Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU, L-ONOR LOUIS DEGUARA FL-OKKAZJONI META L-ISPTAR MATER DEI SE JGHADDI GHAND IL-GVERN MALTI.

PR0991
Date Icon 29/06/2007

Onorevoli PM,  Kollegi, Sinjuri distinti, Sinjuri

Fl-isfond warajna għandna sptar majestuż li llum formalment qed jgħaddi f’idejn il-gvern Malti.  Kburin b’dan il-bini u t-teknoloġija li fih iżda kulħadd jaqbel li l-bini biss ma jagħmilx sptar.  

Issa jridu jkunu  l-istess professjonisti, infermiera, paramediċi u l-impjegati l-oħra li jagħtu l-ewwel nifs tal-ħajja lil din il-binja.  Fil-verità kienu huma li mill-bidunett taw kontribut biex fasslu u ppjanaw is-servizzi li minnhom se jibbenifika l-poplu kollu.  Għalhekk grazzi mill-qalb f’ismi u f’isem il-pazjenti Maltin.  Ilkoll kburin bil-biċċa xogħol li għamiltu.  

Illum jum importanti. Mhux il-jum tal-wasla, iżda l-jum tat-tluq. Minn issa ’l quddiem il-Ministeru tas-Saħħa se jkun qiegħed imexxi il-proċess ta’ migrazzjoni tas-servizzi minn San Luqa għal Mater Dei.  Eżerċizzju mill-aktar komplikat għaliex is-servizzi ta’ kura minn San Luqa jridu jibqgħu għaddejjin.   Determinati li nwettquh kemm jista’ jkun malajr mingħajr ma npoġġu fl-ebda ħin l-iċken riskju għall-pazjent. Nafu li jista’ jkollna xi diffikultajiet imma konvinti li bl-għajnuna u r-rieda tajba ta’ kulħadd negħelbuhom u naslu. 

Il-gvern determinat li jagħmel minn Malta ċentru ta’ l-aqwa servizzi fis-settur tas-saħħa fejn il-pazjent jibqa’ l-ħin kollu fiċ-ċentru tas-servizzi li noffru.  Għalhekk ma qgħadx lura milli jgħammar dan l-isptar bl-aqwa faċilitajiet, sistemi teknoloġiċi u apparat mill-aktar modern kif ukoll ambjent komdu li se jgawdu minnu kemm pazjenti, viżitaturi kif ukoll l-istess impjegati.

Is-suċċess ta’ dan il-proġett għandu bżonn ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, suċċess li jiddependi minn kemm kull wieħed u waħda minna ser nibżgħu għal dan l-isptar u ser nagħmlu l-aħjar użu minnu. 

Spart Mater Dei joffri opportunitajiet oħra barra li jipprovdi għall-kura akuta. Fosthom il-possibiltà li mis-sena d-dieħla nkunu nistgħu nibdew l-‘ispecialist training’ biex it-tobba Maltin jkunu jistgħu jispeċjalizzaw hawn Malta flok imorru barra minn xtutna.  

Ser joffri ukoll opportunità unika għall-bidu ta` koperazzjoni aħħarija mas-settur privat biex il-poplu bbenifika mill-akbar għażla wiesgħa possibbli tas-servizzi ta’ kura. 

Issa li indirizzajna s-settur akut, imiss li niffukaw il-ħidma tagħna f’setturi oħra.  Il-bżonn ta’ Ċentru Ġdid għar-Rijabilitazzjoni, Sptar ikbar u apparat ġdid għall-kura tal-kanċer, kif ukoll l-espansjoni tas-servizzi ta’ kura fil-komunità huma fuq quddiem nett fil-lista ta’ prijoritajiet tagħna. 

Nixtieq għal darb’oħra nirringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-Saħħa u lill-unions rapprezentanti għall-impenn immens tagħhom biex jipprovdu l-ogħla kura lill-poplu tagħna. 

M’għandi l-ebda dubju li dan se jkomplu jagħmluh wisq aħjar minn dan l-Isptar li qed nieħdu f’idejna llum. 

Nawguralkom ilkoll li din ic-celebrazzjoni tal-lejla tkun sinjal ta’ tiġdid ta’ kull wieħed u waħda minna, tal-poplu Malti kollu, fl-impenn li nagħmlu minn din il-binja monument ħaj u li jispikka tal-valur tal-ħajja, mill-bidu sat-tmiem tagħha. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

Aktar Stqarrijiet Right arrow