Left arrow Go Back

Servizz ieħor b’riżq t-turiżmu Għawdxi

pr1002
Date Icon 02/07/2007

L-impenn tal-Gvern u l-kumpanija Gozo Channel lejn Għawdex kien ikkonfermat llum, wara li tħabbar servizz ġdid li hu mmirat li jtejjeb il-prodott Għawdex. Minn nhar it-Tnejn 9 ta’ Lulju, it-turisti li jkollhom il-vakanza tagħhom f’Għawdex ser ikunu jistgħu jagħżlu mezz ġdid ta’ trasport li jgħaqqad l-ajruport internazzjonali ta’ Malta maċ-Ċirkewwa.

Dettalji dwar dan is-servizz li ser ikun operat b’xarabank apposta, ingħataw waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet mill-Ministri Austin Gatt u Giovanna Debono u mic-Chairman tal-Gozo Channel Joe Borg u mis-Sur Joe Muscat għan-nom tal-GTA.

Il-Ministru Austin Gatt qal li dan is-servizz huwa xhieda oħra ta’ kif dan il-Gvern huwa tassew kommess favur Għawdex. Dan jixhdu l-impenn li wara li l-finanzi tal-Gozo Channel tpoġġew fuq sisien sodi, il-profitti li bdiet tagħmel bdew jintużaw biex itejbu l-prodott Għawdex. Fost l-inizjattivi huwa semma’ l-iskema ‘Immorru Għawdex’, il-ħruġ ta’ rivista li tippromwovi lil Għawdex u fond speċjali biex ikun hemm attivitajiet attraenti u ta’ kwalità. Il-Ministru Austin Gatt qal li dawn l-inizjattivi huma kollha mmirati biex iżidu l-ammont ta’ nies lejn Għawdex u s-suċċess tagħhom jista’ jitkejjel biċ-ċifri. Huwa spjega li l-iskema ‘Immorru Għawdex’, li fissret investiment ta’ madwar Lm100,000 (€232,937) wassal biex kien hemm żieda ta’ passiġġieri Maltin ta’ 19,000 (jew 37%). L-ammont ta’ vetturi Maltin żdiedu b’aktar minn 5,000 fl-istess perjodu.

Waqt li kienet qed tindirizza l-istess konferenza ta’ l-aħbarijiet, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li l-introduzzjoni ta’ dan is-servizz se tkompli ttejjeb l-aċċessibilità lejn u mill-gżira t’Għawdex billi tqassar il-ħin ta’ vjaġġar biex tasal Għawdex mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u lura. Is-servizz għandu jappella l-iktar lit-turist barrani li jkun se jżur lil Għawdex għal skopijiet ta’ xogħol jew btala, kif ukoll għall-Għawdxin li jridu jaslu l-ajruport. Dan is-servizz għandu jkompli jtejjeb il-proġettazzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità, billi jqarreb lill-gżira u dan b’mod komdu. Flimkien ma’ l-għadd ta’ proġetti u inizjattivi li wettaq jew qiegħed iwettaq il-Gvern preżenti bil-għan li jtejjeb il-prodott turistiku offrut f’Għawdex, fosthom permezz tal-proġett li ndirizza l-industrija ta’ l-għadds, il-bini ta’ Faċilità ta’ Taħriġ fl-Istudji Turistiċi fil-Qala u l-proġett tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija, dan is-servizz għandu jkompli jagħmel lil Għawdex iktar attraenti għat-turist u allura jħalli impatt pożittiv ukoll fuq l-iżvilupp ta’ l-ekonomija t’Għawdex.

Meta kien qed jiddiskrivi s-servizz, is-Sur Joe Borg tenna li l-kumpanija Gozo Channel qed tagħti l-apppoġġ sħiħ lejn dan is-servizz għax temmen fir-rwol importanti li tgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta u mad-dinja.

Huwa spjega li l-iskeda ta’ vjaġġi tinkludi medja ta’ 8 vjaġġi kuljum mill-ajruport u medja ta’ 8 vjaġġi oħra kuljum miċ-Ċirkewwa. L-iskeda hija kkombinata ma’ dawk it-titjiriet li deħlin Malta u li huma l-aktar relevanti għat-turiżmu f’Għawdex. Bl-istess mod, l-iskeda tal-vjaġġi lejn l-ajruport hija kkombinata ma’ l-aktar titjiriet popolari ma’ l-Għawdxin li jkunu ser isiefru minn Malta.

Joe Borg qal li s-servizz ser jinkludu l-użu ta’ xarabank ta’ kwalià għolja u bi qbil ma’ l-operatur fuq iż-żamma tal-livelli tas-servizz. L-għoti tas-servizz jista’ jiġi deskritt b’dan il-mod. It-turist jasal fl-ajruport u jsib meeting point fis-sala ta’ l-arrivals. Huwa jara liema vjaġġ imiss lejn iċ-Ċirkewwa. Isib persuna tistennieh biex tieħdu għal fuq ix-xarabank. Ix-xarabank ma’ tieqaf fl-ebda punt imma tibqa sejra direttament lejn iċ-Ċirkewwa. Fiċ-Ċirkewwa, persuna tal-Gozo Channel tgħin lit-turist bil-luggage, it-turist jixtri il-biljett tal-vapur u jirkeb il-vapur. Taħdem bl-istess mod meta wieħed qed jivvjaġġa miċ-Ċirkewwa għal ajruport. Il-prezz għal kull vjaġġ se jkun ta’ Lm 2.15 (€ 5).

Joe Muscat, is-segretarju tal-Gozo Tourism Association (GTA) tenna li t-tnedija ta’ dan is-servizz hija t-twettiq ta’ ħolma għall-GTA li sa mit-twaqqif tagħha dejjem saħqet fuq il-bżonn ta’ servizz simili, li b’hekk iwassal biex il-prodott Għawdex ikun wieħed iktar aċċessibbli. Huwa tenna li dan is-servizz għandu jkun ta’ għajnuna għas-settur turistiku u l-operaturi li jaħdmu minn u lejn Għawdex.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow