Edizzjoni oħra ta’ ‘Notte Bianca’ f’Ottubru
‘Notte Bianca – Lejl Imdawwal 2007’ din is-sena ser jiġi organizzat fis-6 ta’ Ottubru fil-belt Valletta.
Għat-tieni sena l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, bl-għajnuna ta’ diversi entitajiet, ser jorganizza lejla ta’ arti u kultura kif iseħħ f’diversi bliet Ewropej bl-iskop li l-kapitali ta’ pajjiżna u l-inħawi ta’ madwar jiġu ġenerati u t-teżori li fihom jiġu magħrufa aktar u aħjar, sew mill-poplu Malti kif ukoll mill-barranin li jkunu fostna.
F’din il-lejla jiġu organizzati f’daqqa, diversi attivitajiet f’siti differenti b’enfasi speċjali fuq l-arti kontemporanja u l-kultura Maltija. Dan il-lejla tagħti l-opportunità lil artisti, sew dawk stabbiliti kif ukoll dawk li m’humiex. Toħloq ukoll sinerġija ta’ kollaborazzjoni lokali u internazzjonali bejn artisti, produtturi u organizzaturi. Sinerġija li tinfirex ukoll f’inizjattivi pubbliċi, privati u organizazzjonijiet voluntarji.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda n-‘Notte Bianca – Lejl Imdawwal 2007’ qal li attivitajiet bħal din kienu jwasslu biex l-arti u l-kultura jkunu aktar aċċessibbli fost il-poplu u biex anke nippromwovu arti u artisti lokali u kontemporanji.
“Notte Bianca – Lejl Imdawwal is-sena l-oħra kien suċċess kbir. Iġġenera l-kummerċ u ta kontribut importanti għas-settur turistiku li llum qed jinbena fuq sensiela ta’ avvenimenti kulturali u artistiċi. Is-suċċess tan-Notte Bianca tas-sena l-oħra wassal għal domanda għal aktar attivitjiet ta’ dak it-tip, tant li din is-sena diġà organizzajna n-Notte Magica fil-festa tat-Tre Re u n-Notte Gozitana, Lejlet Lapsi,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li biex torganizza attività bħal din b’ġeneru artistiku u kulturali varjat, trid organizazzjoni sħiħa u kien għalhekk li kienet qed titnieda sejħa ġenerali għal proposti artistiċi, għal sponsorships u għal persuni li lesti jagħtu l-għajnuna tagħhom.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din hi attività għall-poplu kollu mill-kbar saż-żgħar, attività li tiġbor mużika ta’ kull tip minn rock u pop għal semi-klassiku, jazz, sagru, klassiċi u etniku; danza klassika u kontemporanja; wirjiet ta’ arti minn artisti; storja permezz ta’ mużewijiet u żjajjar kulturali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dawn l-attivitajiet ser jittellgħu f’siti u postijiet ċentrali li jinkludu toroq u pjazez ewlenin, ġonna, teatri, mużewijiet, bereġ, kappelli, knejjes u postijiet kulturali. Hu qal li għal darb’oħra l-poplu ser ikollu l-opportunità li jżur siti storiċi u li jipparteċipa f’attivitajiet mtella’ apposta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966