SEMINAR IFFINANZJAT MINN FONDI MILL-UNJONI EWROPEA - Malta Intelligent Energy Europe National Info Day, 13th July 2007
It-tfittix għal egħjun ta’ enerġija li jiġġeddu kompla jissaħħaħ. Kien biss ftit tax-xhur ilu li rappreżentanti mill-pajjizi li huma meqjusa bħala l-aktar sinjuri u l-aktar industrijalizzati tad-dinja, iltaqgħu sabiex jiddiskutu l-kunċett ta’ kif jitnaqqsu l-gassijiet effett serra, li huma l-kawża priniċipali li qed twassal għat-tisħin tad-dinja. Il-pajjizi membri ta’ l-Unjoni Ewropea unanimament qablu li hemm il-ħtieġa li l-Ewropa sserraħ aktar fuq egħjun ta’ enerġija li jiġġeddu filwaqt li tnaqqas mid-dipendenza fuq fossil fuels. Ta’ min isemmi li sar qbil dwar il-politika fejn jidħol kontroll ta’ ħruġ ta’ gassijiet effett serra, hekk kif huwa indikat fil-Protokol ta’ Kyoto, liema Protokol jistinka biex inaqqas l-ħruġ ta’ gassijiet effett serra b’mod konsiderevoli sas-sena 2020.
Aktar effiċjenza fl-użu ta’ enerġija u użu akbar minn egħjun ta’ enerġija li jiġġeddu huma soluzzjonijiet importanti għall-isfidi ta’ bħalissa fil-qasam ta’ l-enerġija iżda huma wkoll opportunita’ ekonomika fl-istess ħin, billi jiftħu swieq għal teknoloġiji ġodda, joħolqu l-impiegi u jagħmlu l-ekonomija Ewropea aktar kompetittiva.
Il-programm ta’ l-Unjoni Ewropea Intelligent Energy Europe (IEE) jindirizza l-mistoqsijiet ewlenin: kif tieħu vantaġġ minn dawn l-opportunitajiet tas-suq, kif tingrana fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda u kif tikkonverti politika Ewropea fuq l-użu effiċjenti ta’ enerġija u t’egħjun ta’ enerġija li jiġġeddu fil-prattika.
Il-programm jappoġġa proġetti Ewropej, avvenimenti ta’ darba (per ez. konferenzi) u twaqqif ta’ aġenziji lokali jew reġjonali ta’ l-enerġija. Is-sejħa għall-proposti ta’ l-2007 (ippubblikata f’April li għadda u li tagħlaq f’Settembru 2007) tkopri tlett oqsma tal-programm. Dawn huma “SAVE” (effiċjenza fl-enerġija), “ALTENER” (sorsi ġodda u li jiġġeddu t’enerġija) u “STEER” (aspetti t’enerġija fit-trasport). It-total tal-baġit jinkorpora madwar 100 miljun ewro kull sena.
Biex jiġi mfisser aħjar il-programm, għat-tieni sena konsekuttiva, il-Ministeru għar-Rizorsi u l-Infrastruttura, permezz tal-Kuntatt Nazzjonali Malti ta’ l-IEE, ser jorganizza Jum t’Informazzjoni fit-13 ta’ Lulju 2007 (fil-għodu) fil-Lukanda Corinthia San Ġorġ mid-9.00 ta’ fil-għodu san-nofs siegħa.
Din l-attivita’ hija ta’ interess partikolari għal:
Kumpanniji zgħar u ta’ daqs medju;
Intraprizi u membri fil-qasam tal-kummerċ;
Speċjalisti fl-ICT;
Fondi ta’ Investiment;
Konsulenti;
Kunsilli Lokali;
Gruppi li huma favur l-ambjent;
Assoċjazzjonijiet oħra li b’ xi mod għandhom interessi f’xi waħda minn dawk imsemmija hawn fuq.
Matul dan is-seminar ser issir preżentazzjoni mid-Direttur Ezekuttiv ta’ l-Aġenzija responsabbli mill-Kompetittivita’ u l-Innovazzjoni (EACI) is-Sur Patrick Lambert. Is-Sur Lambert ilu jaħdem fid-Direttorat ta’ l-Enerġija ta’ l-Unjoni Ewropea sa mill-1984 sakemm fis-sena 2004 inħatar Direttur responsabbli mill-Aġenzija Eżekuttiva responsabbli mill-Kompetittivita’ u l-Innovazzjoni: l- Intelligent Energy Executive Agency (IEEA). L-IEEA hija l-ewwel aġenzija eżekuttiva mwaqqfa mill-Kummissjoni biex tmexxi l-programm ta’ l-Unjoni Ewropea Intelligent Energy Europe (IEE) imfassal sabiex jippromwovi aktar effiċjenza fl-enerġija u fl-egħjun ta’ enerġija li jiġġeddu. Dan l-aħħar il-Kummissjoni kabbret in-numru tal-programmi fil-portofoljo ta’ l-Aġenzija li llum saret magħrufa bħala Aġenzija Eżekuttiva responsabbli mill-Kompetittivita’ u l-Innovazzjoni.
Il-Ministru responsabbli għar-Rizorsi u l-Infrastruttura l-Onorevoli Ninu Zammit ser jindirizza dan is-seminar. Dawk li jixtiequ jirreġistraw għal dan is-seminar jistgħu jagħmlu dan billi jibagħtu d-dettalji tagħhom - l-isem, il- kunjom, l-organizzazzjoni u fejn wieħed jista’ jiġi ikkuntattjat (numru tat-telefon, fax u e-mail) permezz ta’ l-e-mail indirizzat lil info@iee.org.mt. Aktar informazzjoni dwar dan is-seminar tinsab fuq is-sit elettroniku www.iee.org.mt Matul dan is-seminar ser tintuża l-lingwa Ingliza filwaqt li ser ikun hemm ħin bizzejjed għall-mistqosijiet u d-diskussjoni. Minkejja li r-reġistrazzjoni għal dan is-seminar hija mingħajr ħlas, huwa apprezzat ħafna li r-reġistrazzjoni issir kmieni minħabba l-fatt li l-postijiet huma limitati.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966