Iffinanzjati 39 proġett favur l-Ambjent Urban f’21 Lokalità
Illum ġew iffirmati b’kemm jiswew Lm410,000 (€955,043) f’kuntratti bejn l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u 21 Kunsill Lokali li bejniethom wettqu, jew qed iwettqu mad-39 proġett favur it-titjib ta’ l-ambjent urban.
Il-fondi allokati ġew mill-Fond għat-Titjib Urban (UIF) mmexxija mill-MEPA u li għaliha huma eliġibbli 61 lokalità. Dan il-Fond jilqa’ fiħ il-flejjes li jinġabru mill-ibliet u irħula Maltin u Għawdxin meta jsir żvilupp li ma jipprovdix parkeġġ adegwat. Min ikun qed jiżviluppa fil-fatt iħallas Lm500 (€1,182) għal kull spazju ta’ parkeġġ li ma jkunx ipprovda skond il-bżonnijiet ta’ l-iżvilupp tiegħu. Meta dan ma jsirx tkun qed tiżdiet il-pressjoni fuq l-ambjent urban. Dan il-fond għalhekk iservi biex jiffinanzja proġetti ta’ landscaping, tisbiħ u street lighting bil-għan li dawn jibbilanċjaw il-pressjonijiet maħluqa mill-iżvilupp.
Din l-iskema hija intiża li ġġiegħel lill-Kunsilli jressqu l-proposti huma stess għaliex huma l-aktar li jagħrfu l-bżonnijiet tar-residenti tal-lokalitajiet tagħhom u dan qed isir biex ikun żgurat li mill-flus li qed jintefqu jittieħed l-aqwa benefiċċju possiblli.
F’kummenti li ta waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-bini tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent l-Onor. George Pullicino qal li bis-saħħa ta’ dawn il-fondi qed nagħmluha iktar faċli li l-Kunsilli Lokali jgawdu iktar mill-fondi pubbliċi u jwettqu inizjattivi favur l-ambjent. Hu qal li din l-iskema tikkonferma l-impenn ambjentali tal-Gvern u fl-istess waqt hija xhieda tal-fiduċja tal-Gvern fil-Kunsilli Lokali.
“Nirringrazzja lill-Kunsilli Lokali għas-sottomissjonijiet tagħhom għax b’dawn il-proġetti qed tkomplu tikkonfermaw kemm il-Kunsilli qed iservu ta’ ġid kbir għall-pajjiżna. Fl-istess ħin inħeġġiġkom biex tkomplu tressqu aktar proġetti għal finanzjament ta’ dan il-fond biex il-flejjes kollha li hemm disponibbli jintużaw,” qal il-Ministru Pullicino.
Il-Ministru ħeġġeġ ukoll lill-Kunsilli Lokali biex jibdew iħarsu ‘l barra mill-konfini tagħhom u jużaw l-opportunità li joffri l-Fond għat-Titjib Urban biex jimbarkaw fuq proġetti li jitwettqu b’sinerġija bejn żewġ Kunsilli jew aktar.
“Importanti li dawn il-fondi jkunu użati mill-Kunsilli Lokali u aġenziji oħra Governattivi biex jinħolqu proġetti ta’ kwalita’. Dawn iġibu titjib sostanzjali u pożittiv għar-residenti u l-ambjent urban li jgħixu fih” temm jgħid il-Ministru Pullicino.
Stqarrijiet Oħra:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966