Malta tilqa’ l-Istati Membri l-Ġodda fuq il-Fondi Strutturali ta’ l-UE
Erbgħin rappreżentant mit-tnax il-Stat Membru ġdid ta’ l-UE ltaqgħu f’Malta għal-laqgħa ta’ jumejn fis-27 u t-28 ta’ Ġunju.
L-Onor. Tonio Fenech, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u President ta’ l-Isteering Committee tal-Qafas ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali, fetaħ il-konferenza li kienet imtella’ mill-Awtorita’ ta’ l-Immaniġġjar għall-Fondi Strutturali ta’ l-UE f’Malta – jiġifieri, id-Diviżjoni għall-Ippjanar u Ko-ordinazzjoni tal-Prioritajiet, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-għan tal-laqgħa kien li tinkoraġġixxi l-bdil ta’ esperjenzi, ideat u prattika tajba għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-immaniġġjar effettiv tal-Fondi Strutturali ta’ l-UE u l-implementazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.
Għal diversi Stati Membri, din is-sena hija kkaratterizzata mill-bidu tal-fażijijiet konklużivi tal-Programmi tal-2004/2006 u l-bidu ta’ perjodu ta’ programmar ġdid ta’ seba’ snin, bil-ftuħ uffiċċjali ta’ numru ta’ Programmi ġodda tal-Fondi Strutturali ta’ l-UE li ser isir ma’ l-Ewropa kollha fix-xhur li ġejjin.
Ġew diskussi l-esperjenza u r-riżultati miksubin mill-Programmi tal-Fondi Strutturali, waqt li d-delegati ddiskutew ukoll il-preparamenti tagħhom għall-Programmi tal-2007/2013, inklużi l-pjanijiet tagħhom dwar il-kontroll finanzjarju, il-monitoraġġ, il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni.
F’dan ir-rigward, l-Onor. Tonio Fenech enfasizza iż-żmien opportun tal-konferenza li hu ddeskriva bħala “opportunita’ tajba biex jintiżnu l-kisbiet li saru sal-lum u biex inħarsu ‘l quddiem ta’ kif ser jiġu indirizzati l-isfidi”.
Il-Kummissjoni Ewropea approvat iż-żewġ Programmi Operattivi ta’ Malta u Malta issa ser tiffoka r-riżorsi tagħha fuq il-proċess ta’ selezzjoni tal-proġetti u l-finalizzazzjoni tas-sistema ta’ implementazzjoni. F’dan ir-rigward il-laqgħa kienet għalhekk opportunita’ tajba biex tissaħħaħ il-ko-operazzjoni u biex jinbidlu l-esperjenzi ma’ l-Istati Membri l-oħra.
Il-Fondi Strutturali ta’ l-UE huma l-istrumenti finanzjarji prinċipali tal-Politika ta’ Koeżjoni ta’ l-UE. Malta ser tirċievi €855 miljun skond il-Politika ta’ Koeżjoni tul il-perjodu 2007-2013.
Aktar informazzjoni dwar il-Fondi Strutturali ta’ l-UE f’Malta tista’ tinkiseb minn www.ppcd.gov.mt jew www.eu4u.gov.mt, fuq l-indirizz elettroniku: info.ppcd@gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966