Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA SOCJALI DWAR ALLEGAZZJONIJIET T’ABBUŻ FL-GĦOTI TAL-PENSJONIJIET TA’ L-INVALIDITA

PR0961
Date Icon 26/06/2007

Mistenni li, f’qasir żmien, jitressqu il-Qorti persuni mixlija b’allegat ħlas ta’ flus sabiex persuni oħra jingħataw il-Pensjoni għal Invalidità.

Għal ħabta ta’ April, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali rċieva informazzjoni dwar allegat imġieba abbużiva fil-proċess tal-għoti tal-Pensjoni għal Invalidità lil xi applikanti.  Il-Ministeru, wara li ħabbar u xtarr l-informazzjoni preliminarja, għamel kif dejjem jagħmel f’ċirkostanzi simili, u għadda din l-informazzjoni lill-Pulizija biex din tagħmel l-investigazzjoni meħtieġa.

Issa li saret l-investigazzjoni, il-Pulizija se tressaq il-każ quddiem l-Qorti.

Dan mhux l-ewwel każ ta’ allegat abbuż fejn jidħlu l-Benefiċċji Soċjali li l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali għadda lill-Pulizija fil-ġlieda kontinwa u konsistenti kontra l-frodi tal-benefiċċji.  Eżempju ċar ta’ l-azzjoni li ttieħdet f’żminijiet riċenti kien il-każ li jirrigwarda ċ-Children’s Allowance, fejn impjegata tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tressqet il-Qorti wara rapport li l-Ministeru għadda lill-Pulizija.  F’numru ta’ każijiet oħra, il-Pulizija ma waslitx għal provi konkreti bizzejjed biex tkompli tipproċedi. Din id-darba għandha l-elementi kollha f’idejha biex tkompli tmexxi l-każ u twasslu quddiem il-Qorti.

Li jiġu riferuti każijiet lil Pulizija mhuwiex l-uniku mezz kif dan il-Ministeru jagħti xhieda tad-determinazzjoni tiegħu li jwaqqaf kull tip ta’ abbuż mis-sistema tal-Benefiċċji Soċjali.  Twaqqaf bil-liġi d-Direttorat kontra l-Frodi tal-Benefiċċji Soċjali li qed jaħdem bla heda sabiex iwettaq il-politika tal-Gvern li l-għajnuna soċjali tasal fil-bwiet ta’ min ħaqqu u ma jħalli lil ħadd jabbuża minn flus il-poplu.  Il-Gvern se jkompli jagħti importanza lill-ħidma ta’ dan id-Direttorat billi jkabbar ir-riżorsi tiegħu biż-żieda ta’ aktar ħaddiema biex jinvestigaw każijiet suspettati jew rapportati ta’ frodi fil-Benefiċċji Soċjali.

Is-sena li għaddiet il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ippilotat ir-riforma fis-sistema ta’ l-għoti tal-Pensjoni għal Invalidità b’tali mod li s-sistema qed tittejjeb ħalli jkun żgurat li jkun mgħejjun min verament ma jistax jaħdem għax qiegħed ibati minn xi kundizzjoni medika.

Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali huwa determinat li kull allegazzjoni tiġi mistħarrġa bir-reqqa u mhux se jħalli lil ħadd jabbuża mis-sistema tal-benefiċċji soċjali.  Eskluz għal kollox li l-Ministeru ma jieħux passi meta jidħlu rapporti b’allegazzjonijiet konkreti ta’ abbuż għaliex bl-ebda mod mhu sejjer ikun kompliċi ma min, b’qerq, jidhirlu li jista’ jisfrutta u jabbuza mis-sistema maħluqa biex tgħin lil min għandu bżonn l-għajnuna u l-appoġġ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow