IR-RILOKAZZJONI TAL-MONTI
Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jirreferi għall-istqarrija tal-GRTU dwar ir-rilokazzjoni tal-Monti tal-Belt Valletta.
Hu minnu li bi ftehim bejn il-Gvern u l-UĦM (f’isem il-bejjiegħa tal-Monti), ir-rilokazzjoni temporanja għal Misraħ il-Ħelsien kellha ddum biss sakemm jitqiegħed il-konkos fis-sit identifikat għall-Monti fi Triq il-Merkanti bejn Triq l-Arċisqof u Triq it-Teatru l-Antik.
Dan seta’ jiġri diversi ġranet ilu minħabba li x-xogħlijiet immexxija mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura lestew is-sit il-ġdid għall-Monti fil-ħin: jiġifieri qabel is-7 ta’ Ġunju li għadda.
Minħabba li x-xogħlijiet fi Triq il-Merkanti qed jimxu b’kalendarju antiċipat, il-Gvern iddeċieda iżda li:
1. jistenna qabel jirriloka l-Monti għal Triq il-Merkanti li jitjiebu t-toroq ta’ l-aċċess għas-sit waqt li jsir iktar progress fix-xogħlijiet fl-inħawi. Fil-fatt ix-xogħlijiet fi Triq il-Merkanti bejn Triq it-Teatru l-Antik u Triq San Ġwann issa huma viċin li jitlestew; u
2. fuq talba tal-UĦM, jestendi l-offerta lill-bejjiegħa li jixtiequ li minn jeddhom jirtiraw il-liċenzja biex ibiegħu mill-Monti. Din l-estensjoni ngħatat wara li l-UĦM ikkomunikat lill-Gvern li xi bejjiegħa jixtiequ jirtiraw il-liċenzja tagħhom.
L-estensjoni ta’ l-offerta lill-bejjiegħa li jridu jirtiraw il-liċenzja tagħlaq il-Ħamis 28 ta’ Ġunju 2007. Ir-rilokazzjoni għas-sit il-ġdid fi Triq il-Merkanti għalhekk hi issa imminenti. Il-Gvern iqis din id-deċiżjoni tiegħu bħala raġjonevoli u ta’ ġid għall-kommunità kummerċjali tal-Belt kollha u jifhem li l-GRTU għandha taqbel ma’ dan.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966