Left arrow Go Back

IL-KUMMENTI TAL-UĦM DWAR IR-RILOKAZZJONI TAL-MONTI

pr1003
Date Icon 02/07/2007

Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jirreferi għal kummenti lill-istampa li ta s-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella dwar ir-rilokazzjoni tal-Monti tal-Belt Valletta.

Il-Ministeru jistqarr li:

1.         Ir-rilokazzjoni tal-Monti lejn is-sit il-ġdid fi Triq il-Merkanti saret bi qbil u bi ftehim iffirmat minn Gejtu Vella nnifsu. Għall-konvenjenza ta’ l-istampa, kopja tal-ftehim qed terġa’ titqassam ma’ din l-istqarrija. Dak il-ftehim kien jipprovdi għar-rilokazzjoni tal-Monti malli jitqiegħed il-konkos fiż-żona. Dan il-fatt seħħ nhar is-7 ta’ Ġunju 2007 u l-Gvern minn jeddu u b’rieda tajba ħalla ftit żmien ieħor jgħaddi qabel implimenta r-rilokazzjoni biex iħalli x-xogħlijiet li qed isiru fi Triq il-Merkanti jitbiegħdu mis-sit tal-Monti;

2.         L-oġġezzjonijiet tal-UĦM dwar kemm hu kbir jew żgħir is-sit jinjoraw il-ftehim li ffirmat inklużi l-pjanti li kienu juru l-qisien tal-bankarelli u d-distanzi relattivi bejniethom, skond kriterji espliċiti u ċari, iddettati mill-bejjiegħa tal-Monti nfushom. Dan hu sit u dawn huma qisien li fuqhom hemm ftehim iffirmat;

3.         Il-Pulizija infurmatna li llum armaw aktar minn terz tal-bejjiegħa liċenzjati fis-siti tagħhom mingħajr diffikultà ta’ qies, spazju, aċċess jew kwalunkwe skuża oħra li qajment il-UĦM;

4.         Il-Ministeru hu wkoll infurmat direttament minn numru ta’ bejjiegħa li riedu jarmaw iżda bejjiegħa oħra ostakolawhom billi poġġew il-vannijiet tagħhom fi triqithom u żammewhom milli jgħaddu;

5.         Is-Sur Gejtu Vella ilmenta dwar trab fis-sit. Is-sit hu maħsul u mnaddaf kuljum. Il-paviment eżistenti fi Triq il-Merkanti m’hux il-paviment aħħari li se jkun hemm wara li jitlesta l-pavimentar il-ġdid. Il-kwalità tal-paviment eżistenti hi dik maqbula fil-ftehim mal-UĦM;

6.         Is-Sur Gejtu Vella ilmenta li m’hemmx bankina fi Triq il-Merkanti. Triq il-Merkanti hi magħluqa għall-karozzi u l-istess bħal Triq ir-Repubblika m’għandhiex bżonn u m’hux se jkollha bankina. Għalfejn dan jostakola n-negozju ma jinftiehemx.

7.         Is-Sur Gejtu Vella jipponta b’ironija għal rampa f’tarf Triq Felice li quddiemha għandha żewġ postijiet għall-bankarelli. L-ispazju quddiem is-suq hu aċċessibbli minn żewġ punti oħra (quddiem il-bieb ewlieni tas-suq u f’tarf Triq it-Teatru l-Antik). Ir-rampa ta’ tarf Triq Felice hi aċċess supplimentari li jintuża meta jkunu żarmati ż-żewġ bankarelli ta’ quddiemha.

Hu ċar li dawn li qed jingħadu huma skużi biex tkompli r-reżistenza għar-rilokazzjoni tal-Monti għas-sit il-ġdid fi Triq il-Merkanti. Għal uħud mill-bejjiegħa – m’hux kollha – dan qatt ma kien aċċettabbli u anke wara li daħlet għal ftehim miktub, il-UĦM issa qed tabbanduna kelmitha stess.

Minn dak li qed tgħid illum, jidher li meta l-UĦM daħlet għall-ftehim mal-Gvern fit-18 ta’ Mejju 2007, m’għamlitx dan b’rieda tajba. Jidher li dak inhar, il-UĦM riedet tirbaħ il-konċessjoni li sakemm isiru x-xogħlijiet issir rilokazzjoni temporanja għal Misraħ il-Ħelsien bl-intenzjoni li wara li dak iż-żmien temporanju jispiċċa, tirreżisti b’kull mod ir-rilokazzjoni permanenti minkejja li kienet ftehmet dwarha.

Irid ikun ċar li l-konċessjoni biex jarma f’Misraħ il-Ħelsien kienet miżura temporanja u li issa li saret ir-rilokazzjoni permanenti, (ħlief għal ftit ġranet meta jrid jitqiegħed il-paviment), Misraħ il-Ħelsien ma jistax jintuża għall-Monti.

F’dan il-kuntest, il-Ministeru josserva wkoll li l-qisien tal-bankarelli (li fuq kollox huma kif inhu pprovdut fil-liġi), id-distanzi ta’ bejniethom u l-ispazju għall-aċċess bil-vannijiet (kollha skond speċifikazzjonijiet mogħtija mill-bejjiegħa) huma perfettament tajbin għal aktar minn terz tal-bejjiegħa. Ma jista’ jkun hemm ebda raġuni allura għalfejn dawn m’għandhomx ikunu tajbin għall-bejjiegħa kollha.

Il-Gvern jappella lill-bejjiegħa li jieqfu jagħmlu ħsara lin-negozju tagħhom stess. Il-Gvern imbagħad jappella lill-UĦM biex tonora l-ftehim li daħlet għalih u ma tużax argumenti li essenzjalment iridu jippretendu li dak il-ftehim ma sar qatt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow