Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo jżur skola li qed tipparteċipa fil-Young Enterprise Junior Achievement Programme
Wara li s-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed nieda l-Young Enterprise Junior Achievement Programme, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, flimkien ma’ Raymond Camilleri, Director, Curriculum Management, fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni żar l-Skola E. B. Vella, Primarja B, Mosta. Din l-iskola hi waħda mill-iskejjel li qiegħda tipparteċipa f’dan il-programm.
Waqt laqgħa mas-surmast, is-Sur Alex Attard, l-Onor. Vassallo laqa’ l-kummenti ta’ l-għalliema tal-ħames sena dwar dan il-programm, u qal li permezz ta’ dawn il-kummenti l-programm ser ikun jista’ jiġi żviluppat aħjar u jistgħu jsiru tibdiliet jekk ikun hemm bżonn. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo u is-Sur Raymond Camilleri żaru s-sitt klassijiet fejn ġie introdott dan is-suġġet u tkellmu ma’ l-istudenti li lkoll kienu entużjasti dwar il-programm. Permezz ta’ dan il-programm, l-istudenti qegħdin jitgħallmu ħiliet bażiċi ta’ l-imprenditorija. It-tagħlim ta’ l-imprenditorija qiegħed isir permezz ta’ role play exercises u logħob, kif ukoll il-preparazzjoni ta’ reklamar għal prodotti, fost l-oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “huwa achievement tal-Gvern li b’mod formali u strutturat l-imprenditorija ser tibda tiġi mgħallma saħansitra f’livell primarju. It-tħejjija fil-ħiliet imprenditorjali ta’ l-istudenti anke fil-livell primarju m’huwiex maħsub biex iwassal lil kull student biex fil-ġejjieni jkollu n-negozju tiegħu, imma biex kull student jappreza aktar l-attivita’ kummerċjali.”
L-Onor. Vassallo temm billi qal li “l-ħiliet imprenditorjali huma ħiliet li jistgħu jiġu applikati f’kull sitwazzjoni fil-ħajja. L-għan ta’ dan il-programm, u ta’ l-iżvilupp ta’ mentalita’ aktar imprenditorjali, hu li kull student ikun mgħejjun jiżviluppa l-ħiliet tiegħu ta’ responsabbilita’, kommunikazzjoni u innovazzjoni. Dan huwa konformi ma’ dak li tgħid l-Unjoni Ewropea u partikolarment ma’ l-aġenda ta’ Lisbona, u bl-introduzzjoni ta’ edukazzjoni fl-imprenditorija f’kull livell edukattiv, inkunu tassew qegħdin naħdmu biex ikollna ‘knowledge-based economy’.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966