Xogħol ta’ Caravaggio ser jinġieb mill-Italja għal wirja f’Malta
Bejn il-11 ta’ Ottubru u s-16 ta’ Diċembru 2007, fil-Konkattidral ta’ San Ġwann se jkun hemm għall-wiri l-pittura ta’ Caravaggio - ‘Portrait of a Knight’. Din il-pittura famuża insilfet lil Malta mill-Galleria Palatina ta’ Firenze għall-wirja bit-tema: ‘Caravaggio and Paintings of Realism in Malta’.
Is-self ta’ din il-pittura lil Malta sar possibbli permezz ta’ sforz komuni mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, minn Dr Keith Sciberras mill-Università ta’ Malta, mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Ambaxxata Taljana f’Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ħabbar dan is-self ta’ din il-pittura waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet. Hu qal li fil-ftit xhur li Caravaggio għamel f’Malta bejn l-1607 u l-1608, ħallilna diversi xogħlijiet famużi fosthom il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Gwann il-Battista, li bosta jqisu bħala l-aqwa kapolavur tiegħu.
“Portrait of a Knight” hi wkoll xogħol li Caravaggio għamel f’Malta iżda li jinstab għall-wiri fil-Galleria Palatina ta’ Firenze. Din il-pittura issa ser ikollna l-opportunità li nammirawha mill-qrib għaliex b’ħidma flimkien, u bl-appoġġ ta’ l-Ambaxxatur Taljan għal Malta, l-E.T. Paolo Trabalza, ser tkun fostna biex tifforma parti minn wirja bit-tema Caravaggio and Paintings of Realism in Malta" tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li x-xogħlijiet li Caravaggio ħalla f’Malta qed jikkontribwixxu biex il-belt kapitali tagħna tkun aktar marbuta ma’ dan l-artist famuż li llum ismu hu fost l-aqwa artisti li qatt kien hawn. Hu qal li dan igħin ukoll biex Malta tkompli tiġi proġettata bħala destinazzjoni kulturali ta’ l-ogħla kwalità fejn l-istorja titħallat mal-kultura u l-arti biex jagħmlu minn pajjiżna destinazzjoni unika.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-attivitajiet li qed ikunu organizzati biex jitfakkar il-400 anniversarju minn mindu Caravaggio kien f’Malta ser jikkontribwixxu biex dan l-artist ta’ fama internazzjonali jkun aktar magħruf fost il-Maltin u jwasslu biex l-istudjużi ta’ Caravaggio jiġu Malta biex huma wkoll jsegwu mill-qrib dak kollu li qed ikun organizzat.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil Dr Keith Sciberras li jispecjalizza fil-xogħlijiet ta’ Caravaggio, lill-Kunsill Malti għall-Arti u Kultura u lill-Ambaxxatur Taljan li bil-ħidma tagħhom ser tinġieb f’Malta din il-pittura.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966