TlEtt ijiem attivitajiet favur l-ambjent u l-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar
Il-‘Batista Leisure Group’ u ‘Leon Promotions’ b’kollaborazzjoni ma’ ‘The National Lotteries Good Causes Fund’, l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, l-Assoċjazzjoni tal-Bars u r-Ristoranti ta’ San Pawl il-Baħar u il-Kumitat Konġunt għat-Turiżmu f’San Pawl il-Baħar, ser jippreżentaw ‘Climate Change Malta’ bejn nhar il-Ġimgħa u l-Ħadd 6, 7 u 8 ta’ Lulju, f’Islet Promenade, Qawra – San Pawl il-Baħar.
Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju ser jittella’ l-kunċert ‘Heart of Gold’ bil-parteċipazzjoni ta’ artisti Maltin ewlenin. Din ser tkun attività b’risq ir-Razzett tal-Ħbiberija.
Nhar is-Sibt 7 ta’ Lulju ser ikun hemm kunċert bl-isem ‘Climate Change Malta’ bil-parteċipazzjoni ta’ ‘The Big Band Brothers’, Olivia Lewis, J Anvil, Sophie, Chalie, Rebecca, Naykid, Wiliam Dance Company u l-kantant popolari Taljan Marco Masini.
Nhar il-Ħadd 8 ta’ Lulju jittella’ l-kunċert ‘Environmental Rocks’ bil-parteċipazzjoni ta’ Scream Daisy, The Monitors, Jozi’s Band u Vinnie Vintage.
It-tliet kunċerti jibdew fit-8.30 pm u d-dħul ikun b’xejn. Fis-7 ta’ filgħaxija, fit-tlitt ijiem, ser ikun hemm il-‘Qawra Point Green Village’ li jinkludi zona għat-tfal, palk għal mużika folk, ċinema għall-arja aperta, swieq ta’ ikel etniku u organiku, ‘Project Aware’ tindif ta’ qigħ il-baħar u l-kosta, ikel u xorb.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino u s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech indirizzaw l-istampa fejn nedew din l-attività.
“Din l-attivita’ hi oħra minn sensiela ta’ attivitajiet li l-Ministeru tiegħi u l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta flimkien ma’ entitajiet oħra qed jorganizzaw biex iressqu lill-Maltin u lit-turisti lejn l-inħawi ta’ Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar. Climate Change Malta turi l-impenn tal-Gvern favur dawn l-inħawi,” tenna il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din l-attività kienet waħda minn serje li ġew organizzati din is-sena. Hu fakkar li l-Ministeru tiegħu flimkien mal-MTA kienu diġa kkoontribwew biex ġew organizzati fl-inħawi l-Easter Monday Parades, għall-festival ta’ l-Inbid, Festa Mużika, l-Air Show u l-parteċipazzjoni ta’ banda fil-jiem tal-Karnival.
Il-Ministru għat-Turżimu u Kultura qal li l-Gvern ma kienx qed jieqaf biss fuq attivitajiet, iżda kif ħabbar fil-15 ta’ Ġunju, kien se jwettaq erba’ proġetti fl-inħawi ta’ Buġibba, Qawra, San Pawl il-Baħar u x-Xemxija li b’investiment ta’ 7.8 miljun euro (Lm3,348,540) kienu ser isebbħu l-inħawi bl-iskop li jirriġeneraw din l-area turistika.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino, qal li l-kuxjenza ambjentali f’pajjiżna qed tkompli tikber bħal ma jidher mir-rispons inkoraġġanti mill-pubbliku għall-inizjattivi li l-Gvern u l-aġenziji governattivi qed jieħdu f’dan il-qasam – mhux l-inqas fir-riċiklaġġ ta’ l-iskart, l-użu ta’ sorsi rinnovabbli ta’ enerġija u l-isforzi biex jittejjeb l-ambjent urban tagħna.
“Madankollu mhux kulħadd qed jirrealizza li l-bidla fil-klima hija fenomenu li diġa’ qiegħed magħna u li dan ser ikollu effett dirett fuq in-natura kollha fid-dinja u għalhekk fuq il-ħajja tagħna lkoll. Dan minnu nnifsu għandu jnissel fina lkoll sens ta’ urġenza akbar u bżonn li nifhmu li kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu biex l-effett tal-bidla fil-klima jitnaqqas kemm jista’ jkun,” qal il-Ministru Pullicino.
“Għalhekk kien pass naturali għall-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent li jgħin finanzjarjament fl-organizzazzjoni ta’ avveniment bħal dan li huwa mezz ideali biex il-messaġġ tagħna jitwassal liż-żgħażagħ Maltin u dawk li jżuruna,” temm igħid il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech, qal li saret talba lill-Ministeru tal-Finanzi tramite n-National Lotteries Good Causes Fund sabiex tingħata għajnuna finanzjarja għal dan il-proġett. Il-‘Climate Change Malta’ ser tkun marbuta mhux biss ma’ tagħrif dwar l-ambjent ta’ madwarna u kif qed jaffettwana, imma wkoll ser tkun ukoll il-mod kif nedukaw lill-pubbliku in ġenerali dwar it-tibdil fil-klima ta’ madwarna.
Tonio Fenech qal li l-Ministeru tal-Finanzi ma ħarisx lejn din l-attività bħala attività ta’ divertiment biss, imma li din għandha tkun mezz li bih jitwassal messaġġ importanti lil dawk kollha li se jieħdu sehem. Tonio Fenech qal li din l-attività qed tapplika għal kontribuzzjoni minn National Lotteries Good Causes Fund għax għandha element edukattiv.
Tonio Fenech qal ukoll li din l-attività hija marbuta ma’ l-attività ekonomika ġewwa l-inħawi tal-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar. Bħalma n-National Lotteries Good Causes Fund ser tgħin finanzjarjament sabiex ikun jista’ jittella’ l-Malta Arts Festival fil-Belt Valletta, hekk ser tgħin ukoll sabiex tittella’ din l-attività f’dawn l-inħawi.
Tonio Fenech qal li wara li saret it-talba lill-Kumitat tan-National Lotteries Good Causes Fund u wara li din ġiet approvata, sar kuntatt mal-Ministri Zammit Dimech u Pullicino dwar il-possibiltà li jkun hemm parteċipazzjoni min-naħa tal-Ministeri rispettivi tagħhom ukoll. Fil-fatt dawn il-Ministeri qegħdin jipparteċipaw f’din l-attività.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966