STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Tagħrif żbaljat dwar il-benefiċċju ta’ l-enerġija
L-Onorevoli Coleiro Preca għada ma fhemitx sew kif qed jaħdem il-Benefiċċju tal-Enerġija u min hu eliġibbli għalih. Qiegħda tkompli xxerred informazzjoni mhix korretta fi sforz biex tnaqqas il-kredibilità ta’ din il-miżura li qiegħda tgħin lil madwar 30,000 familja u li tiswa lil pajjiż aktar minn 3 miljun lira maltin (€6,988,120.20).
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ma setgħax ikun aktar ċar meta spjega, kemm il-darba, kif qed jinħadem il-benefiċċju ta’ l-enerġija u min huwa eliġibbli għalih. Dan il-Ministeru ħareġ diversi stqarrijiet dwar dan il-benefiċċju biex jindirizza informazzjoni żbaljata li ħarġet minn sorsi varji tal-Partit Laburista. Min jixtieq jista’ jaqra l-istqarrijiet tal-Ministeru dwar dan is-suġġett li ħarġu fit-12 ta’ Mejju, 2006, fid-29 ta’ Marzu, 2007, fl-24 ta’ April, 2007, fit-23 ta’ Mejju 2007, fid-29 ta’ Mejju, 2007, fl-1 ta’ Ġunju, 2007, fis-6 ta’ Ġunju, 2007, kif ukoll din ta’ llum.
Għal darb’oħra nerġgħu intennu dawn il-fatti:
1. telgħu għal 30,000 minn 13,000 in-nies eliġibbli għall-benefiċċju ta’ l-enerġija;
2. il-Gvern żied il-vot minn Lm 800,000 (€1,863,498.72) għal Lm 3.3 miljun (€7,686,932.22);
3. il-Ministeru għamel użu minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (l-NSO) biex ħareġ l-informazzjoni għal dak li jirrigwarda l-konsum tipiku ta’ enerġija skond il-household (typical household consumption); min jikkwalifika fuq bażi umanitarja, għaliex persuna fid-dar issofri minn marda jew kundizzjoni li teħtieġ użu qawwi ta’ dawl jew ilma, ma jaqax fil-kalkolu tal-konsum tipiku għaliex naturalment il-konsum tiegħu ser ikun għola min-normal;
4. il-benefiċċju huwa bbażat fuq il-kompożizzjoni tal-household, id-dħul, u l-konsum;
5. dan il-Gvern mhuwiex lest iħallas għall-ispiża żejda minn but il-poplu għal min qed jaħli aktar enerġija minn dak li huwa ntitolat għalih jew għal min mhuwiex fil-fatt eliġibbli għal dan il-benefiċċju.
Dan il-Ministeru jerġa’ jfakkar lill-Onor. Coleiro Preca u lill-pubbliku li fl-1998 meta fi żmien amministrazzjoni Laburista splodew il fuq il-kontijiet tad-dawl u ta’ l-ilma, ma kienx hemm eżenzjoni jew għajnuna għal ħadd, ħlief għal kumpens b’mod limitat ħafna u mhux bil-quddiem, kuntrarju għal dak li qed iseħħ illum fejn Gvern Nazzjonalista fassal benefiċċju li bih 30,000 familji qed isibu l-appoġġ li għandhom bżonn. Bla dubju ta’ xejn, fl-introduzzjoni ta’ benefiċċju ġdid, meta l-benefiċċjari huma tant numerużi, ikun hemm xi kontijiet li jeħtieġu rikonsiderazzjoni jew kjarifikazzjoni.
Fl-aħħar nett, nerġgħu nappellaw lin-nies biex għall-informazzjoni korretta dwar il-benefiċċju ta’ l-enerġija jċemplu lil SPIC fuq 159 mit-Tnejn sas-Sibt, mit-8 a.m. sat-8 p.m. jew iżuru l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966