PREŻENTAZZJONI TA’ KONTRIBUZZJONIJIET LIL DIVERSI GĦAQDIET U ORGANIZZAZZJONIJIET MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI L-ONOR. TONIO FENECH
Ricentament saret preżentazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-Ministry of Finance National Lotteries Good Causes Fund lil diversi għaqdiet u organizzazzjonijiet mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech waqt attivita’ li saret fil-Ministeru tal-Finanzi fil-Belt Valletta.
Waqt din l-attivita’, li għaliha kienu preżenti rappreżentanti minn 28 organizzazzjoni li ġejjin minn setturi differenti, Tonio Fenech ħabbar li kien ser jippreżenta l-ammont sabiħ ta’ Lm170,000 mill-Ministry of Finance National Lotteries Good Causes Fund. Dawn il-kontribuzzjonijiet tqassmu fuq diversi setturi, fosthom dak soċjali, kulturali, sportiv, u anke edukattiv.
Tonio Fenech fakkar li dawn il-kontribuzzjonijiet kienu qed jingħataw wara li saru talbiet mill-organizzazzjonijiet rispettivi għal proġett li ser jimplimentaw għal użu aħjar mill-membri, residenti jew atleti rispettivi tagħhom. Dawn it-talbiet ġew evalwati minn Kumitat apposta li taw parir biex jingħataw għajnuna finanzjarja.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Fond jiġġenera d-dħul tiegħu minn persentaġġ mit-taxxa li tinġabar fuq il-lotteriji Nazzjonali kif ukoll minn dawk il-premjijiet li ma jinġabrux. Matul is-sena li għaddiet saru b’Lm700,000 kontribuzzjonijiet lil total ta’ 90 organizzazzjoni f’setturi differenti, fosthom soċjali, kulturali, sportivi, edukattivi, u reliġjużi.
Tonio Fenech ħabbar li l-Ministry of Finance National Lotteries Good Causes Fund s’issa ħareġ l-ammont ta’ Lm735,000 li minnhom tqassmu Lm135,000 f’attivitajiet u proġetti kulturali, Lm168,000 lill-organizzazzjoni b’rabta soċjali, Lm260,000 lill-organizzazzjonijiet u għaqdiet sportivi, Lm45,000 f’attivitajiet u proġetti edukattivi, u Lm125,000 lill-organizzazzjonijiet filantropiċi, l-akbar fosthom f’commissions lill-każini tal-baned ta’ Malta u Għawdex. Tonio Fenech qal ukoll li nħarġu mill-Fond l-ammont ta’ Lm45,000 f’kontribuzzjonijiet lil għaqdiet u organizzazzjonijiet Għawdxin. Dan minbarra Lm50,000 li diġa’ ġew allokati għal attivitajiet organizzati fix-xhur tax-xitwa ġewwa l-gżira Għawdxija.
Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech irringrazzja lil dawk kollha preżenti li kienu qed jirrappreżentaw lil numru ħafna akbar ta’ voluntiera li qed jaħdmu fis-setturi rispettivi tagħhom, u li qed jagħmlu xogħol siewi fis-soċjeta tagħna lkoll. Huwa awgura aktar xogħol u suċċess fil-ħidma ta’ kull organizzazzjoni għax dan ix-xogħol ikompli jsaħħaħ il-valuri tagħna lkoll.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966