Left arrow Mur Lura

FTEHIM MILĦUQ BEJN IL-UĦM U L-GRTU FUQ L-EŻERĊIZZJU TAL-ĦARSIEN TAL-PREZZIJIET GĦAL MATUL IL-PROĊESS TAL-BIDLA GĦALL-EWRO

PR0959
Date Icon 25/06/2007

Ġie iffirmat ftehim bejn il-Union Ħaddiema Magħqudin u l-General Retailers and Traders Union sabiex iservi bħala l-mekkaniżmu biex il-bidla għall-ewro ma twassalx għal żidiet fil-prezzijiet. Dan il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanżi, l-Onor. Tonio Fenech kif ukoll tad-Direttur Eżekuttiv tal-NECC, is-Sur Alan Camilleri.

L-Onor. Fenech spjega li issa la darba jeżisti l-mekkaniżmu biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm abbużi matul il-perjodu tal-bidla, il-konsumatur għandu jkollu iktar kunfidenza fis-sid tan-negozji sabiex matul l-ewwel ġimgħat li nkunu qed inħaddmu l-ewro ma jkunx hawn inċertezza. “L-inflazzjoni hija ħaġa normali u li tiġri kullimkien imma issa se tkun il-UĦM li twettaq ħidma sabiex tassigura li ma jkunx hemm inflazzjoni żejda ikkawżata mill-bidla għall-ewro. Din hija struttura pro-attiva li għandha tassigura iktar serħan il-moħħ għall-konsumatur” stqarr l-Onor. Fenech. Dawk il-każijiet li fihom jirriżulta li jkun hemm xi żidiet sostanzjali fil-prezzijiet, jiġu investigati minn Kumitat iffurmat minn membru tal-Gvern, tal-GRTU u tal-UĦM.

S’issa diġa daħlu 33 ilment ta’ għoli ta’ prezzijiet li minnhom kien hemm bżonn li jiġu nvestigati 10 u kellha tittieħed azzjoni fi 3 każijiet. Dawn il-każijiet jidħlu fuq linja ewro 154 jew billi wieħed jibgħat email fuq euro@gov.mt   Saħansitra każ minnhom wassal sabiex tingħata l-ewwel multa, liema multa tlaħħaq għal Lm750.

Gejtu Vella f’isem il-UĦM spjega kif il-union tagħraf u tifhem li l-introduzzjoni ta’ l-ewro hija opportunita’ importanti għal pajjiżna u strument li għandna nutilizzaw bl-aħjar mod possibbli. Il-UĦM dejjem kienet fuq quddiem biex tgħin f’dan il-proċess u hekk se tibqa’ tagħmel, stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM. Kull xahrejn qed jitwettaq eżerċizzju ta’ xirja ta’ 200 prodott u servizz li jintużaw b’mod regolari sabiex jiġi assigurat li ma jkunx hemm min jabbuża.

Vince Farrugia, Segretarju Ġenerali tal-GRTU, saħaq li hemm bżonn li titneħħa l-perċezzjoni ġenerali li tal-ħwienet dejjem iridu jgħollu l-prezzijiet. “Se naħdmu flimkien mal-UĦM biex nassiguraw li din l-inizjattiva tkun suċċess bħalma kienet suċċess l-iskema FAIR” stqarr Vince Farrugia. Bil-kompetizzjoni ħarxa li teżisti llum, huwa ferm diffiċli li wieħed jaqbad u jabbuża bi prezzijiet. Ikun hemm każijiet ġenwini fejn wieħed jgħolli xi prezzijiet u tajjeb li dawn jiġu spjegati bħal f’każijiet relatati ma’ importazzjoni. Ġewwa l-Islovenja saħansitra kien hemm tnaqqis fl-indiċi tal-prezzijiet minħabba li kullħadd ġibed ħabel wieħed. Dan għandu jwassal sabiex f’pajjiżna wkoll nassiguraw li ma jkunx hawn min jabbuża minn din il-bidla storika.

Is-Segretarju Parlamentari  Tonio Fenech fakkar li mill-10 ta’ Lulju ‘l quddiem, il-wiri ta’ prezzijiet biż-żewġ muniti jsir obligatorju. L-iskema FAIR, li diġa attirat madwar 6,000 negozju, se tibqa’ miftuħa sa Settembru. “Illum jeżisti l-mekkaniżmu sabiex tal-ħwienet ikunu nfurmati sew dwar il-bidla għall-ewro, dan bis-saħħa tax-xogħol siewi li qed iwettqu l-euro assistants, iżda llum qed jiġi fis-seħħ mekkaniżmu ieħor, li għandu jassigura li ma jkunx hawn min jabbuża mill-bidla għall-ewro,”  temm jgħid l-Onor. Tonio Fenech.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

Aktar Stqarrijiet Right arrow