Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL‑ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL‑OKKAŻJONI TA’ L-INAWGURAZZJONI TAL-ĦAMSIN EDIZZJONI TAL‑FIERA INTERNAZZJONALI TA’ MALTA – NAXXAR - IT-TLIETA, 26 TA’ ĠUNJU 2007

PR0963
Date Icon 26/06/2007

Onorevoli Ministri,

Eċċellenzi,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nisma’ ż-żewġ kelliema ta’ qabli jagħrblu l-iżvilupp tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta mal-medda taż-żmien u, forsi iktar importanti minn hekk, jagħtuna viżjoni ċara u ambizzjuża għall-futur. Din hi viżjoni li hija imsejsa fuq l-opportunitajiet kbar li s-suq dinji joffri lil Malta bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq dak li aħna bħala pajjiż għandna x’noffru li hu aħjar u aktar kompetittiv minn dak ta’ pajjiżi oħra. Għandna wkoll quddiemna eżempju ċar ta’ kif nistgħu naħdmu u nirnexxu aħjar meta ngħaqqdu t-talenti tagħna flimkien.

Dan kollu jagħtini sodisfazzjon kbir, mhux biss bħala ċittadin ta’ Malta iżda wkoll bħala Kap ta’ Gvern li dejjem ifittex li jilqa’ għall-isfidi ekonomiċi u soċjali li minn żmien għal żmien jolqtu lil pajjiżna billi jħeġġeġ il-bidliet li jkun hemm bżonn b’mod u manjiera li pajjiżna jieħu l-aħjar f’termini ekonomiċi filwaqt li jsostni l-valuri fundamentali li jagħmluna ċittadini Maltin u Ewropej. Sabiex nagħmlu dan, jeħtieġ li dejjem ntejbu lilna nfusna permezz ta’ politika u miżuri ċari li bihom il-komunità kummerċjali u l-poplu kollu kemm hu jkun jista’ jagħraf pajjiżna fejn hu sejjer u fejn għad irid jasal. Din hija t-triq sabiex inħajru l-investiment li joħloq aktar xogħol u xogħol aħjar, u li permezz tiegħu jkun jista’ jitkattar il-ġid soċjali li hu tant għal qalbna l-Maltin.

U naħseb li l-eżempju ewlieni ta’ kif pajjiżna qiegħed tabilħaqq jagħmel dan jinsab fil-mod ta’ kif ħadem u qed ikompli jistinka sabiex jagħmel l-akbar suċċess mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Illum nagħrfu bis-sħiħ kif din kienet l-aqwa, u forsi l-unika, triq li pajjiżna kellu u għad għandu sabiex jieħu l-aħjar f’dak li hu żvilupp sostenibbli, fejn jiġu mħarsa u msaħħa l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ pajjiżna. U dan permezz ta’ fondi, parteċipazzjoni fi programmi u aċċess sħiħ għas-swieq Ewropej li ksibna bis-sħubija. It-triq ma kinitx dejjem faċli, għax kien hemm u għad hemm bżonn ta’ ħafna ħidma u kultant ukoll sagrifiċċji biex naslu għar-riżultati. Imma l-importanti hu li r-riżultati qed jinkisbu u sejrin ikomplu jissarrfu f’aktar ġid għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Naħseb li fost il-kisbiet li għamel pajjiżna f’dawn is-snin huwa l-fatt li dalwaqt se jissieħeb mal-grupp ta’ pajjiżi li jużaw il-munita ewro. Fost benefiċċji oħra, dan ifisser li pajjiżna se jkun magħdud ma’ dawk l-iktar żviluppati fid-dinja, u għalhekk bħala post mill-aħjar għan-negozju u l-investiment. Biex wasalna għal dan, il-politika ekonomika fl-iktar sens wiesa’ tagħha għaddiet minn għarbiel fin kif imħejji mill-Kummissjoni Ewropea. Il-politika ekonomika ta’ pajjiżna instabet li hi waħda kredibbli u sostenibbli, jiġifieri li hi mibnija fuq sisien sodi u li huma l-aħjar li jista’ jkollna għall-futur. Huwa wkoll ta’ sodisfazzjon li wieħed jara li pajjiżna qed iservi ta’ mudell internazzjonali fuq l-aspetti loġistiċi ta’ din il-bidla, sabiex jiġu żgurati l-benefiċċji ta’ l-ewro mingħajr ma jkun hemm żjidiet bla ġustifikazzjoni fil-għoli tal-ħajja.

U dawn il-kisbiet diġà qed iħallu l-frott. Fl-aħħar sentejn, l-ekonomija Maltija kibret bi 3.3% fis-sena f’termini reali, u jidher li hemm xejriet iktar pożittivi għal din is-sena. Dan it-tkabbir kien ogħla mill-medja ta’ l-Unjoni Ewropea, li jfisser li Malta qabdet it-triq sabiex tkun tista’ tqarreb iktar il-produttività u l-livell ta’ għixien tagħha lejn dawk ta’ pajjiżi iktar sinjuri minnha. Matul is-sena l-oħra, in-nies jaħdmu bi qligħ full-time żdiedu bi kważi 800, filwaqt li dawk jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’250. U dan minkejja t-tnaqqis fl-impjiegi f’setturi li qegħdin jirristrutturaw bħalma hu dak tat-tessuti. Id-dħul ras għal ras tal-ħaddiema kien ta’ kważi Lm6,800 fis-sena. Sadanittant, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja niżlet sew u sa April li għadda kienet tinsab taħt il-1.7%. Il-konsum tal-Maltin minn ras għal ras is-sena l-oħra qorob l-Lm2,300.

Investiment f’forma ta’ żvilupp ta’ assi produttivi laħaq l-Lm455 miljun matul l-2006, filwaqt li l-investiment mill-barranin f’Malta f’assi ġodda u oħrajn eżistenti qabeż il-Lm570 miljun. U nfakkar hawnhekk fl-investimenti u fl-attività sostanzjali li mistennija bl-iżvilupp ta’ Smart City f’pajjiżna. Dan juri l-bixra dejjem iktar globalizzata ta’ l-ekonomija tagħna. Naraw ukoll li matul is-sena l-oħra, l-esportazzjoni minn Malta żdiedet bi kważi Lm220 miljun. L-importazzjoni wkoll ħadet qabża ’l fuq biex issostni l-bżonnijiet tal-pajjiż, iżda b’danakollu l-qagħda tal-bilanċ kummercjali barrani tjiebet b’madwar Lm50 miljun.

Riżultat ieħor importanti għall-politika ekonomika tal-Gvern f’dawn l-aħħar snin kien li d-defiċit tal-Gvern tnaqqas għal-livell iktar sostenibbli ta’ madwar 2.6% tal-Prodott Gross Domestiku u mistenni jkompli jitrażżan fil-futur qarib. Dan kien importanti mhux biss biex pajjiżna jibda juża l-ewro, iżda wkoll kiex il-Gvern ikollu iktar riżorsi f’idejh sabiex itejjeb il-qagħda tal-poplu. U tajjeb ninnotaw illi rnexxielna nġibu s-sostenibilità fil-finanzi tal-Gvern filwaqt li l-ekonomija kompliet tikber u komplejna ntejbu s-servizzi soċjali fil-pajjiż, fosthom bil-ftuħ ta’ l-iSptar Mater Dei.

Iżda ma rridux nieqfu hawn. Issa rridu nibnu fuq il-kisbiet li għamilna bis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ politika ekonomika li tkattar il-ġid mill-opportunitajiet li hemm quddiemna. Huwa għalhekk li l-Gvern tiegħi għandu viżjoni ċara ta’ fejn jixtieq li jwassal lil-pajjiż sas-sena 2015: pajjiż b’ekonomija diversifikata f’oqsma differenti ta’ manifattura, servizzi u turiżmu fejn kull ma nagħmlu jkun imsejjes fuq l-eċċellenza hekk kif tiġi permezz ta’ sistema edukattiva ta’ l-aħjar kwalità u b’ambjent  li jagħmel ġieh u jagħti aktar valur lill-wirt storiku u kulturali tagħna. U dan kollu se nkunu nistgħu nilħquh anke permezz tal-fondi, programmi u opportunitajiet li ttina s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

F’dan l-isfond, ma nistax ma nħarisx b’ammirazzjoni lejn il-proġett ta’ żvilupp kif qed jiġi propost mill-Malta Fairs and Conventions Centre. Dan il-proġett għandu potenzjal qawwi, kemm kummerċjali kif ukoll bħala kontribut għall-ekonomija nazzjonali. Huwa eżempju ċar ta’ trasformazzjoni fl-attività tal-fieri f’Malta minn waħda li fil-passat kienet essenzjalment dipendenti fuq l-ekonomija lokali, biċ-ċokon u l-limitazzjonijiet naturali tagħha, għal waħda b’viżjoni internazzjonali u b’fiduċja fis-suċċess li pajjiżna jista’ jkollu f’dan il-qasam. Għaldaqstant, dan narah bħala mudell interessanti ħafna ta’ kif l-ekonomija ta’ pajjiżna għad trid tkompli tevolvi u li jinkwadra tajjeb ħafna fil-viżjoni tal-Gvern tiegħi. Nistenna li dan il-proġett ipoġġi lil pajjiżna fuq quddiem fix-xena Ewropea tal-fieri. Dan mhux biss joħloq benefiċċji diretti bħala qligħ u impjiegi, iżda forsi iktar importanti minn hekk f’kuntest nazzjonali, jgħin lis-settur tat-turiżmu sabiex juża l-investimenti tiegħu b’mod iktar produttiv. Nistenna wkoll li proġett bħal dan ikollu sinerġiji importanti ma’ investimenti oħrajn li saru dan l-aħħar f’pajjiżna, fosthom l-iżvilupp tal-Port il-Kbir. Nagħrfu wkoll il-bżonn li naħdmu iktar u aħjar flimkien, fosthom biex inkomplu ntejbu l-ambjent naturali u nagħtu dejjem iktar valur lill-wirt kulturali tagħna. Huwa wkoll essenzjali li proġett bħal dan ikollu management fuq livelli internazzjonali.

Għaldaqstant, jien inwiegħed l-appoġġ kollu tal-Gvern tiegħi lejn dan il-proġett u oħrajn simili, fil-kuntest tal-kontribut li jistgħu jagħtu lejn l-iżvilupp sostenibbli tal-Gżejjer tagħna. Nixtieqilkom kull suċċess.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

Aktar Stqarrijiet Right arrow