L-ETC B’Ħidma biex il-Ħaddiema Ssensjati Jsibu Xogħol
Kif tħabbru s-sensji tal-massa ta’ din il-ġimgħa fis-settur tat-tessuti, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għal darb’oħra reġgħet immobilizzat pakkett komprensiv ta’ servizzi għall-impjegati tal-Korporazzjoni VF u l-Bortex. B’effett immedjat, l-ETC se tkun qed twettaq eżerċizzju ta’ profiling ma’ dawn l-impjegati, fejn se jkunu stabbiliti l-ħiliet u l-preferenzi tax-xogħol tagħhom. Matul il-perjodu tan-notice, dawn l-impjegati se jibdew ikunu notifikati b’postijiet battala ta’ xogħol kuljum fuq il-post tax-xogħol tagħhom u, jekk jixtiequ, permezz ta’ l-email. L-ETC tixtieq tirringrazzja lis-sidien tal-kumpaniji kkonċernati għall-koperazzjoni sħiħa tagħhom.
Permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ profiling, l-ETC qed tenfasizza fuq il-ħtieġa għat-taħriġ mill-ġdid f’industrija differenti u qed toffri numru ta’ għażliet biex tgħin lill-ħaddiema f’dan ir-rigward. Il-ħaddiema jistgħu jagħżlu li jidħlu f’kwalunkwe programm ta’ taħriġ offrut bħalissa mill-ETC u jekk ikun hemm numru sostanzjali li juru interess f’kors mhux offrut bħalissa, l-ETC tagħmel minn kollox biex tipprovdih.
Numru ta’ sidien ta’ kumpaniji diġa` urew interess attiv fir-reklutaġġ ta’ dawn il-ħaddiema ssensjati. Hekk kif is-sensji ġew ippubblikati, l-Vacancy Profile Unit ta’ l-ETC irċeviet telefonati kontinwi f’dan ir-rigward. Kumpaniji interessati jistgħu jikkuntatjaw lill-Vacancy Profile Unit fuq vacancy.etc@gov.mt u l-isforzi kollha jsiru biex jinstabu impjegati adattati fl-iqsar żmien possibbli.
Sadanittant, aktar kmieni din il-ġimgħa, meta semgħet bis-sensji, l-ETC ikkuntattjat lit-taqsima fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea li hi responsabbli mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), biex tiddetermina jekk Malta tkunx eliġibbli f’dan l-istadju biex tapplika għal dawn il-fondi. Il-FEG twaqqaf lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet mill-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm fondi għall-għajnuna individwali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minħabba l-globalizzazzjoni. Il-fond jiffoka fuq attivitajiet magħmula apposta biex jgħinu ’l ħaddiema jerġgħu isibu posthom fis-suq tax-xogħol malajr kemm jista’ jkun.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966