nefqa.  Matul dawk it-22 xahar, il-bini ta’ l-isptar kien wieqaf għal kollox.

It-tabib Michael Farrugia qal li l-poplu Malti kien qiegħed jistenna li Dr. Gonzi jiskuża ruħu talli x-xogħol waqa’ lura.  Matul l-open weekend, il-poplu Malti mar bi ħġaru fl-Isptar Mater Dei, mhux biex jitlob skuża minghand il-Prim Ministru, imma biex jirringrazzja lill-Prim Ministru għall-isptar Mater Dei; l-aktar wara li ra l-isptar u hekk waqa’ il-gideb kollu tal-Partit Laburista dwar l-isptar.

Dwar ir-riżorsi umani għall-istess sptar, il-Gvern ilu s-snin jinvesti fir-riżorsi umani billi neħħa n-numerus clausus fil-kors tal-mediċina li kien daħħal gvern Laburista.  Waqqaf ukoll l-Istitut għall-Kura tas-Saħħa minfejn ħarġu mijiet ta’ infermiera b’ċertifikati, diplomi u degrees li huma rikonoxxuti wkoll barra minn Malta.  Waqqaf ukoll id-Direttorat tan-Nursing.  Għad jonqos xi jsir imma saru passi kbar f’dan il-qasam.

Il-Partit Laburista minn dejjem jibbaża l-kampanji tiegħu fuq tfiegħ ta’ tajn.  Dan il-proġett ma kienx eċċezzjoni.  Qiegħed jinkwetahom bil-kbir.  L-Onor. Michael Farrugia imissu jitlob il-verdett dwar Mater Dei lin-numru kbir ta’ partitarji laburisti li laqgħu l-istedina u żaru Mater Dei.

Sinifikanti wkoll li għaċ-ċerimonja, ftit kienu d-deputati ta’ l-Oppożizzjoni, fosthom l-Onor. Michael Farrugia, li kienu preżenti.  Kulħadd kien mistieden idur l-isptar.  Jidher li l-Onor. Michael Farrugia għażel li ma jagħmilx dan forsi biex jistenna lil dawk preżenti jirringrazzjaw lilu u l-Partit Laburista għal dan l-isptar li mingħajrhom ma kienx isir!

Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jerġa’ jtenni li dan hu sptar ta’ kulħadd u huwa ta’ għajb li l-Oppożizzjoni tibqa’ tieħu kull okkażjoni biex timplika l-isptar f’kontroversja politika.

Fl-aħħar il-Ministru tas-Saħħa  jixtieq jirringrazzja lill-eluf ta’ Maltin li fl-open weekend urew il-gratitudni tagħhom lejn l-Prim Ministru u l-Ministru personalment. 

Il-Prim Ministru ta kelma u żammha; u llum il-poplu Malti qiegħed jara r-riżultati.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

Aktar Stqarrijiet Right arrow